Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-2 ta' Lulju 2012

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ: studji juru li l-apprentistati u l-esperjenzi ta' taħriġ huma siewja iżda jeħtieġ li jittejbu

Ir-rati tassew għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa jsejħu lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod immedjat. Waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni hija li tiġi żgurata li t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol taż-żgħażagħ issir mingħajr xkiel. Żewġ studji li saru għall-Kummissjoni Ewropea dwar l-apprentistati u l-esperjenzi ta' taħriġ fl-Istati Membri kollha tal-UE jirrakkomandaw li dawn l-iskemi għandhom iwieġbu aktar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, ikunu adattati aħjar għall-bżonnijiet tan-negozji, u joffru aktar garanziji mil-lat ta' kwalità u perspettivi għaż-żgħażagħ.

Skont László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni: "Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tal-apprentistati u l-esperjenzi ta' taħriġ għaż-żgħażagħ, l-iżjed fil-kuntest tal-garanziji għaż-żgħażagħ u tal-iskemi l-ġodda ta' mobbiltà. Dawn l-istudji l-ġodda jixħtu aktar dawl fuq dawn l-iskemi u jgħinuna nħejju l-inizjattivi futuri tagħna dwar it-titjib tat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol. L-apprentistati u l-esperjenzi ta' taħriġ jistgħu jservu ta' pont għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u b'hekk ikunu qed jgħinu lill-Ewropa tindirizza l-livelli għoljin ta' qgħad. Iżda apprentistati u esperjenzi ta' taħriġ bħal dawn iridu jiżguraw li meta jintemmu, iż-żgħażagħ jingħataw l-aħjar ċans possibbli li jiksbu impjieg sostenibbli. Aħna dan nappoġġawh ukoll b'użu aktar immirat tal-Fond Soċjali Ewropew."

Ir-riżultati tal-istudji jagħtu kontribut għat-tħejjija ta' żewġ inizjattivi tal-Kummissjoni sa tmiem l-2012; abbozz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanziji għaż-Żgħażagħ, biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom xogħol jew jingħataw edukazzjoni jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jtemmu l-iskola, u d-definizzjoni ta' Qafas ta' Kwalità għall-Esperjenzi ta' Taħriġ.

L-istudju dwar l-apprentistati jirrakkomanda li għandu jkun hemm:

  • standards ta' kwalità omoġenja għall-istudju tat-tip ta' apprentistat.

  • bilanċ bejn il-ħiliet speċifiċi tax-xogħol u l-ħiliet u l-kompetenzi ġenerali

  • is-sehem tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-organizzazzjoni tal-apprentistati, peress li dan huwa fattur essenzjali biex dawn jirnexxu, u

  • inizjattivi min-naħa tal-istudenti biex titjieb l-immaġni ġenerali tas-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali

L-istudju dwar l-esperjenzi ta' taħriġ juri li:

  • hemm bżonn definizzjoni ċara tal-esperjenzi ta' taħriġ fuq livell ta' UE

  • fejn possibbli, l-apprentistati għandhom isiru bħala parti mill-kurrikulu tal-istudju u mhux wara li l-istudenti jispiċċaw l-edukazzjoni tagħhom.

  • għandu jsir sforz kollettiv fuq livell ta' UE, kif ukoll fuq livell nazzjonali biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' apprentistati, speċjalment fl-SMEs

  • hemm bżonn ftit appoġġ finanzjarju għall-apprentisti, l-iżjed dawk minn familji anqas ixxurtjati, u

  • għandhom jittieħdu passi biex jinkoraġġixxu proċessi ta' reklutaġġ miftuħa u trasparenti għall-esperjenzi ta' taħriġ.

L-istudju dwar l-esperjenzi ta' taħriġ jikkumplementa l-konsultazzjoni pubblika dwar il-kwalità tal-esperjenzi ta' taħriġ imnedija bħala parti mill-Pakkett tax-Xogħol ta' April 2012 tal-Kummissjoni (ara IP/12/380, MEMO/12/256 u MEMO/12/252).

Kuntest

Iż-żewġ stħarriġiet jippreżentaw fatti u ċifri għal kull Stat Membru u jinkludu aktar studji ta' każijiet profondi f'pajjiżi magħżula. Iż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, flimkien man-nuqqas konsiderevoli ta' tqabbil tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol, wasslu l-Istati Membri madwar l-UE biex jiffokaw aktar fuq skemi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol bħall-apprentistati u l-esperjenzi ta' taħriġ. Bħalissa l-intrapriżi Ewropej joffru postijiet ta' taħriġ fil-kumpaniji għal madwar 9.4 miljun student b'kollox. L-istudenti li jagħmlu tip ta' apprentistat jirrappreżentaw madwar 40.5 % tal-istudenti kollha tas-sekondarja fis-27 Stat Membru.

L-apprentistati huma definiti bħala edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) "binarji", li jikkumbinaw u jalternaw it-taħriġ fil-kumpaniji (żmien li matulu tinkiseb esperjenza prattika tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol) mal-edukazzjoni fl-iskejjel (żmien li matulu tinkiseb edukazzjoni teoretika/prattika fi skola jew f'ċentru għat-taħriġ) u jekk jintemmu b'suċċess dawn iwasslu għal ċertifikazzjoni tal-IVET li hija rikonoxxuta b'mod nazzjonali. Ħafna drabi jkun hemm relazzjoni kuntrattwali bejn l-impjegatur u l-apprentist. L-esperjenza turi li fil-pajjiżi fejn jeżistu skemi bħal dawn tal-apprentistat, iż-żgħażagħ għandhom aktar ċans li jkollhom tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol mingħajr xkiel. Sistemi edukattivi binarji jeżistu f'bosta Stati Membri tal-UE (l-aktar komuni fl-Awstrija, il-Ġermanja u d-Danimarka iżda anke fil-Pajjiżi l-Baxxi, Franza u s-Slovenja).

L-esperjenzi ta' taħriġ huma definiti bħala esperjenza tax-xogħol limitata bil-ħin li jkun fiha komponent edukattiv. Dawn għandhom għanijiet simili għall-apprentistati: jgħinu fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol billi joffru esperjenza prattika, għarfien u ħiliet li jikkumplimentaw l-edukazzjoni teoretika. Dawn jistgħu jkunu parti minn programmi ta' edukazzjoni għolja. Għal xi professjonijiet (eż. tobba, avukati, għalliema), u f'ħafna kurrikuli oħrajn tal-università, l-esperjenzi ta' taħriġ huma element obbligatorju tal-kors edukattiv. Madanakollu qed tiżdied ix-xejra fost iż-żgħażagħ li dawn jagħmlu esperjenzi ta' taħriġ fil-livell postgradwat li jinvolvu biss lil min qed jitħarreġ u lill-impjegatur, u li ma jkunux relatati ma' kurrikulu jew ma' proċedura ta' gradwazzjoni.

Aktar tagħrif

Sommarju eżekuttiv tal-istħarriġ dwar l-apprentistati:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7818&langId=en

Sommarju eżekuttiv tal-istħarriġ dwar l-esperjenzi ta' taħriġ:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7819&langId=en

Ir-rapport sħiħ dwar il-provvista tal-apprentistati:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=6633&visible=1

Ir-rapport sħiħ dwar l-arranġamenti tal-esperjenzi ta' taħriġ:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=6717&visible=1

Il-websajt ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Segwi lil László Andor fuq Twitter:

http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Issieħeb bla ħlas fil-bullettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklu¿joni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site