Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 27 ta’ Ġunju 2012

Kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa: Il-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri konkreti

Sanzjonijiet minimi għal reati fiskali, numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa transfruntier, karta tal-kontribwent tal-UE u miżuri komuni aktar b'saħħithom kontra r-rifuġji fiskali. Dawn huma biss ftit ideat konkreti li l-Kummissjoni ppreżentat illum biex titjieb il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fl-UE. Filwaqt li tieħu approċċ olistiku, il-Komunikazzjoni tal-lum tħares lejn modi biex jissaħħu l-miżuri attwali u tistipula inizjattivi ġodda possibbli biex telimina l-frodi u l-evażjoni fl-Ewropa.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal:

"Ħalli ma jkun hemm l-ebda illużjoni: l-evażuri tat-taxxa jisirqu minn bwiet iċ-ċittadini ordinarji u jċaħħdu lill-Istati Membri minn dħul tant meħtieġ. Jekk irridu sistemi tat-taxxa ġusti u effiċjenti għandna neqirdu din l-attività. Ir-rieda politika biex tiġi intensifikata din il-ġlieda qiegħda hemm. Issa wasal iż-żmien li nittraduċuha f'azzjoni. Bħala Unjoni ta' 27, għandna vantaġġ qawwi - saħħa fin-numri. Jekk ningħaqdu bħala tim, bi strateġija komuni, nistgħu negħlbu l-qarrieqa u l-evażuri, u nitolbu lura ammonti kbar ta’ flus li huma leġittimament dovuti."

Id-daqs tal-ekonomija klandestina huwa stmat li huwa f'medja ta' kważi 20% tal-PDG fl-Istati Membri, jew kważi €2 triljun. Minħabba l-globalizzazzjoni tal-ekonomija u l-avvanzi teknoloġiċi, huwa ċar li sforzi iżolati nazzjonali biex tingħeleb din il-problema ma jaħdmux. Għalhekk, il-Komunikazzjoni fasslet approċċ fuq 3 livelli mmirat biex jattakka l-evażjoni u l-frodi minn kull angolu possibbli.

Livell nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jikkonċentraw fuq li jtejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom biex jiġbru t-taxxi, kif ġie stabbilit b’mod ċar fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal kull Pajjiż (ara IP/12/513). Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-progress tagħhom f'dan il-qasam, filwaqt li tipprovdi wkoll assistenza teknika fejn meħtieġ. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom ukoll jagħmluha eħfef għal min lest jikkonforma, pereżempju, permezz ta' programmi ta' żvelar volontarju. Strumenti tal-UE bħal one-stop-shop (ara IP/12/17) u possibbilment Portal tal-Internet għat-Taxxa għandhom ukoll jgħinu biex ikun hemm konformità aħjar.

Livell tal-UE

Azzjoni biex tiġi indirizzata l-evażjoni fiskali fil-livell Ewropew uriet li hija effettiva. Grazzi għad-Direttiva dwar it-Tfaddil, pereżempju, l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar kontribwenti mhux residenti li tkopri valur ta' €20 biljun. Issa l-isfida hija li din il-koperazzjoni tiġi approfondita filwaqt li l-għodod komuni jiġu msaħħa. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali ftehim bejn l-Istati Membri dwar reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tfaddil. Barra minn hekk, ġew ippreżentati għadd ta' ideat ġodda. Dawn jinkludu l-possibbiltà ta' numru Ewropew ta’ identifikazzjoni tat-taxxa transfruntier, mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida għall-frodi tal-VAT u regoli u sanzjonijiet minimi tal-UE għall-frodi u l-evażjoni.

Internazzjonali

Biex il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tkun tassew effettiva, is-sħab internazzjonali jridu japplikaw standards ta' governanza tajba li huma ekwivalenti għal tal-UE. Il-mandati li l-Kummissjoni talbet biex tinnegozja ftehimiet dwar it-tfaddil aktar b'saħħithom ma’ pajjiżi ġirien ewlenin huma kruċjali f’dan ir-rigward. Qabel tmiem l-2012, il-Kummissjoni se tistipula wkoll approċċ ta' "sanzjonijiet u inċentivi" biex tittratta mar-rifuġji fiskali, u miżuri biex tittratta ma' pjanifikaturi tat-taxxa aggressivi.

Sfond

Fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2012, l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni "biex tiżviluppa malajr modi konkreti biex titjieb il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, inkluż fir-rigward ta' pajjiżi terzi u biex tirrapporta sa Ġunju 2012". Il-Komunikazzjoni tal-lum se tiġi ppreżentata fis-Summit tal-UE fit-tmiem Ġunju.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni ser tibda l-ħidma fuq l-iżvilupp tal-ideat stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-lum. Qabel tmiem is-sena, se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni, b'miżuri speċifiċi li jistgħu jiġu żviluppati malajr. Fl-istess waqt il-Kummissjoni se tipproponi wkoll l-inizjattiva tagħha dwar ir-rifuġji fiskali u l-ippjanar tat-taxxa aggressiv.

Ħoloq Siewja

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinsab fi:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/publications/com_reports/taxation/index_en.htm

MEMO/12/492

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site