Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2012

Id-drittijiet tal-passiġġieri: rifjuti inġusti ‘għadhom problema’ għal vjaġġaturi bl-ajru b’diżabbiltà tgħid il-Kummissjoni

Ħafna vjaġġaturi bl-ajru b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa ghadhom jaffrontaw problemi ta’ rifjuti mhux ġustifikati, u domandi inġusti oħra meta jippruvaw jivvjaġġaw. Hekk kif eluf Paralimpjani b’diżabbiltà u spettaturi qed jippreparaw biex jivvjaġġaw lejn Londra għal-Logħob Olimpiku tal-2012, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida biex tiċċara d-drittijiet tagħhom meta huma jivvjaġġaw bl-ajru.

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għat-Trasport, qal: ”Li wieħed fil-ħajja jkollu jkampa b’diżabbiltà hija sfida iebsa biżżejjed fiha nnifisha: ma għandux ikollu jiffaċċja aktar problemi meta jasal fl-ajruport".

Il-linji gwida jkopru lil vjaġġaturi fl-ajruporti kollha tal-UE u l-operazzjonijiet tat-trasportaturi tal-UE kullimkien fid-dinja. Dawn ikopru wkoll lit-trasportaturi li mhumiex tal-UE li jinsabu fl-Ewropa jew li jitilqu mill-Ewropa.

L-għan huwa li jiġu ċċarati r-regoli eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għal persuni b'diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bl-ajru (ir-Regolament KE 1107/2006). Huma jittrattaw problemi fi 22 qasam dwar l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-ivjaġġar bl-ajru.

It-tħassib ewlieni huma:

1. Notifika minn qabel: Il-linji gwida jenfasizzaw l-importanza ta’ notifika minn qabel. Sabiex jippermettu li l-fornituri tas-servizzi (l-ajruporti jew il-linji tal-ajru) jħejju l-għajnuna meħtieġa, huwa essenzjali li persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa jinnotifikaw il-ħtiġijiet tagħhom mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

2. Rifjuti mhux ġustifikati: Il-passiġġieri jirrapportaw problemi rikorrenti marbuta ma’ rifjuti u ma’ rekwiżiti inkonsistenti għal ċertifikati mediċi u biex il-passiġġieri jkunu akkumpanjati.

  • Ċertifikati mediċi: Il-linji gwida jiċċaraw li ċ-ċertifikati mediċi, bħala regola, m’għandhomx ikunu rekwiżit għal dawk b’kundizzjoni stabbli – pereżempju l-għomja jew il-persuni fis-siġġijiet tar-roti.

  • Il-persuni li jakkumpanjawhom. Il-linji gwida jiċċaraw li jekk inti indipendenti, ir-regola hija li m’għandekx tkun obbligat li tkun akkumpanjat, għajr fil-każ ta’ rekwiżiti speċifiċi tas-sikurezza li dwarhom għandek tingħata parir.

3. Problemi mediċi u tat-tagħmir tal-mobbiltà

  • It-tagħmir ta’ mobbiltà: Il-linji gwida jenfasizzaw li l-passiġġieri b’diżabbiltà u l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu jkollhom biċċtejn tagħmir ta’ mobbiltà ttrasportati mingħajr ħlas. Passiġġier li juża siġġu bir-roti elettriku huwa obbligat li jinnotifika lit-trasportatur mill-inqas 48 siegħa minn qabel. Il-linji gwida jenfasizzaw ukoll li klieb rikonuxxuti ta’ gwida u ta’ assistenza għandhom jivvjaġġaw fil-kabina soġġett għal notifika xierqa minn qabel. Għal kwalunkwe passiġġier, it-tagħmir sportiv li mhuwiex tagħmir ta' mobbiltà huwa kopert mir-regoli ġenerali tal-linji tal-ajru dwar il-bagalji

  • L-ossiġnu abbord: Passiġġieri li jeħtieġu jivvjaġġaw bl-ossiġnu għandhom jagħtu notifika minn qabel. Il-linji gwida jikkjarifikaw li hija l-linja tal-ajru li tiddetermina jekk il-passiġġieri jistgħux iġibu l-ossiġnu tagħhom stess u ma hemm l-ebda obbligu fuq linja tal-ajru biex din tipprovdi l-ossiġenu. Madankollu, il-linja tal-ajru għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli b’mod ċar.

Huwa u jikkummenta dwar il-linji gwida ġodda l-Viċi President Siim Kallas qal, "Il-messaġġ tiegħi lill-passiġġieri b'diżabbiltà huwa: Jekk intom tixtiequ li jkollkom vjaġġ aktar faċli, avżawhom minn qabel bil-vjaġġ tagħkom."

U lil-linji tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti nixtieq ngħid, "Il-passiġġieri b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa normalment se jkollhom bżonn l-għajnuna tiegħek. Dawn il-linji gwida qegħdin hemm biex jgħinukhom, biex tgħinuhom. "

Is Sur Yannis Vardakastanis, il-President tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, qal: "L-assistenza ta’ kwalità hija importanti ħafna għall-persuni b’diżabbiltà u din il-kwistjoni hija indirizzata b’ċertezza fil-linji gwida interpretattivi. Il-Kummissjoni Ewropea għażlet approċċ bilanċjat u għalhekk qed jirnexxilha tipproteġi l-interess tal-passiġġieri b’diżabbiltajiet kif ukoll tal-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa b’mod proporzjonat."

Xavier González, L-Uffiċjal Kap Esekuttiv tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, l-organizzaturi tal-Logħob Paralimpiku, qal: "Aħna nilqgħu l-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida u nisperaw li l-ajruporti u l-linji tal-ajru fl-Ewropa jibdew josservawhom minnufiħ".

"Bħall-ħafna passiġġieri b’diżabbiltà li jtiru kuljum, l-atleti tagħna wkoll jesperjenzaw regolarment diffikulatajiet bla bżonn meta jivvjaġġaw fl-ajruporti u mal-linji tal-ajru. Dan m’għanux ikun meta aħna qed nagħmlu ħilitna favur l-ugwaljanza fis-soċjetà"

"Dan is-sajf 4 200 atleta se jivvjaġġaw lejn Londra għall-akbar Logħob Paralimpiku li qatt sar. L-esperjenza huma jieħdu meta jivvjaġġaw fuq il-linji tal-ajru u fl-ajruporti tista’ tinfluwenza l-mod kif iħarsu lejn is-suċċess tal-Logħob, tkun xi tkun il-prestazzjoni atletika tagħhom"

Sfond

Minkejja l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma’ problemi meta jivvjaġġaw bl-ajru: nuqqas jew livell mhux ugwali fil-kwalità tas-servizz fl-Ewropa; ta' spiss wisq u mingħajr ġustifikazzjoni jiltaqgħu ma' rifjuti jew restrizzjonijiet fir-riservazzjonijiet jew ma jitħallewx jitilgħu fuq titjiriet, għal raġunijiet mhux ċari ta' sikurezza; inkonsistenzi fit-trattament ta' passiġġieri li jeħtieġu l-ossiġnu mediku fuq l-ajruplan; livell limitat tal-għarfien tal-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom; perċentwali limitat (madwar 40 %) ta’ notifikazzjoni minn qabel tal-ħtiġijiet tal-assistenza qabel il-vjaġġ, li huwa ta’ importanza kruċjali sabiex il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jippreparaw l-assistenza meħtieġa; nuqqas ta’ applikazzjoni armonizzata tar-Regolament min-naħa tal-entitajiet nazzjonali tal-infurzar; u nuqqas ta' effikaċja fit-trattament tal-ilmenti.

Il-linji gwida huma bbażati fuq valutazzjoni dettaljata tar-Regolament eżistenti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta huma jivvjaġġaw bl-ajru1 (ir-Regolament KE 1107/2006).

Il-linji gwida ġew diskussi bir-reqqa mal-partijiet interessati kollha: l-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija tal-avjazzjoni (l-organizzazzjonijiet tal-linji tal-ajru u tal-ajruporti) kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti, notevolment dawk li jirrappreżentaw persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Il-linji gwida se jgħinu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar bl-ajru għall-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u għalhekk jgħinu lit-trasportaturi bl-ajru u l-ajruporti sabiex itejbu l-applikazzjoni tar-Regolament. Huma se jassistu wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali fl-infurzar tar-Regolament. Il-linji gwida se jipprovdu valur miżjud reali għal żieda ta’ vjaġġar minn persuni b’diżabbiltà u minn persuni b’mobbiltà mnaqqsa mistennija għall-Paralimpjadi.

Għal aktar tagħrif ara MEMO/12/422

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site