Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Investiment ta' EUR 8.1 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi

Commission Européenne - IP/12/752   09/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Lulju 2012

Investiment ta' EUR 8.1 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret l-aħħar u l-akbar sejħiet għall-proposti ta' riċerka skont is-Seba' Programm ta' Qafas tagħha (PQ7). B'kollox, EUR 8.1 biljun se jsostnu proġetti u ideat li se jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa u jindirizzaw kwistjonijiet bħas-saħħa tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent u s-sejbien ta' soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi dejjem jiżdiedu marbutin mal-urbanizzazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart. Il-finanzjament – li huwa miftuħ għal organizzazzjonijiet u negozji fl-Istati Membri kollha tal-UE u f'pajjiżi sieħba – jikkostitwixxi l-parti l-kbira tal-baġit tal-2013 ta' EUR 10.8 biljun tal-UE propost għar-riċerka. Din l-aħbar waslet ftit jiem wara li l-mexxejja tal-UE enfasizzaw l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "L-għarfien huwa l-munita tal-ekonomija globali. Jekk l-Ewropa trid tibqa' kompetittiva fis-Seklu 21, irridu nsostnu r-riċerka u l-innovazzjoni li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi issa u fil-futur. Il-livell għoli tal-kompetizzjoni għall-finanzjament tal-UE jaċċerta li flus iċ-ċittadini jintnefqu fuq l-aħjar proġetti li jindirizzaw il-kwistjonijiet li jikkonċernawna lkoll."

Is-sejħiet huma mmirati kemm lejn l-innovazzjoni kif ukoll lejn medda ta' sfidi soċjali, u jservu ta' punt ta' għaqda ma' Horizon 2020, il-programm għar-riċerka tal-UE li jmiss, għas-snin mill-2014 sal-2020. B'kollox hemm EUR 4.8 biljun iddedikati għall-prijoritajiet ta' riċerka tematika. L-innovazzjoni industrijali se tkun sostnuta permezz ta' attivitajiet ta' qrib is-suq bħalma huma l-provi, id-dimostrazzjoni, l-istandardizzazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs) f'pakkett li jiswa sa EUR 1.2 biljun. Madwar EUR 2.7 biljun se jgħinu lill-Ewropa ssir destinazzjoni dinjija għar-riċerkaturi, primarjament permezz ta' għotjiet individwali mill-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (EUR 1.75 biljun), u Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (EUR 963 miljun) għat-taħriġ fir-riċerka u għall-mobbiltà.

Biex ir-riċerka ta' eċċellenza tinfirex aktar, qed titħejja inizjattiva ġdida ta' "Katedri fil-Qasam tar-Riċerka Ewropea". L-ewwel sejħa ta' EUR 12-il miljun se tagħżel total ta' ħames Katedri fil-Qasam tar-Riċerka Ewropea ospitati minn universitajiet jew istituzzjonijiet oħrajn tar-riċerka eliġibbli f'reġjuni mhux wisq żviluppati f'ħames pajjiżi differenti tal-UE. Biex ikunu jistgħu jospitaw Katedra fil-Qasam tar-Riċerka Ewropea l-istituzzjonijiet iridu juru l-kapaċità tagħhom li jsostnu l-eċċellenza billi jipprovdu l-faċilitajiet meħtieġa u jikkonformaw mal-prinċipji tal-Qasam tar-Riċerka Ewropea, pereżempju r-reklutaġġ miftuħ.

Il-parti l-kbira tas-sejħiet għall-proposti (stediniet biex jintefgħu talbiet għall-fondi) se jiġu ppubblikati fl-10 ta' Lulju, u se jkun hemm għadd ta' sejħiet speċifiċi oħrajn fil-ħarifa.

Kuntest

Il-prijoritajiet tar-riċerka tematika innovattiva f'dan il-PQ7 jinkludu: madwar EUR 155 miljun għall-"Ibħra tal-ġejjieni", biex isostnu t-tkabbir sostenibbli fis-setturi marini u marittimi; madwar EUR 365 miljun għat-teknoloġiji li se jbiddlu liż-żoni urbani f'"Ibliet u Komunitajiet Intelliġenti" sostenibbli; u madwar EUR 147 miljun għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' batterji li huma reżistenti għall-mediċini; u kważi EUR 100 miljun iddedikati għal soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni ta' riżorsi ta' ilma ħelu.

Is-sejħiet jappoġġaw ukoll il-miri tal-finanzjament tar-riċerka fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) tal-Aġenda Diġitali, bi kważi EUR 1.5 biljun iddedikati għall-qasam tematiku tal-ICT. Se jkun hemm madwar EUR 970 miljun ta' finanzjament għall-SMEs fil-prijoritajiet tar-riċerka tematika. Miżuri oħra jinkludu EUR 150 miljun żejda għall-garanziji li jirfdu EUR 1 biljun ta' self lill-SMEs u kumpaniji ta' daqs medju (mid-caps) (kemxejn ikbar mill-SME, li jħaddmu sa 500 ruħ).

It-EUR 8.1 biljun mħabbra llum huma mistennija li jirfdu EUR 6 biljun oħra ta' investiment pubbliku u privat fir-riċerka, u huwa stmat li se jżidu l-impjiegi b'210,000 fuq medda qasira ta' żmien u, tul perjodu ta' 15-il sena, jiġġeneraw EUR 75 biljun oħra ta' tkabbir1.

Il-Programm ta' Qafas PQ7, li tnieda fl-2007, għandu baġit totali ta' EUR 55 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni. Sa issa sostna madwar 19,000 proġett li jinvolvu 'l fuq minn 79,000 parteċipant (universitajiet, organizzazzjonijiet tar-riċerka u negozji) madwar l-Istati Membri tal-UE kollha, b'investiment totali tal-UE li sa issa wasal għal EUR 25.3 biljun. Huwa stmat li sal-2013 il-PQ7 se jkun sostna b'mod dirett il-karrieri ta' madwar 55,000 riċerkatur individwali.

Il-baġit totali tal-UE għar-riċerka jinkludi fondi li mhumiex inklużi mas-sejħiet imħabbra llum. Dawn jinkludu l-finanzjament skont it-trattat tal-Euratom li jkopri r-riċerka fl-enerġija nukleari (EUR 993 miljun), jew finanzjament li jgħin biex isostni "l-inizjattivi konġunti tat-teknoloġija" mal-industrija (EUR 751 miljun) jew "programmi konġunti" mwaqqfa bejn l-Istati Membri. Il-baġit totali jinkludi wkoll il-finanzjament għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni, u l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF), immexxi mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Ara wkoll il-MEMO/12/528

FP7: www.ec.europa.eu/research/fp7

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Ewropa 2020: http://ec.europa.eu/europe2020

Horizon 2020: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

1 :

Ara l-proġetti ta' riċerka DEMETER, SIMPATIC, WIOD u NEUJOB
http://ec.europa.eu/research/social-sciences/index_en.html


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site