Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Ġunju 2012

Tgħid il-belt tiegħek tkun il-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea tal-2015?

Illum, il-Kummissjoni se tniedi l-proċess ta' selezzjoni għall-belt rebbieħa tat-titlu "Kapitali Ekoloġika Ewropea" fl-2015. Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jirrikonoxxi l-bliet li jinsabu fuq quddiem nett f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stil ta’ ħajja urbana li jirrispetta l-ambjent, billi dawn il-bliet jistgħu jservu ta’ xempju u ispirazzjoni lil bliet oħrajn. L-għan ta' dan il-premju annwali huwa li jgħin lill-bliet Ewropej isiru iktar attraenti u iktar sani, fis-sens li jkunu xierqa għas-saħħa u l-benessri tal-bnedmin li jgħixu fihom.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jservi ta' vetrina għall-isforzi lokali li jtejbu l-ambjent urban u jippromwovu t-tkabbir sostenibbli. Issa li qegħdin inniedu l-kompetizzjoni għas-sitt Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea, għas-sena 2015, nixtieq inħeġġeġ lill-bliet iressqu l-kandidatura tagħhom, u li jinqdew b'din l-opportunità biex jirrevedu u jitfgħu dawl fuq il-kisbiet ambjentali tagħhom, filwaqt li jippjanaw ġejjieni sostenibbli għaċ-ċittadini tagħhom.”

It-tliet għanijiet ewlenin tal-premju huma:

  • li jiġu ppremjati l-bliet li għandhom rekord stabbilit sew fil-kisba ta' miri ambjentali għoljin;

  • li jħeġġeġ lill-bliet jintrabtu ma' miri ambizzjużi għat-titjib ambjentali u għall-iżvilupp sostenibbli fil-ġejjieni; u and

  • li jkunu xempju u ispirazzjoni għal bliet oħra, u jippromwovu u jaqsmu l-aqwa prassi u esperjenzi ma' kull belt oħra fl-Ewropa.

Kull belt Ewropea b'popolazzjoni ta' iktar minn 200 000 ruħ tista' tapplika għat-titlu ta’ Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea tal-2015. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-Istati Membri tal-UE, għall-pajjiżi deħlin fl-UE (il-Kroazja), għall-pajjiżi kandidati tal-UE (it-Turkija, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, l-Iżlanda u s-Serbja), u għall-pajjiżi l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (in-Norveġja u Liechtenstein). F’pajjiżi fejn ma hemm l-ebda belt li fiha jgħixu iktar minn 200 000 ruħ, tista’ tapplika l-ikbar belt.

L-applikazzjonijiet se jiġu eżaminati abbażi ta’ tnax-il indikatur: il-kontribut lokali għat-tibdil fil-klima globali, it-trasport sostenibbli, iż-żoni urbani ekoloġiċi li jinkorporaw użu sostenibbli tal-art, il-promozzjoni tan-natura u tal-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, il-livelli tal-istorbju, il-konsum tal-ilma, it-trattament tad-drenaġġ, l-ekoinnovazzjoni u l-impjiegi sostenibbli, il-ġestjoni ambjentali tal-awtorità lokali, u l-prestazzjoni fl-użu tal-enerġija.

Il-bliet jistgħu japplikaw fuq l-internet, fil-paġna www.europeangreencapital.eu. Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet għat-titlu tal-2015 hija l-15 ta’ Ottubru 2012. It-titlu jingħata minn ġurija internazzjonali, megħjuna minn bord ta’ esperti magħrufin li ġejjin minn oqsma ambjentali differenti. Il-belt rebbieħa titħabbar f’Ġunju tal-2013.

Sfond

Il-Premju għall-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea huwa frott ta’ inizjattiva li ttieħdet minn bliet b'viżjoni ekoloġika. Il-kunċett oriġinali tfassal waqt laqgħa li saret fil-15 ta’ Mejju 2006 f’Tallinn, l-Estonja, fuq inizjattiva tas-Sur Jüri Ratas, l-ex Sindku ta’ Tallinn. Dakinhar, ħmistax-il belt Ewropea flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Bliet Estonjani ffirmaw Memorandum konġunt ta’ Ftehim dwar il-ħolqien ta’ dan il-premju.

S’issa, erbat ibliet - Stokkolma, Ħamburg, Vitoria-Gasteiz u Nantes - ingħataw dan it-titlu prestiġjuż, mill-2010 sal-2013 rispettivament. Il-Belt Kapitlai Ekoloġika Ewropea għall-2014 se titħabbar nhar id-29 ta’ Ġunju.

Illum il-ġurnata, l-Ewropa hija soċjetà essenzjalment urbana, bi tliet Ewropej minn erbgħa jgħixu fil-bliet (kbar jew żgħar). Ħafna mill-isfidi ambjentali li qed tħabbat wiċċha magħhom is-soċjetà tagħna ġejjin miż-żoni urbani, iżda fl-istess ħin huma dawn l-istess żoni urbani li jiġbru flimkien l-impenn u l-innovazzjoni meħtieġa biex dawk l-isfidi jingħelbu. Il-Premju għall-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea nħoloq bħala inizjattiva biex jitħeġġu u jkunu ppremjati l-isforzi tal-bliet favur l-ambjent, kif ukoll biex il-bliet ikomplu jimpenjaw ruħhom għal aktar azzjoni. Barra minn hekk, il-Premju jippromwovi u jitfa' dawl fuq l-iskambju tal-aqwa prassi ma' bliet Ewropej oħra.

Minbarra li jispira bliet oħrajn, dan il-profil miżjud għandu jservi biex isaħħaħ ir-reputazzjoni u l-attrazzjoni tal-belt rebbieħa bħala destinazzjoni għal min jixtieq iżurha, jaħdem jew saħanistra jbejjet fiha.

Għal aktar tagħrif:

www.europeangreencapital.eu

Twitter: @EU_GreenCapital

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website