Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2012

Is-Saħħa Pubblika – Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm – id-donaturi tad-demm eroj!

Fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, bil-motto ta’ din is-sena “Kull donatur tad-demm huwa eroj”, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tisħaq l-importanza ta' forniment sikur ta' demm u tħeġġeġ liċ-ċittadini kollha li jissieħbu ċ-ċrieki ta’ donaturi volontarji responsabbli. Illum il-ġurnata, aktar minn 500 miljun cittadin tal-Unjoni Ewropea jiddependu fuq id-donazzjoni tad-demm ta’ anqas minn 15-il miljun donatur. Dan mhux biżżejjed biex jissodisfa l-bżonnijiet tal-Ewropej kollha li jiddependu fuq id-demm biex isalvaw minn emerġenza jew biex jgħixu b’mard kroniku li jeħtieġ trasfużjonijiet regolari.

Il-Kummissarju John Dalli qal: “Id-demm hu l-ħajja. Kull wieħed u waħda minna jista’ jiġi bżonn li jirkupra minn operazzjoni maġġuri jew minn inċident kbir. Għal ħafna Ewropej li għandhom il-mard kroniku bħalma huma l-emofilja jew it-talassemija, id-demm hu neċessità kostanti. Id-demm jagħmel differenza. Għalhekk illum, nixtieq insellem lid-donaturi kollha u nistieden lill-Ewropej biex juru solidarjetà ma’ dawk li għandhom bżonn u jagħtu d-demm. Kun donatur, kun eroj.”

Fir-rigward tad-demm, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kura tas-saħħa kontinwament jiffaċċjaw żewġ sfidi pressanti: Id-data tal-iskadenza tad-demm u l-iskarsezza tad-demm. Id-demm ma jistax jinħażen għal dejjem u għalhekk hemm bżonn li l-fornimenti tad-demm jimtlew mill-ġdid b'mod regolari. Barra minn hekk, hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ, id-domanda għad-demm tikber. Din hija marbuta mill-qrib ma' prevalenza akbar ta’ mard konness mal-età, bħalma huma l-kansers jew il-ksur fil-ġenb, li t-trattamenti tagħhom ta’ sikwit iwasslu għal interventi kirurġiċi, u għalhekk il-bżonn dejjem jikber ta’ fornimenti tad-demm.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tgħin biex tkun żgurata is-sigurtà u l-kwalità tad-donazzjonijiet tad-demm, kemm għad-donaturi kif ukoll għal dawk li jirċievu d-demm. Din tistabbilixxi kriterji ta’ eliġibilità u tgħin lid-donaturi jagħmlu deċiżjonijiet responsabbli dwar meta hu l-mument ġust li wieħed għandu jagħti d-demm. Din teħtieġ ukoll li d-demm mogħti kollu fl-UE jkun ittestjat u timponi rekwiżiti ta’ kwalità dwar kif il-professjonisti għandhom jittrattaw id-demm miġbur jew mogħti.

Għal aktar informazzjoni:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar did-demm: http://ec.europa.eu/health/blood_tissues_organs/key_documents/index_en.htm

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website