Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kampanja tal-UE li tagħmel ix-xjenza u l-innovazzjoni “qasam li jgħodd għall-bniet”

European Commission - IP/12/633   21/06/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2012

Kampanja tal-UE li tagħmel ix-xjenza u l-innovazzjoni “qasam li jgħodd għall-bniet”

Minħabba li l-Unjoni Ewropea se jkollha bżonn sa miljun riċerkatur addizzjonali sal-2020, il-Kummissjoni Ewropea llum nediet kampanja biex aktar bniet jinteressaw ruħhom fix-xjenza u biex tinkuraġġixxi iktar nisa jagħżlu karriera fir-riċerka. In-nisa jirrappreżentaw iktar minn nofs il-popolazzjoni tal-istudenti fl-UE u 45 % tal-istudenti kollha fil-livell tad-dottorat (“PhD”), iżda huma jiffurmaw biss terz mir-riċerkaturi li għażlu r-riċerka bħala l-karriera tagħhom. Barra minn hekk, għadhom f’minoranza n-nisa li jiggradwaw b’dottorat fl-oqsma tal-inġinerija u tal-manifattura. L-ewwel nett, il-kampanja mifruxa fuq tliet snin se tfittex li tqajjem l-interess tat-tfajliet fl-istudju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (għall-qosor imsejħin “is-suġġetti STEM”). Wara l-enfasi tal-kampanja se jitwessa’ sabiex din tiffoka fuq l-istudenti nisa b’mod iktar ġenerali biex dawn jitħeġġu jqisu l-karrieri fir-riċerka.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Din il-kampanja se turi lill-bniet u lin-nisa li x-xjenza mhijiex marbuta biss ma’ rġiel xjuħ lebsin kowtijiet bojod. Ix-xjenza toffri opportunitajiet mill-aqwa għall-karriera u ċ-ċans li wieħed tassew jagħmel differenza għas-soċjetà u l-ġejjieni tagħna. In-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa f’settur tant importanti għall-ekonomija tagħna ma jagħmilx sens fi żmien meta l-Ewropa qed tiġġieled biex ikun hemm aktar tkabbir u impjiegi. Nittamaw li l-fatt li nipprovdu eżempji tajbin u li nispjegaw l-għażliet li hemm iwassal biex jirnexxilna nikkonvinċu aktar żgħażagħ nisa jkomplu jistudjaw ix-xjenza.”

Normalment iż-żgħażagħ jieħdu deċiżjonijiet li huma kritiċi għall-karriera tagħhom bejn l-età ta’ tlettax u sbatax-il sena. F’dan il-punt fl-edukazzjoni tagħhom huma jorjentaw ruħhom lejn is-suġġetti xjentifiċi jew iduru ’l bogħod minnhom. Huwa għalhekk li l-ewwel parti tal-kampanja se tindirizza t-tfajliet li jkunu qed jistudjaw fil-livell sekondarju u se jkollha s-slogan “Science: it's a girl thing” (“Inti tifla? Ix-xjenza tgħodd għalik!”). It-tieni fażi tal-kampanja se jkollha l-għan li tinkuraġġixxi lill-istudenti nisa jsegwu karrieri xjentifiċi.

Il-kampanja se toffri sfida għall-isterjotipi tax-xjenza u se turi lit-tfajliet u lin-nisa li x-xjenza hija xi ħaġa pjaċevoli u li tista’ tipprovdi opportunitajiet kbar. Hija se tisfida l-fehmiet skaduti dwar il-karrieri xjentifiċi u turi kif il-prattiki tar-riċerka tal-lum huma marbutin mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-fatturi ewlenin sabiex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għal sfidi komuni, bħas-sigurtà fil-provvista tal-ikel u tal-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, jew kura tas-saħħa aħjar. Xjenzjati nisa stabbiliti se jservu ta’ eżempju tajjeb fil-midja u waqt avvenimenti u sessjonijiet ta’ ħidma speċifiċi.

Kuntest

Il-kampanja se tkopri s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea matul l-2012 u l-2013. L-avvenimenti se jiġu organizzati l-ewwel f’sitt pajjiżi fl-2012, jiġifieri l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Polonja. Il-kampanja qed issir fl-istess żmien li fih il-Kummissjoni Ewropea pproponiet programm imsejjaħ “Orizzont 2020” li se jżid l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE minn EUR 55 biljun fil-baġit attwali ta’ seba’ snin għal EUR 80 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020.

Ħolqiet utli

Is-sit tal-internet tal-kampanja: http://ec.europa.eu/science-girl-thing/

Paġna tal-internet tal-“Facebook”: www.facebook.com/sciencegirlthing

MEMO/12/465

Persuni ta’ kuntatt:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website