Navigation path

Left navigation

Additional tools

SMEs: Aċċess aħjar għall-finanzjament u spinta għall-imprenditorija

European Commission - IP/12/609   15/06/2012

Other available languages: EN FR DE IT

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2012

SMEs: Aċċess aħjar għall-finanzjament u spinta għall-imprenditorija

Fl-okkażjoni tar-raba' laqgħa tar-rappreżentanti tal-SMEs Ewropej li saret illum f'Malta, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani ħabbar serje ta' inizjattivi ġodda u azzjonijiet ippjanati biex itejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, biex jagħtu spinta lill-intraprenditorija u lill-internazzjonalizzazzjoni tagħhom. Biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat gwida prattika li tipprovdi l-informazzjoni dwar kif wieħed jista' jaċċessa 'l fuq minn EUR 50 biljun ta' finanzjament pubbliku fis-27 Stat Membru. It-tieni, il-Kummissjoni nediet kampanja ta' taħriġ madwar l-Ewropa biex in-Netwerk Enterprise Europe jgħin lill-SMEs ikollhom aċċess għall-finanzjament. L-SMEs jistgħu jikkuntattjaw lil wieħed mis-sitt mitt imsieħeb fin-Netwerk Enterprise Europe li jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni dwar is-sorsi tal-finanzi tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Il-Viċi President Tajani se jiddiskuti wkoll mar-rappreżentanti tal-SMEs l-elementi possibbli għal pjan ta' ħidma tal-intraprenditorija li s-Sur Tajani biħsiebu jressaq wara l-btajjel tas-sajf biex iħeġġeġ il-ħolqien ta' negozji u impjiegi ġodda. Il-pjan huwa maħsub biex jindirizza l-ostakoli li jfixklu lil min jixtieq jiftaħ negozju għal rasu. Se jinkludi wkoll miżuri li jferrxu iżjed l-għażla li dak li jkun jibda jaħdem għal rasu.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li hu responsabbli mill-politiki dwar l-industrija u l-intrapriża, illum qal: "Jekk aħna rridu nagħtu spinta lit-tkabbir fl-Ewropa, irridu nibdew bl-SMEs. Il-potenzjal intraprenditorjali fl-Ewropa mhuwiex qed ikun sfruttat kompletament: 45% tal-Ewropej jixtiequ jaħdmu għal rashom kieku jistgħu, iżda medja ta' 10% biss qegħdin jaħdmu għal rashom illum. Jekk jirnexxielna nkabbru dan il-perċentwal, jista' jkollna miljuni ta' intrapriżi ġodda innovattivi u kreattivi li jagħtu ħajja ġdida lill-bażi ekonomika Ewropea, iqawwuha, jgħinuha tiġġenera altar impjiegi u ssir iżjed reżistenti għal sitwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli".

In-Netwerk tar-rappreżentanti tal-SMEs

Il-Kuntest

Gwida prattika biex tgħin lill-SMEs jaċċessaw 'il fuq minn EUR50 biljun ta' finanzjament

Biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat gwida prattika għall-SMEs li tipprovdi l-informazzjoni dwar kif wieħed jista' jaċċessa 'l fuq minn EUR 50 biljun ta' finanzjament pubbliku fis-27 Stat Membru. Din il-gwida tippreżenta iktar minn 120 programm ta' finanzjament nazzjonali jew reġjonali u tipprovdi l-informazzjoni ewlenija biex tgħin lill-SMEs japplikaw għall-programmi diversi rigward karatteristiki, termini, kundizzjonijiet u informazzjoni dwar lil min għandhom jikkuntattjaw.

Fl-istess ħin il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni ta' programmi ta' finanzjament pubbliku f'ħames Stati Membri (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Polonja u l-Isvezja) biex jiskambjaw il-prassi t-tajba u jivvalutaw liema huma dawk il-programmi li jaħdmu aħjar u li jistgħu jintużaw f'pajjiżi oħra. L-evalwazzjoni tenfasizza li l-programmi ta' finanzjament pubbliku għandu jkollhom għan ċar u jkunu flessibbli biex jekk ikun hemm bżonn ta' xi tibdil dan ikun jista' jsir, pereżempju waqt il-kriżi ekonomika tal-preżent.

Aktar informazzjoni – Sabiex taċċessa l-istrumenti finanzjarji tal-UE, idħol fil-websajt tal-Fond Ewropew tal-Investiment biex issib il-banek jew il-fondi ta' kapital spekulattiv li jipprovdu l-finanzjament f'pajjiżek.

Aktar minn 600 imsieħeb tan-Netwerk Enterprise Europe jagħtu pariri dwar l-aċċess għall-finanzjament

Il-persunal ta' aktar minn 600 imsieħeb fin-Netwerk Enterprise Europe tħarrġu dwar l-aċċess għall-finanzjament sabiex issa jkunu jistgħu jagħtu pariri aħjar lill-SMEs li qegħdin ifittxu l-aħjar fornitur tal-finanzi għalihom. Il-Kummissjoni stabbilixxiet in-Netwerk Enterprise Europe biex tgħin lill-SMEs isiru aktar kompetittivi, isiru iżjed internazzjonali u jsibu l-imsieħba kummerċjali u teknoloġiċi. In-netwerk għandu rappreżentanti f'51 pajjiż, b'600 organizzazzjoni msieħba. L-SMEs li jixtiequ l-aċċess għall-finanzjament jistgħu jikkuntattjaw lill-membru tan-Netwerk Enterprise Europe li hu l-iżjed qrib tagħhom, li jkun jista' jipprovdilhom l-informazzjoni dwar is-sorsi tal-finanzi tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali.

Aktar informazzjoni

Pjan ta' ħidma għal-liberazzjoni tal-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropej

Il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji Pjan ta' Ħidma għall-Intraprenditorija – li għandu jiġi ppubblikat fil-ħarifa tal-2012 – li se jindirizza l-oqsma li fihom jista' joħroġ il-potenzjal taċ-ċittadini u li bis-saħħa tagħhom jista' jintgħeleb l-imblukkar u jitneħħew l-ostakoli għall-attivitajiet intraprenditorjali. L-oqsma ta' ħidma possibbli jinkludu:

  • Il-Faċilità tat-Trasferimenti tal-kummerċ: Kull sena jintilfu 150,000 kumpanija u 600,000 impjieg minħabba l-fatt li l-propjetarji jirtiraw jew ibiddlu l-attivitajiet tagħhom.

  • Proċeduri effiċjenti għall-falliment u l-għotja ta' opportunità oħra: Billi 96% tal-fallimenti kollha huma ta' natura onesta (pereżempju minħabba pagamenti ritardati), proċeduri aktar ħfief u aktar affordabbli biex jingħalqu n-negozji u jinħelsu mill-falliment jistgħu jistimulaw il-ħolqien tan-negozji.

  • Iż-Żgħażagħ – l-imprendituri tal-futur: Iż-żgħażagħ jiftħu iżjed kumpaniji meta jkunu għaddew minn programm ta' "intraprenditorija" fl-edukazzjoni primarja jew sekondarja tagħhom.

  • In-nisa – l-akbar sors mhux utilizzat ta' potenzjal intraprenditorjali fl-Ewropa: In-nisa jħabbtu wiċċhom ma' għad ta' diffikultajiet fit-tmexxija ta' negozju u jikkostitwixxu biss terz minn dawk li jaħdmu għal rashom fl-UE.

  • Il-Veterani – iżommu l-għerf kummerċjali attiv: Iċ-ċittadini li għandhom 'il fuq mill-50 sena jistgħu jagħtu għarfien u esperjenza prezzjużi fil-ftuħ u fl-amministrazzjoni ta' kumpanija.

Aktar informazzjoni

Il-gwida dwar l-aċċess għall-finanzjament u t-taħriġ għall-persunal tan-NEE huma miżuri fil-Pjan ta' Ħidma ta' Novembru 2011 biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs (MEMO/11/879)

Kuntatti :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website