Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji

Commission Européenne - IP/12/736   03/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 3 ta’ Lulju 2012

Il-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji

Il-kriżi finanzjarja saret kriżi tal-fiduċja tal-konsumaturi. In-nuqqas ta’ trasparenza, in-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u l-maniġġ ħażin tal-kunflitti ta' interess wasslu biex il-konsumaturi madwar l-UE ripetutament imbigħulhom prodotti ta' investiment u assigurazzjoni li ma kinux jgħoddu għalihom. Il-fiduċja tal-konsumaturi fis-settur finanzjarju spiċċat. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni eżistenti ma żviluppatx malajr biżżejjed biex tirrifletti l-kumplessità dejjem tikber tas-servizzi finanzjarji.

Il-fiduċja baxxa tal-konsumaturi tista' terġa' tinkiseb biss jekk jittieħdu passi biex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati u b'hekk jitqiegħdu sisien sodi għat-tkabbir fl-UE. Biex il-konsumaturi jkollhom fiduċja u l-ekonomija tikber fuq perjodu ta' żmien medju u twil huma meħtieġa swieq fil-livell ta' konsumatur b'saħħithom u rregolati sew li jpoġġu l-aħjar interessi tal-konsumaturi fil-qalba tagħhom. Għalhekk illum, il-Kummissjoni ressqet pakkett leġiżlattiv li jgħolli l-istandards u jneħħi l-lakuni għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Speċifikament, il-pakkett jipproponi standards ġodda u dħulin għall-konsumatur fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-investimenti, jgħolli l-istandards għall-għoti tal-pariri, u jissikka ċerti regoli dwar il-fondi ta' investiment biex jiżgura s-sikurezza tagħhom.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Wara l-akbar kriżi finanzjarja fil-passat riċenti, is-settur finanzjarju jrid ipoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tiegħu. Il-prodotti fil-livell ta' konsumatur iridu jkunu aktar sikuri, l-istandards tal-informazzjoni jridu jsiru aktar ċari, u dawk li jbigħu l-prodotti jridu jkunu l-ħin kollu suġġetti għall-ogħla standards. Huwa għalhekk li aħna adottajna pakkett dedikat biss għall-konsumaturi, ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu prodotti finanzjarji abbażi ta' informazzjoni ċara u soda u pariri professjonali li jpoġġu l-interessi tal-konsumatur fl-ewwel post."

Elementi ewlenin tal-pakkett

Il-pakkett huwa magħmul minn tliet proposti leġiżlattivi: proposta għal regolament dwar dokumenti bit-tagħrif ewlieni għal prodotti ta' investiment għall-konsumaturi aggregati (PRIPs), reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni tal-Assigurazzjoni (IMD), u proposta biex tissaħħaħ il-protezzjoni għal dawk li jixtru fondi ta' investiment (attwalment regolati mid-Direttiva dwar l-Impriżi għall-Investiment Kollettiv fit-Titoli Trasferibbli (UCITS).

Prodotti ta' investiment għall-konsumaturi aggregati (PRIPs)

Il-proposta tal-Kummissjoni rigward il-PRIPS ittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi meta jkunu qed iqisu li jinvestu. Il-prodotti ta' investiment huma kumplessi u jista' jkun diffiċli tipparagunhom jew tifhem ir-riskji involuti.

Il-konsegwenzi ta' teħid ta' riskji mhux mistennija u t-telf li jirriżulta jistgħu jkunu devastanti għall-konsumaturi, minħabba li l-investimenti ta' spiss ikunu s-sinsla ta’ tfaddil tul ħajjet il-konsumatur. Minħabba li s-suq tal-investimenti fil-livell ta' konsumatur fl-UE jmiss € 10 triljun, ix-xiri ta' prodotti ħżiena jew mhux adattati malajr jista' jsir problema kbira.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tinforma l-konsumaturi f'format faċli biex jinftiehem billi tintroduċi standard ġdid u innovattiv għal informazzjoni dwar il-prodotti, standard li huwa qasir u sempliċi, u għalhekk ħafna aktar dħuli għall-konsumaturi. Dan id-dokument huwa msejjaħ id-'Dokument bit-Tagħrif Ewlieni' (KID - Key Information Document). Il-proposta tgħid li kull manifattur ta' prodotti ta' investiment (pereżempju maniġers ta' fondi tal-investiment, assiguraturi, banek) se jkollu jipproduċi dan id-dokument għal kull prodott ta' investiment.

Kull KID se jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, kif ukoll ir-riskji u l-ispejjeż assoċjati mal-investiment f'dak il-prodott. L-informazzjoni dwar ir-riskji se tkun kemm jista' jkun diretta u paragunabbli, mingħajr ma tissimplifika wisq prodotti li spiss ikunu kumplessi. Il-KID se jagħmilha ċara lil kull konsumatur jekk jistax jew le jitlef il-flus b'ċertu prodott u kemm huwa kumpless il-prodott.

Il-KID ser isegwi standard komuni fir-rigward tal-istruttura, il-kontenut u l-preżentazzjoni. B'dan il-mod, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jużaw id-dokument biex jipparagunaw il-prodotti ta' investiment differenti u fl-aħħar jagħżlu l-prodott li jaqdi l-bżonnijiet tagħhom l-aħjar.

Il-prodotti li se jkunu jeħtieġu KID jinkludu t-tipi kollha ta’ fondi ta' investiment, investimenti bbażati fuq assigurazzjoni u prodotti strutturati għall-konsumaturi komuni, flimkien mal-pensjonijiet privati.

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni tal-Assigurazzjoni (IMD)

Il-Kummissjoni qed tipproponi reviżjoni tal-IMD, li attwalment tirregola l-prassi tal-bejgħ għal prodotti tal-assigurazzjoni kollha, minn prodotti tal-assigurazzjoni ġenerali bħall-assigurazzjoni tal-vetturi u tad-djar sa dawk li fihom elementi ta’ investiment. Il-konsumaturi ta' spiss ma jkunux konxji tar-riskji assoċjati max-xiri ta' polza tal-assigurazzjoni. Filwaqt li l-pariri professjonali preċiżi huma kruċjali fil-bejgħ tal-assigurazzjoni, stħarriġiet riċenti1 juru li aktar minn 70% tal-prodotti tal-assigurazzjoni jinbiegħu mingħajr parir xieraq. Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE ma tindirizzax fid-dettall il-bejgħ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni, ir-regoli jvarjaw mal-Istati Membri, u japplikaw biss għall-intermedjarji.

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur fis-settur tal-assigurazzjoni billi jinħolqu standards komuni għall-bejgħ tal-assigurazzjoni u jiġi żgurat l-għoti ta' pariri xierqa. Se tagħmel hekk billi ttejjeb it-trasparenza u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-bejgħ tal-assigurazzjoni mill-intermedjarji u l-bejgħ mill-impriżi tal-assigurazzjoni. Biex jintlaħaq dan qed jiġu proposti l-bidliet li ġejjin:

  • Ser japplikaw l-istess livelli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, irrispettivament mil-liema mod il-konsumaturi jixtru prodott tal-assigurazzjoni. Kemm jekk konsumatur jixtri prodott direttament mingħand impriża tal-assigurazzjoni kif ukoll jekk indirettament mingħand intermedjarju, (pereżempju aġent jew sensar tal-assigurazzjoni), il-konsumatur se jirċievi l-istess livell ta' protezzjoni. Dan ma jeżistix illum peress li l-IMD attwali tkopri biss il-bejgħ ipprovdut minn intermedjarji.

  • Il-konsumaturi se jingħataw bil-quddiem informazzjoni ċara dwar l-istatus professjonali tal-persuna li tbigħilhom il-prodott tal-assigurazzjoni. Se jiġu introdotti regoli li jindirizzaw b’mod aktar effikaċi r-riskji ta’ kunflitt ta’ interess, inkluż id-divulgazzjoni tar-remunerazzjoni li jirċievu l-bejjiegħa tal-prodotti tal-assigurazzjoni.

  • Il-bejgħ ta' prodott tal-assigurazzjoni se jkollu jkun akkumpanjat b'pariri professjonali onesti.

  • Se jkun eħfef għall-intermedjarji li joperaw bejn il-fruntieri, biex b’hekk jiġi promoss il-ħolqien ta' suq intern reali fis-servizzi tal-assigurazzjoni.

Impriżi għall-Investiment Kollettiv fit-Titoli Trasferibbli (UCITS) V

Id-Direttiva tal-UCITS oriġinali ħolqot is-suq intern għall-fondi ta' investiment fl-Ewropa. Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE tal-fondi għall-investiment (id-Direttiva UCITS) kienet il-bażi għal suq integrat li jiffaċilita l-offerti transfruntieri ta' fondi ta' investiment kollettiv. L-UCITS kienu suċċess u jintużaw ħafna mill-investituri fil-livell ta' konsumatur Ewropej, tant li jimmaniġġjaw kważi €6 triljun f'assi2. L-UCITS jinbiegħu wkoll regolarment lil investiruri lil hinn mill-UE, fejn huma apprezzati ferm minħabba l-livell għoli ta’ protezzjoni li joffru lill-investitur.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal emendi fl-UCITS attwali hija bbażata fuq l-esperjenza mill-kriżi finanzjarja, sabiex tkompli tiżgura s-sikurezza tal-investituri u l-integrità tas-suq. B'mod partikolari, il-proposta se tiżgura li l-marka tal-UCITS tibqa' affidabbli billi tiżgura li d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tad-depożitarju (l-entità li żżomm l-assi) ikunu ċari u uniformi madwar l-UE3.

Il-proposta tal-lum tindirizza tliet oqsma:

  • definizzjoni preċiża tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tad-depożitarji kollha li jaġixxu f'isem fond UCITS;

  • regoli ċari dwar ir-remunerazzjoni tal-maniġers tal-UCITS: il-mod li bih jiġu rremunerati ma għandux jinkoraġixxi teħid ta' riskji żejda. Il-politika tar-remunerazzjoni se tkun marbuta aħjar mal-interess fit-tul tal-investituri u tal-kisba tal-għanijiet tal-investiment tal-UCITS; kif ukoll

  • approċċ komuni dwar kif ksur ewlieni tal-qafas legali tal-UCITS jiġi sanzjonat, bl-introduzzjoni ta' standards komuni dwar il-livelli tal-multi amministrattivi ħalli jiġi żgurat li dawn il-multi dejjem jaqbżu l-benefiċċji potenzjali li jinkisbu mill-ksur tad-dispożizzjonijiet.

Ara ukoll MEMO/12/514 , MEMO/12/516 u MEMO/12/515

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/investment_products_en.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/investment/index_en.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/consumer/mediation/index_en.htm

Kuntatti:

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

3 :

Ir-regola prinċipali tal-UCITS hija li l-assi kollha ta’ fond UCITS iridu jiġu fdati għand depożitarju.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site