Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Ġunju 2012

Il-logo organiku tal-UE jidħol għalkollox fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012

Il-perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn biex is-settur tal-ikel organiku jsir konformi mar-regoli l-ġodda tal-UE għat-tikkettar qiegħed joqrob lejn it-tmiem. Mill-1 ta' Lulju 2012, il-logo organiku tal-UE se jkun obbligatorju fuq il-prodotti kollha tal-ikel organiku li jkunu ppakkjati minn qabel, li jkunu saru fl-Istati Membri tal-UE u li jilħqu l-istandards kollha meħtieġa. Il-logo jibqa' fakultattiv fil-każ ta' prodotti organiċi importati u li ma jkunux ippakkjati. Logos oħra privati, reġjonali jew nazzjonali jistgħu jibqgħu jidhru ħdejn it-tikketta tal-UE.

Il-logo organiku tal-UE, magħruf bħala l-"Euro-leaf" (jew l-"Ewrowerqa"), ġie introdott fl-1 ta' Lulju 2010, iżda bħala għajnuna biex l-operaturi jadattaw ruħhom għar-regoli l-ġodda, u sabiex jiġi evitat skart eċċessiv mill-ippakkjar diġà eżistenti, ġie permess perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn qabel ma l-logo jsir obbligatorju fuq il-prodotti kollha. Il-kamp viżiv tal-logo għandu juri wkoll in-numru tal-kodiċi tal-organu ta' spezzjoni, kif ukoll il-post agrikolu mnejn ġejja l-materja prima. Rapport riċenti tal-EwroBarometru, bit-titlu "European Attitude towards Food Security, Food Quality and the Countryside" ("L-Attitudni Ewropea lejn is-Sigurtà tal-Ikel, il-Kwalità tal-Ikel u l-Kampanja"), li għandu jiġi ppubblikat dalwaqt, jinkludi tagħrif dwar il-logo organiku tal-UE, u jagħti l-indikazzjoni inkoraġġanti li l-logo, mindu ġie introdott f'Lulju 2010, diġà sar magħruf fost kwart (24%) taċ-ċittadini Ewropej.

Il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali, Dacian Cioloș, qal: "Nittamaw li il-logo l-ġdid tal-UE jkun jista' jiżviluppa f'simbolu ta' produzzjoni tal-ikel organiku rikonoxxut b'mod wiesa' madwar l-UE, u li jipprovdi lill-konsumaturi bil-fiduċja li l-oġġetti ġew prodotti f'konformità sħiħa mar-regolamenti stretti tal-biedja organika fl-UE".

Sfond

L-idea li jitrawwem is-settur tal-biedja organika bl-introduzzjoni ta' logo organiku obbligatorju tal-UE ġie appoġġjat mill-Istati Membri fl-2007. Biex issib disinn oriġinali għal dan il-logo, il-Kummissjoni tellgħet kompetizzjoni fl-2009, li ħadu sehem fiha iktar minn 3 400 student tal-arti u tad-disinn. Votazzjoni pubblika għall-aqwa tliet disinji saret fil-bidu tal-2010.

Fl-UE, il-konsum tal-prodotti organiċi kiber b'mod stabbli fl-aħħar ftit snin, u llum jirrappreżenta madwar 2% tas-suq tal-UE. Fl-aħħar għaxar snin il-produzzjoni kibret b'mod konsiderevoli wkoll, b'madwar 5% tas-superfiċje agrikola tal-UE u iktar minn 2% tal-azjendi agrikoli (iktar minn 200 000 azjenda agrikola) illum iċċertifikati bħala organiċi.

F'termini ta' politika, f'din is-sena sar ftehim dwar regoli għall-inbid organiku, li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu (IP/12/113). Fi Frar, l-UE ffirmat ukoll ftehim ta' ekwivalenza organika mal-Istati Uniti, li għandu jnaqqas il-burrokrazija għall-prodotturi organiċi fl-UE u fl-Istati Uniti (IP/12/138). F'Mejju, il-Kummissjoni ressqet rapport dwar ir-regolamenti eżistenti dwar il-biedja organika, bil-għan li tqabbad dibattitu interistituzzjonali mal-partijiet interessanti kollha, u b'hekk tinħoloq l-opportunità li jiġu esplorati toroq ġodda lejn it-titjib tal-qafas tal-politika organika tal-UE.

Għal aktar tagħrif, ritratti u materjal ieħor dwar il-logo organiku tal-UE, żur il-paġna:

http://ec.europa.eu/agriculture/organic/home_mt

Biex tniżżel stampa tal-logo ta’ kwalità professjonali, żur

http://ec.europa.eu/agriculture/organic/eu-policy/logo_mt

Kuntatti:

Roger Waite (+32 2 296 14 04)

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website