
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-Istampa
Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2012
Aġenda Diġitali: Tislima lill-prezzijiet eċċessivi tal-internet mobbli mill-1 ta' Lulju; se jonqsu wkoll il-prezzijiet tat-telefonati u tal-SMS
Mill-1 ta' Lulju 2012, se jkun ħafna rħas li wieħed juża l-internet mobbli biex jaċċessa mapep, vidjows, ritratti, netwerks soċjali u e-mail waqt li jkun qed jivvjaġġa fi Stati Membri oħra tal-UE. Permezz ta’ regolament ġdid tal-UE, għall-ewwel darba, se jkun hemm tariffa massima għar-"roaming tad-dejta", jiġifieri t-tniżżil ta' dejta mill-internet meta wieħed juża konnessjoni bil-mowbajl. Ir-regoli tar-roaming tad-dejta se jfissru ffrankar ta' aktar minn EUR 1000 fis-sena għal persuna tipika li tivvjaġġa fuq xogħol fl-UE. Familja li tagħmel btala annwali f'pajjiż ieħor tal-UE tista’ tistenna li se tiffranka mill-inqas EUR 200. (Id-dettalji sħaħ ta' dawn l-istudji ta' każijiet li jikkonċernaw ir-roaming tad-dejta jinsabu fl-Anness II). Ir-regoli l-ġodda se jnaqqsu wkoll il-prezzijiet massimi għat-telefonati u l-messaġġi.
Kumplessivament, ir-regolament imtejjeb tal-UE dwar ir-roaming – li jqis it-telefonati, il-messaġġi u d-dejta – se jwassal għal iffrankar għall-konsumatur ta' 75%, meta mqabbel mal-prezzijiet tal-2007, f'firxa wiesgħa ta' servizzi tar-roaming bil-mowbajl. Din is-sena, l-Ewropej se jonfqu madwar EUR 5 biljun fuq servizzi tar-roaming, iffrankar ta' madwar EUR 15 biljun meta mqabbel mal-prezzijiet qabel ma l-ewwel regolament tal-UE dwar ir-roaming sar liġi fl-2007.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: "Il-limiti fuq il-prezzijiet tad-dejta jfissru li għandna roaming għall-ġenerazzjoni tal-ismartphone. Dan se jwaqqaf darba għal dejjem il-prezzijiet eċċessivi tar-roaming fl-UE. Huwa ta' pjaċir għalija li sena wara sena l-Unjoni Ewropea qed tqiegħed il-flus lura fil-bwiet iċ-ċittadini."
Il-prezzijiet massimi ġodda li l-utenti tal-mowbajl se jħallsu mill-1 ta' Lulju 2012 huma:
biex tagħmel telefonata, 29 ċenteżmu kull minuta, VAT mhux inkluża
biex tirċievi telefonata, 8 ċenteżmi kull minuta, VAT mhux inkluża
biex tibgħat messaġġ, 9 ċenteżmi, VAT mhux inkluża
għat-tniżżil ta' dejta jew għall-ibbrawżjar fuq l-internet waqt l-ivvjaġġar barra l-pajjiż (ħlas impost għal kull kilobyte użat), 70 ċenteżmu kull megabyte (MB), VAT mhux inkluża.
F'Lulju 2009, it-tniżżil tad-dejta kien jiswa aktar minn EUR 4 għal kull megabyte minn bosta operaturi – issa dawk il-prezzijiet se jkunu sitt darbiet orħos. Sal-2014, hekk kif il-prezzijiet jitnaqqsu aktar, l-ispiża massima għat-tniżżil tad-dejta se tkun biss ta' 20 ċenteżmu għal kull megabyte, VAT mhux inkluża, li jfisser iffrankar ta' 90 % fuq bosta rati attwali.
L-operaturi huma liberi li joffru rati rħas. Il-limiti fuq il-prezzijiet huma livell massimu li jaġixxi bħala salvagwardja u l-kompetizzjoni għandha tkompli tniżżilhom.
Ukoll, sa mill-1 ta' Lulju 2012, sabiex jiġu evitati "il-kontijiet ta' dejta li jaħsdu", il-klijenti li jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi mhux tal-UE se jibdew jirċievu twissija permezz ta’ messaġġ, e-mail jew pop-up window hekk kif joqorbu l-ammont ta’ EUR 50 għat-tniżżil ta’ dejta li jkunu għamlu, jew l-ammont prestabbilit fil-ftehim tagħhom. Imbagħad il-konsumaturi se jkollhom jikkonfermaw li huma lesti jaqbżu dan il-livell sabiex ikomplu r-roaming tad-dejta tagħhom. Dan jestendi s-sistema ta' twissija attwalment fis-seħħ fl-UE.
Il-miżuri li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju huma l-ewwel pass fit-tnaqqis progressiv fil-limiti tal-prezzijiet, li eventwalment iwasslu għal sistema ġdida li se tintroduċi fis-suq għażla, kompetizzjoni u servizzi ġodda kbar tar-roaming billi jħallu lill-konsumaturi jagħżlu kuntratt separat tar-roaming qabel isiefru jew jagħżlu fornitur fid-destinazzjoni tagħhom, simili għall-mod kif jagħżlu netwerk tal-Wi-Fi. Din l-għażla se tkun possibbli mill-1 ta' Lulju 2014.
Sfond
L-UE introduċiet limiti fuq il-prezzijiet tar-roaming għall-ewwel darba fl-2007 (IP/07/870), li jiżguraw li l-abbonati tal-mowbajl iħallsu tariffi tar-roaming simili fl-UE kollha. F'Lulju tal-2009, ġew adottati regolamenti riveduti li jnaqqsu aktar il-prezzijiet tar-roaming bir-rati, u b'hekk, sa Lulju 2011, il-prezzijiet massimi tar-roaming kienu 35 ċenteżmu kull minuta meta wieħed jagħmel telefonati u 11-il ċenteżmu kull minuta meta wieħed jirċievi telefonati meta jkun imsiefer (ara IP/09/1064 u MEMO/09/309). Ir-regoli tar-roaming tal-2009 huma applikabbli sal-aħħar ta' Ġunju 2012.
Għal aktar tagħrif
Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming
Il-websajt tal-Aġenda Diġitali
Il-websajt ta’ Neelie Kroes
Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter
Kuntatti: Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @ECspokesRyan Linda Cain (+32 2 299 90 19) |
Anness I
Limiti ġodda fuq il-prezzijiet bl-imnut f'ċenteżmi tal-ewro (VAT mhux inkluża)
L-1 ta' Lulju 2012 | l-1 ta' Lulju 2013 | L-1 ta' Lulju 2014 | |
Dejta (kull MB) | 70 ċenteżmu | 45 ċenteżmu | 20 ċenteżmu |
Telefonati magħmula (kull minuta) | 29 ċenteżmu | 24 ċenteżmu | 19-il ċenteżmu |
Telefonati riċevuti (kull minuta) | 8 ċenteżmi | 7 ċenteżmi | 5 ċenteżmi |
SMS (kull SMS) | 9 ċenteżmi | 8 ċenteżmi | 6 ċenteżmi |
Limiti ġodda fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, VAT mhux inkluża f'ċenteżmi tal-ewro (fuq prezzijiet li jintalbu mill-operaturi lil xulxin)
L-1 ta' Lulju 2012 | l-1 ta' Lulju 2013 | L-1 ta' Lulju 2014 | |
Dejta (kull MB) | 25 ċenteżmu | 15-il ċenteżmu | 5 ċenteżmi |
Telefonati (kull minuta) | 14-il ċenteżmu | 10 ċenteżmi | 5 ċenteżmi |
SMS (kull SMS) | 3 ċenteżmi | 2 ċenteżmi | 2 ċenteżmi |
Il-limiti proposti fuq il-prezzijiet bl-imnut iservu biss bħala salvagwardja għall-konsumaturi, filwaqt li l-Kummissjoni tistenna li l-miżuri strutturali proposti biex isaħħu l-kompetizzjoni għandhom iwasslu għal offerti innovattivi pan-Ewropej u prezzijiet irħas, li jkunu ħafna iktar baxxi mil-limiti ta' salvagwardja
Anness II
Iffrankar fuq id-dejta
Eżempju 1
Familja ta' 4 tmur ir-Renju Unit għall-Olimpjadi ta' Londra għal ġimgħa u tuża smartphone. Prezzijiet medji tal-UE:
Sajf 2009 | Sajf 2012 | Iffrankar | |
1 MB | Prezz medju tal-UE EUR 3 + 19.8% medja tal-VAT (EUR 3.594) | 70 ċenteżmu + 21% medja tal-VAT (EUR 0.847) | |
Użu ta' mappa għal 7 darbiet (1 MB għal kull mappa) | € 25.16 | € 5.93 | € 19.23 |
Użu ta' netwerks soċjali kuljum għal 45 minuta (+/- 7.5 MB kuljum, total ta' 52.5 MB) | € 188.69 | € 44.47 | € 144.22 |
2 ritratti mtellgħin kuljum (+/- 2 MB għal kull ritratt) | € 100.63 | € 23.72 | € 76.91 |
2 e-mails mibgħuta kuljum (+/- 20 KB għal kull e-mail, total ta' 0.28 MB) | € 1.01 | € 0.24 | € 0.77 |
Totali | € 315.49 | € 74.36 | € 241.13 |
Eżempju 2
Familja ta' 4 mill-Ġermanja jew mill-Italja tmur ir-Renju Unit għall-Olimpjadi ta' Londra għal ġimgħa u tuża smartphone:
Sajf 2009 | Sajf 2012 | Iffrankar | |
1 MB | Prezz medju EUR 5.85 VAT inkluża | 70 ċenteżmu + 20% medja tal-VAT (EUR 0.84) | |
Użu ta' mappa għal 7 darbiet (1 MB għal kull mappa) | € 40.95 | € 5.88 | € 35.07 |
Użu ta' netwerks soċjali kuljum għal 45 minuta (+/- 7.5 MB kuljum, total ta' 52.5 MB) | € 307.13 | € 44.1 | € 263.03 |
2 ritratti mtellgħin kuljum (+/- 2 MB għal kull ritratt) | € 163.80 | € 23.52 | € 140.28 |
2 e-mails mibgħuta kuljum (+/- 20 KB għal kull e-mail, total ta' 0.28 MB) | € 1.64 | € 0.24 | € 1.40 |
Totali | € 513.52 | € 73.74 | € 439.78 |
Eżempju 3
Raġel/Mara Finlandiż/a jew Pollakk/a imur/tmur ir-Renju Unit għall-Olimpjadi ta' Londra għal 3 ijiem u juża/tuża l-ismartphone tiegħu/tagħha:
Sajf 2009 | Sajf 2012 | Iffrankar | |
1 MB | Prezz medju EUR 3.5 VAT inkluża | 70 ċenteżmu + 23% tal-VAT (EUR 0.861) | |
Użu ta' 3 mapep għal kull vjaġġ (1 MB għal kull mappa) | € 10.5 | € 2.58 | € 7.92 |
Użu ta' netwerks soċjali kuljum għal nofs siegħa (+/- 5 MB, total ta' 15 MB) | € 52.50 | € 12.92 | € 39.58 |
Ritratt wieħed imtella' kuljum (+/- 2 MB għal kull ritratt) | € 21 | € 5.17 | € 15.83 |
Totali | € 84 | € 20.67 | € 63.33 |
Eżempju 4
Persuna mir-Renju Unit li tmur Franza jew il-Ġermanja fuq xogħol 10 darbiet fis-sena għal 3 ijiem kull darba, u tuża l-ismartphone tagħha b'dan il-mod:
Sajf 2009 | Sajf 2012 | Iffrankar | |
1 MB | Prezz medju +/- EUR 6 VAT inkluża | 70 ċenteżmu + 20% tal-VAT (EUR 0,84) | |
Użu ta' 3 mapep għal kull vjaġġ (1 MB għal kull mappa) | € 180 | € 25.20 | € 154.80 |
Użu ta' netwerks soċjali kuljum għal nofs siegħa (+/- 5 MB) | € 900 | € 126 | € 774 |
10 e-mails mibgħuta kuljum (+/- 100 KB għal kull email / 1 MB kuljum) | € 180 | € 25.20 | € 154.80 |
Totali | € 1260 | € 176.40 | € 1083.60 |