Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lil Malta tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart mill-imballaġġ

European Commission - IP/12/661   21/06/2012

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Ġunju 2012

L-Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lil Malta tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart mill-imballaġġ

Il-Kummissjoni Ewropea tinsab imħassba bl-implimentazzjoni żbaljata, fil-liġi nazzjonali ta' Malta, tad-definizzjoni tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ kif inhuma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-iskart. Wara rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lil Malta. Jekk Malta tonqos milli twieġeb fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ tkopri l-iskart kollu mill-imballaġġ, irrispettivament mill-materjal użat, u għandha l-għan li tnaqqas il-volum tal-iskart filwaqt li tħeġġeġ it-tkabbir sostenibbli. Id-Direttiva tistipula kriterji għad-definizzjoni tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ, u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu dawk id-definizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Id-definizzjoni hija importanti għaliex tiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni identifikat għadd ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva min-naħa ta' Malta, fosthom dispożizzjoni li tissuġġerixxi li l-leġiżlazzjoni ta' Malta tapplika biss għall-prodotti li jitqiegħdu direttament fis-suq Malti, u għaldaqstant teskludi l-prodotti li inizjalment tqiegħdu fis-suq fi Stati Membri oħra qabel ma nġabu Malta. B'konsegwenza ta' dan, l-iskart mill-imballaġġ ma jiġix kollu trattat kif suppost, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva fejn jidħlu l-użu mill-ġdid, l-irkupru u l-ġbir.

Il-Kummissjoni bagħtet avviż ta' tqegħid fil-mora rigward din il-kwistjoni fl-14 ta' Marzu 2011. Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda prova li dawn in-nuqqasijiet ġew irrettifikati, issa qiegħda tibgħat opinjoni motivata.

Sfond

Id-Direttiva dwar l-imballaġġ għandha l-għan li tipprevjeni u tnaqqas l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ. Tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevjenu l-formazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ, li jiżguraw li l-piż u l-volum tal-imballaġġ li jitqiegħed fis-suq ikunu limitati għall-minimu, u li jiżviluppaw sistemi ta' użu mill-ġdid tal-imballaġġ biex jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Id-Direttiva ddaħħal ukoll miri għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-ħġieġ, tal-karta u l-kartun, tal-metall, tal-plastik, u tal-imballaġġ mill-injam; Malta kellha tilħaq dawk il-miri sal-2008. Id-Direttiva tkopri l-imballaġġ kollu tul il-katina tal-produzzjoni u tal-konsum. Fir-rigward tal-istess Direttiva, il-proċedimenti ta' ksur jinsabu fl-istadju tal-opinjoni motivata għall-Polonja wkoll (ara IP/11/1275).

Għal aktar tagħrif:

Għall-istatistika attwali dwar il-ksur b'mod ġenerali, ara:

http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_mt.htm

Ara wkoll: MEMO/12/464

Aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (bl-Ingliż):

http://europa.eu/legislation_summaries/environment/waste_management/l21207_en.htm

Aktar dettalji dwar il-politika tal-UE fil-qasam tal-iskart (bl-Ingliż):

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website