Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Ġunju 2012

L-Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lil Malta tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-emissjonijiet industrijali

Il-Kummissjoni Ewropea tinsab imħassba dwar kif Malta qiegħda tonqos milli tħares liċ-ċittadini tagħha mit-tniġġis velenuż tal-arja minn impjant tal-enerġija ewlieni. Wara rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lil Malta. Jekk Malta tonqos milli twieġeb fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni – leġiżlazzjoni mfassla bil-għan li tillimita l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa varji – Malta qablet li ma toperax l-impjant tal-enerġija tal-Marsa għal iktar minn 20 000 siegħa bejn l-2008 u l-għeluq definittiv tiegħu mhux iktar tard mill-2015. L-impjant tal-enerġija, li jipproduċi madwar 45 % mill-elettriku ta' Malta, fih erba' impjanti tal-kombustjoni. Tlieta minnhom diġà qabżu l-limitu ta’ 20 000 siegħa, filwaqt li r-raba' qiegħed joqorbu sew. Il-liġi tal-UE ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni fil-każ li jinqabeż il-limitu msemmi, li fil-fatt huwa estensjoni finali ta' skadenzi li diġà għaddew. Anki jekk il-bini ta' impjant tal-enerġija ġdid mhux bogħod milli jitlesta, għad hemm ħafna tħassib rigward l-iskeda taż-żmien, u għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li Malta qiegħda tonqos milli tħares liċ-ċittadini tagħha mit-tniġġis irrilaxxat mill-impjanti tal-Marsa. Fit-28 ta' Frar 2012 intbagħat avviż ta' tqegħid fil-mora li stieden lil Malta tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn. Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba uffiċjali, issa qiegħda tibgħat opinjoni motivata.

Sfond

L-għan globali tad-Direttiva dwar l-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u partikoli aċidifikanti, kif ukoll ta’ prekursuri tal-ożonu. Il-kontroll tal-emissjonijiet mill-impjanti kbar tal-kombustjoni – jiġifieri, dawk li jkollhom input termali nominali ta' 50 MW jew iktar – jiżvolġi rwol importanti fl-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku, bħala parti mill-istrateġija kumplessiva għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja.

Għal aktar tagħrif:

Għall-istatistika attwali rigward il-ksur b'mod ġenerali, ara:

http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_mt.htm

Ara wkoll: MEMO/12/464

Aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (bl-Ingliż biss):

http://ec.europa.eu/environment/air/index_en.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website