Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2012

L-Ewrobarometru: 98% jistqarru li t-tagħlim tal-lingwi huwa tajjeb għal uliedhom, iżda it-testijiet juru li hemm diskrepanzi fil-ħiliet

Kważi disgħa minn kull għaxar ċittadini tal-UE jaħsbu li l-kapaċità li jitkellmu l-lingwi barranin hija siewja ħafna u 98% qalu li jkun tajjeb għall-ġejjieni ta’ uliedhom jekk dawn jitgħallmu sew il-lingwi. Dan ħareġ fid-deher minn stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-UE lejn il-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi barranin.

Madankollu, studju separat tal-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel Stħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi, jenfasizza li hemm qabża bejn l-aspirazzjonijiet u r-realtà meta niġu għall-ħiliet fil-lingwi barranin fil-prattika: testijiet imwettqa fost l-istudenti adoloxxenti f'14-il pajjiż Ewropew juru li 42% biss huma kompetenti fl-ewwel lingwa barranija tagħhom u 25% biss fit-tieni waħda. Numru sinifikanti, 14% fil-każ tal-ewwel lingwa barranija u 20% fit-tieni, lanqas ma jiksbu l-livell ta’ ‘utent bażiku’.

Fi kliem Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ: “Dan l-Ewrobarometru juri li l-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi huma importanti ferm għaċ-ċittadini u din hija ħaġa li ta' min nifirħu biha. Iżda għandna wkoll intejbu t-tagħlim u l-istudju tal-lingwi. Meta tkun kapaċi tikkomunika b'lingwa barranija twessa’ l-orizzonti tiegħek u tiftaħ bibien ġodda; dan jagħmilha aktar faċli li ssib impjieg u, jekk int negozjant, jiftaħlek aktar opportunitajiet fis-Suq Waħdieni."

Għaxar snin wara d-dikjarazzjoni ta’ Barċellona tal-2002 mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern, li appellaw għal tal-anqas żewġ ilsna barranin li għandhom jiġu mgħallma minn età bikrija ħafna, l-Ewropej huma ġeneralment konxji ħafna mill-benefiċċji tal-multilingwiżmu. Kważi tliet kwarti (72%) jaqblu ma' dan l-objettiv u 77% jemmnu li dan għandu jkun prijorità politika. Aktar minn nofs l-Ewropej (53%) jużaw lingwi fuq ix-xogħol u 45% jaħsbu li kisbu impjieg aħjar f'pajjiżhom stess bis-saħħa ta’ ħiliethom fil-lingwi barranin.

Madankollu, l-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li jistgħu jikkomunikaw b'lingwa barranija naqas ftit, minn 56% għal 54%. Dan seħħ parzjalment minħabba l-fatt li r-Russu u l-Ġermaniż m'għadhomx obbligatorji f'kurrikuli f’pajjiżi Ċentrali u tal-Lvant.

Il-proporzjon ta’ studenti li huma kompetenti fl-ewwel lingwa barranija tagħhom ivarja bejn 82% f'Malta u fl-Isvezja (fejn l-Ingliż huwa l-ewwel lingwa barranija) sa 14% fi Franza (tagħlim tal-Ingliż) u 9% biss fl-Ingilterra (tagħlim tal-Franċiż). Waħda mill-aktar bidliet impressjonanti mill-2005 ’l hawn hija li l-internet ħeġġeġ lin-nies biex iwessgħu ħiliethom fis-smigħ u l-qari ‘passiv’ bl-ilsna barranin. L-għadd ta' Ewropej li regolarment jużaw il-lingwi barranin fuq l-internet, ngħidu aħna permezz tal-midja soċjali, żdied b’għaxar punti perċentwali, minn 26% għal 36%.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq iżżid l-appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi permezz tal-programm il-ġdid ‘Erasmus għal kulħadd’ (IP/11/1398). It-tagħlim tal-lingwi huwa wieħed mis-sitt objettivi speċifiċi tagħha u l-Kummissjoni beħsiebha tagħti spinta lill-finanzjament tal-korsijiet tal-lingwi għal persuni li jixtiequ jistudjaw, jitħarrġu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Il-Kummissjoni se tipproponi punt ta’ riferiment Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi sa tmiem l-2012 li permezz tiegħu se jitkejjel il-progress tal-Istati Membri fit-titjib tat-tagħlim u l-istudju tal-lingwi.

Ir-riżultati tal-Ewrobarometru dwar l-‘Ewropej u l-Lingwi Tagħhom’ u l-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi se jiġu diskussi f'konferenza internazzjonali f'Limassol (Ċipru) li ser tikkoinċidi mal-Jum Ewropew tal-Lingwi (is-26 ta' Settembru) li jmiss.

Sfond

Il-Kunsill ta' Barċellona fl-2002 appella għal azzjonijiet “sabiex tittejjeb il-ħakma tal-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari billi jiġu mgħallma almenu żewġ lingwi barranin minn età bikrija ħafna" u sabiex "jiġi stabbilit indikatur tal-kompetenza lingwistika."

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali (386) dwar l-Ewropej u l-Lingwi tagħhom twettaq fir-rebbiegħa tal-2012. Kważi 27,000 ruħ ġew intervistati wiċċ imb’wiċċ bl-ilsien nattiv tagħhom. Is-27 Stat Membru kollha kienu koperti u dawk li ħadu sehem irrappreżentaw gruppi soċjali u demografiċi differenti.

L-aktar ilsien nattiv li huwa mitkellem huwa l-Ġermaniż (16%), segwit mit-Taljan u l-Ingliż (13% kull wieħed), il-Franċiż (12%), u mbagħad l-Ispanjol u l-Pollakk (8% kull wieħed).

Il-pajjiżi li għandhom l-iktar żidiet notevoli fil-proporzjon ta' dawk li wieġbu li huma kapaċi jitkellmu tal-anqas b'lingwa barranija waħda tajjeb biżżejjed biex ikollhom konverżazzjoni, meta mqabbla mad-dejta minn stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2005, huma l-Awstrija (+16-il punt perċentwali għal 78%), il-Finlandja (+6 punti għal 75%) u l-Irlanda (+6 punti għal 40%).

B'kuntrast, il-proporzjon ta’ dawk li kapaċi jitkellmu tal-anqas b'lingwa barranija waħda naqas notevolment fis-Slovakkja (-17-il punt perċentwali għal 80%), ir-Repubblika Ċeka (-12-il punt għal 49%), il-Bulgarija (-11-il punt għal 48%), il-Polonja (-7 punti għal 50%), u l-Ungerija (-7 punti għal 35%). F'dawn il-pajjiżi kien hemm ċaqliqa 'l isfel mill-2005 fil-proporzjonijiet ta' dawk li kapaċi jitkellmu lingwi barranin bħar-Russu u l-Ġermaniż.

Il-ħames lingwi barranin l-aktar mitkellma baqgħu l-Ingliż (38%), il-Franċiż (12%), il-Ġermaniż (11%), l-Ispanjol (7%) u r-Russu (5%).

Fuq livell nazzjonali l-Ingliż huwa l-aktar ilsien barrani mitkellem mifrux f’19 mill-25 Stat Membru fejn dan mhux il-lingwa uffiċjali (jiġifieri minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda).

Għall-ewwel darba ġew mistħarrġa wkoll l-attitudnijiet lejn ir-rwol tat-traduzzjoni fis-saħħa u s-sigurtà, fl-edukazzjoni, fit-tfittxija tal-impjiegi, fl-informazzjoni u fl-attivitajiet tal-ħin liberu bħall-films u l-qari. Stħarriġiet tal-Ewrobarometru preċedenti dwar il-lingwi twettqu mill-Kummissjoni fl-2001 u fl-2005.

L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi twettaq fir-rebbiegħa tal-2011 u s-sejbiet ġew ippubblikati llum wara analiżi dettaljata. Dan ittestja kważi 54,000 student minn madwar 14-il pajjiż u 16-il sistema edukattiva (it-tliet komunitajiet lingwistiċi tal-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ingilterra, l-Estonja, Franza, il-Greċja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja). Il-valutazzjoni tipprovdi dejta paragunabbli fuq il-livell ta’ kompetenzi fil-lingwi barranin tal-istudenti tal-etajiet ta’ 14-15-il sena. F'kull pajjiż it-testijiet kejlu l-ħiliet fil-qari, il-komprensjoni orali u l-kitba fi tnejn mill-ħames lingwi uffiċjali tal-UE l-aktar mgħallma: l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol. Barra minn hekk, fuq il-bażi ta' kwestjonarji mimlija mill-istudenti, kif ukoll minn kważi 5,000 għalliem tal-lingwi u minn 2,250 kap tal-iskejjel, il-valutazzjoni tidentifika li l-ħiliet fit-tagħlim tal-lingwi huma relatati mill-qrib mas-sens ta' motivazzjoni li min-naħa tiegħu huwa marbut mas-sitwazzjoni fil-familji, fl-edukazzjoni u fis-soċjetà inġenerali.

Għal aktar informazzjoni:

L-Ewrobarometru Speċjali 386 'L-Ewropej u l-Lingwi Tagħhom'

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm

Sommarju eżekuttiv tal-Ewrobarometru

Folji informattivi nazzjonali

European Survey on Language Competences project

European Survey on Language Competences: Final report

European Survey on Language Competences: Executive summary

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u Taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site