Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 3 Lulju 2012

L-għarfien, ir-responsabbiltà, l-impenn: l-UE tfisser il-politika tagħha dwar l-Artiku

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentanta Għolja tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà llum fissru t-triq għall-ġejjieni tal-impenn kostruttiv tal-UE fl-Artiku. Ir-reġjun tal-Artiku huwa element vitali għall-ambjent tal-pjaneta tagħna. It-tibdil fil-klima fl-Artiku qed javvanza b’mod drammatiku, u kull sena tidher xi bidla li jkollha impatt sinifikanti fuq l-ekosistema tiegħu u fuq il-modi tradizzjonali ta’ kif l-abitanti tiegħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Fl-istess ħin, is-silġ tal-baħar li qed jirtira bil-ħeffa, flimkien mal-progress teknoloġiku, qed jiftħu opportunitajiet ekonomiċi ġodda fir-reġjun bħal ma huma t-tbaħħir, l-iskavar għall-minerali, l-estrazzjoni tal-enerġija u s-sajd. Filwaqt li dawn l-attivitajiet huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija globali, huma jirrekjedu wkoll approċċ prudenti u sostenibbli: jista' wieħed jistenna riperkussjonijiet ulterjuri għar-reġjun fraġli tal-Artiku jekk ma jiġux rispettati standards ambjentali mill-aktar għolja.

L-istrateġija adottata llum, li tinġabar fi tliet kelmiet, "għarfien, responsabbiltà, impenn”, fiha sett ta’ azzjonijiet tanġibbli li jikkontribwixxu għar-riċerka u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun u jippromwovu teknoloġiji ekoloġiċi li jistgħu jintużaw biex it-tbaħħir u l-estrazzjoni tal-minerali jkunu jistgħu jsiru b’mod sostenibbli. Hija tagħti wkoll ħarsa lejn l-attivitajjiet tal-UE fl-Artiku sa mill-2008. Pereżempju, l-UE għamlet kontribut ta' EUR 20 miljun kull sena għar-riċerka dwar l-Artiku tul l-aħħar deċenju u investiet aktar minn EUR 1.14 biljun fl-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun sa mill-2007.

Catherin Ashton, ir-Rappreżentanta Għolja u l-Viċi President tal-Kummissjoni qalet: “Bis-saħħa tal-azzjonijiet ippreżentati llum, irridu nuru lid-dinja li l-UE tieħu bis-serjetà l-impenji tagħha lejn ir-reġjun tal-Artiku. L-iżviluppi fl-Artiku jkomplu jkabbru l-urġenza tal-ħidma tagħna li niġġieldu t-tibdil fil-klima globali, u huma ta’ importanza strateġika, ekonomika u ambjentali dejjem tiżdied għall-Unjoni Ewropea. L-UE trid li tagħti kontribut pożittiv lill-koperazzjoni bejn l-istati tal-Artiku u tqis il-ħtiġijiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali li jgħixu fiż-żoni tal-Artiku".

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki qalet: “L-Artiku jinsab għaddej minn bidliet importanti, li jippermettu li ssir attività ekonomika ġdida f’parti fraġili tad-dinja. Jeżistu sfidi u opportunitajiet ambjentali li jirrekjedu attenzjoni globali u l-UE tista’ tgħin b’mod sostanzjali: fejn tidħol ir-riċerka, l-iffinanzjar, il-ġlieda kontra t-tisħin globali u l-iżvilupp ta' teknoloġiji aktar ekoloġiċi. Dan huwa l-punt kollu tal-Politika Marittima Integrata tal-UE, li tkun ta' kontribut għal soluzzjonijiet komuni għall-ġestjoni sostenibbli tal-ibħra.”

Kemm ir-Rappreżentanta Għolja Ashton kif ukoll il-Kummissarju Damanaki żaru r-reġjun tal-Artiku din ir-rebbiegħa; Ashton marret il-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja, inkluż Svalbard, u Damanaki marret il-Groenlandja.

Il-Komunikazzjoni fiha serje ta’ miżuri li jsostnu ġestjoni effettiva tal-Artiku. Fosthom hemm:

  • Appoġġ għal riċerka dwar l-Artiku skont il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Horizon, li l-Kummissjoni qed tipproponi, bi spiża ta' EUR 80 biljun (ara IP/11/1475);

  • Kontribut għat-tiftix u s-salvataġġ fl-Artiku permezz tat-tnedija ta’ satelliti ta’ osservazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss (ara IP/11/1477);

  • Żieda fir-ritmu ta’ azzjonijiet li jiġġieldu t-tibdil fil-klima;

  • L-użu ta’ opportunitajiet ta’ ffinanzjar mill-UE biex jiġi massimizzat l-iżvilupp sostenibbli fl-Artiku għall-benefiċċju ta’ komunitajiet lokali u indiġeni;

  • Il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi li jistgħu jintużaw mill-industriji tal-estrazzjoni fl-Artiku;

  • It-tisħiħ tad-djalogu bilaterali dwar kwistjonijiet li jolqtu l-Artiku mal-Kanada, l-Islanda, in-Norveġja, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti, inkluż billi tapplika għal stat ta’ osservatur permanenti fil-Kunsill tal-Artiku;

  • Aktar sforzi biex jinżamm djalogu regolari dwar il-linji ta’ politika u l-programmi tal-UE ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ popli indiġeni;

B’kollox, il-Komunikazzjoni fiha 28 punt ta’ azzjoni.

Punti ewlenin tal-Komunikazzjoni:

  • Tibdil fil-klima: l-UE, li tinsab mixja bil-pass meħtieġ biex tilħaq l-għanijiet ta’ Kyoto, inkorporat l-impenn tagħha li tnaqqas b’20 fil-mija l-emmissjonijiet tagħha ta’ gassijiet bl-effett ta’ serra fil-liġijiet tagħha u għadha marbuta mal-għan għat-tul ta' tnaqqis ta' 80-95% tal-emissjonijiet tagħha sal-2050.

  • Żvilupp sostenibbli: għall-perjodu finanzjarju 2007—2013 l-UE tipprovdi aktar minn EUR 1.14 biljun għall-iżvilupp tal-potenzjal ekonomiku, soċjali u ambjentali tar-reġjuni tal-Artiku ta’ żoni tal-UE u dawk fil-viċinat.

  • Riċerka: L-UE tat kontribut ewlieni fejn tidħol ir-riċerka dwar l-Artiku matul dawn l-aħħar għaxar snin, u kkontribwiet madwar EUR 200 miljun minn fondi tal-UE lil attivitajiet internazzjonali ta’ riċerka fl-Artiku.

Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE issa huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom dwar l-azzjonijiet proposti. Il-Komunikazzjoni tagħti wkoll bidu għal proċess ta’ djalogu u konsultazzjoni mal-pajjiżi tal-Artiku, l-popli indiġeni u ma’ partijiet oħra interessatu biex tkompli tirfina l-politika tal-UE dwar l-Artiku.

L-Isfond

Il-perjodu bejn l-2005 u l-2010 kien l-aktar perjodu sħun li qatt ġie rreġistrat fl-Artiku u qed jiġi mbassar li r-reġjun ikollu sjuf mingħajr silġ fi żmien bejn 30 u 40 sena oħra. It-tibdil rapidu li qed iseħħ jista', potenzjalment, jillibera l-aċċess għal riżorsi naturali vasti, bħal ma huma ż-żejt u l-gass, u jippermetti li jkun hemm rotot ta' tbaħħir li jistgħu jiffrankaw il-ħin u l-kostijiet fuq rotot ta’ kummerċ importanti bejn l-Ewropa u l-Asja. Il-Kunsill tal-Artiku huwa l-forum internazzjonali ewlieni afdat bl-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali fl-Artiku. Il-Membri tal-Kunsill tal-Artiku huma l-istati tal-Artiku (il-Kanada, id-Danimarka, li tirrappreżenta sew lil Groenlandja kif ukoll lill-Gżejjer Faeroe, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja, il-Federazzjoni Russa, l-Isvezja u l-Istati Uniti). L-organizzazzjoniiiet tal-popli indiġeni huma Parteċipanti Permanenti fil-Kunsill tal-Artiku. F’Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea applikat f’isem l-UE biex tikseb status ta’ osservatur; din l-applikazzjoni ġiet ikkonfermata mill-ġdid tard fl-2011. Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħha mistennija li tittieħed fil-laqgħa ministerjali tal-Kunsill tal-Artiku li għandha ssir f’Kiruna f’Mejju 2013.

Għal aktar tagħrif:

MEMO 12/517: Il-Politika tal-UE dwar l-Artiku: Mistoqsijiet u Tweġibiet

http://eeas.europa.eu/arctic_region/index_en.htm

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/sea_basins/arctic_ocean/index_en.htm

Kuntatti :

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Eamonn Prendergast (+32 2 299 88 51)

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website