Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2012

Il-ġlieda kontra l-iskjavitù ta’ żmienna: 40 miżura ġdida għal strateġija tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin

Kull sena, fl-UE jiġu ttraffikati mijiet ta' eluf ta' persuni. Nisa u rġiel, subien u bniet, f'sitwazzjonijiet vulnerabbli qegħdin jinbiegħu għal skopijiet ta' sfruttament sesswali jew ta' xogħol, għat-tneħħija tal-organi, biex jagħmluha ta’ tallaba, ta’ servi domestiċi, biex jiżżewġu bil-forza, biex ikunu adottati b’mod illegali, u għal forom oħra ta’ sfruttament.

Illum, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), sett ta’ miżuri konkreti u prattiċi maħsuba li jiġu implimentati matul il-ħames snin li ġejjin. Dawn jinkludu t-twaqqif ta’ unitajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali speċjalizzati fit-traffikar tal-bnedmin u l-ħolqien ta’ skwadri ta’ investigazzjoni Ewropea konġunta biex issir il-prosekuzzjoni ta’ kawżi marbuta mat-traffikar transfruntier.

"Sfortunatament l-iskjavitù għad mhix tema li ssibha biss fil-kotba tal-istorja. Huwa verament tal-biża’ li fi żminijietna għad hawn nies li jitpoġġew għall-bejgħ u li jiġu ttraffikati għal xogħol bil-forza, jew għall-prostituzzjoni. Fil-qalba tal-azzjonijiet tagħna hemm li rridu niżguraw li jingħata appoġġ lill-vittmi u li t-traffikanti jitressqu quddiem il-ġustizzja. Għadna ma wasalniex hemm, iżda jista’ jkollna biss għan wieħed: li t-traffikar tal-bnedmin neqirduh", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Strateġija Ewropea ġdida

L-istrateġija tinkludi l-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-appoġġ lill-vittmi, kif ukoll il-prosekuzzjoni tat-traffikanti. Din tidentifika ħames prijoritajiet u tagħti fil-qosor sensiela ta' inizjattivi għal kull waħda minnhom, bħal:

  • L-appoġġ fit-twaqqif ta’ unitajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati fit-traffikar tal-bnedmin.

  • Il-ħolqien ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunta li jinvolvu l-Europol u l-Eurojust fil-każijiet kollha ta’ traffikar transkonfinali.

  • L-għoti ta’ informazzjoni ċara lill-vittmi dwar drittijiethom skont il-liġi tal-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-assistenza u l-kura tas-saħħa, id-dritt tagħhom għal permess tar-residenza u d-drittijiet tagħhom marbuta max-xogħol.

  • Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu tal-UE biex il-vittmi tat-traffikar ikunu identifikati, ikunu indirizzati, jitħarsu u jiġu megħjuna bl-aħjar mod.

  • It-twaqqif ta’ Koalizzjoni tan-Negozji Ewropej kontra t-traffikar tal-bnedmin biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-partijiet interessati.

  • It-twaqqif ta’ pjattaforma tal-UE ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ fornituri tas-servizzi li jaħdmu fuq il-protezzjoni tal-vittmi u l-assistenza li tingħatalhom fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi.

  • Sostenn lill-proġetti ta’ riċerka li jeżaminaw l-Internet u n-netwerks soċjali bħala għodod ta’ reklutaġġ dejjem aktar popolari mat-traffikanti.

Ftit ċifri:

Stimi riċenti mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (l-ILO) jgħidu li n-numru ta’ vittmi, madwar id-dinja, ta’ xogħol furzat ‑, inkluż l-isfruttament sesswali furzat ‑, huwa 20.9 miljun. 5.5 miljun minnhom huma tfal. Skont il-Europol, it-tfal furzati jidħlu f’attivitajiet kriminali, bħalma hi l-attività organizzata tat-tallaba u tas-serq mill-ħwienet, qed jinbiegħu bħala prodotti għall-prezz ta’ €20 000.

L-istima tal-għadd ta’ vittmi fl-ekonomiji żviluppati (l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, il-Ġappun, in-Norveġja u l-pajjiżi tal-UE) hu ta’ madwar 1.5 miljun ħaddiem furzat, 7% tal-għadd totali madwar id-dinja. Lill-organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali minn madwar id-dinja t-traffikar tal-bnedmin jiġġeneralhom aktar minn €25 biljun ta’ profitt fis-sena. Filwaqt li bosta vittmi jiġu minn pajjiżi mhux tal-UE, it-traffikar intern (jiġifieri ċ-ċittadini tal-UE ttraffikati fl-UE) jidher li qed jikber.

Id-dejta preliminarja miġbura mill-Istati Membri fil-livell tal-UE tidher konsistenti ma’ dik imwassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (il-UNODC), li turi li tliet kwarti tal-vittmi identifikati fl-Istati Membri tal-UE huma ttraffikati għall-isfruttament sesswali (76% fl-2010). Vittmi oħra huma furzati jaħdmu bi sfruttament (14%), jittallbu (3%) u jaħdmu bħala servi domestiċi (1%).

Fejn jidħol is-sess tal-vittmi, id-dejta preliminarja disponibbli turi li n-nisa u l-bniet huma l-vittmi prinċipali tat-traffikar tal-bnedmin; il-vittmi nisa kienu 79% (li minnhom 12% kienu bniet) u l-irġiel 21% (li minnhom 3% kienu subien) tal-vittmi bejn l-2008 u l-2010.

Iżda huma ftit wisq dawk responsabbli li jispiċċaw il-ħabs, u fl-istess waqt il-vittmi jdumu biex jirkupraw u jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà: ir-riżultati preliminari ta’ dejta miġbura riċentement juru li l-għadd ta’ kundanni fil-każijiet tat-traffikar naqas minn madwar 1,500 fl-2008 għal madwar 1,250 fl-2010. L-Ewropej jaqblu li jeħtieġ li ssir xi ħaġa: fl-aħħar stħarriġ, 93% taċ-ċittadini qablu li l-Istati Membri tal-UE għandhom jikkooperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Kuntest

Bl-“Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016)", il-Kummissjoni qed tiffoka fuq l-azzjonijiet konkreti li jappoġġjaw u jikkumplimentaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traffikar (id-Direttiva 2011/36/UE) - li l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha hija April tal-2013.

Il-miżuri inklużi fl-Istrateġija huma r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi ma’ esperti, mal-gvernijiet, mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-imsieħba soċjali u l-akkademiċi. Dawn jirriflettu t-tħassib prinċipali tagħhom, kif ukoll il-fehmiet tal-vittmi, u se jikkumplementaw l-isforzi eżistenti.

L-Istrateġija issa se tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-progress magħmul fl-indirizzar tat-traffikar u kull sentejn se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-ewwel rapport, li jrid joħroġ fl-2014, se jinkludi evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija.

Għal aktar tagħrif

MEMO/12/455

Intervisti mal-vittmi tat-traffikar f’verżjonijiet li jitniżżlu mill-internet:

http://ec.europa.eu/avservices/focus/index.cfm?&focusid=264&page=focus&sitelang=en

Il-websajt ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tas-sit tad-DĠ tal-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea Kontra t-Traffikar:

http://ec.europa.eu/anti-trafficking/index

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site