Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Unjoni Ewropea fis-Summit tal-G20 f'Los Cabos (il-Messiku): "Flimkien nibbilanċjaw mill-ġdid it-tkabbir globali"

European Commission - IP/12/598   15/06/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussel, il-15 ta’ Ġunju 2012

L-Unjoni Ewropea fis-Summit tal-G20 f'Los Cabos (il-Messiku): "Flimkien nibbilanċjaw mill-ġdid it-tkabbir globali"

Brussell, il-15 ta' Ġunju 2012 – Id-Diskussjoni fuq l-ekonomija globali u l-qafas għat-tkabbir se jkunu 'il fuq fl-aġenda tas-Summit tal-G20, li se jsir bejn it-18 u d-19 ta' Ġunju f'Los Cabos, fil-Messiku.

Qabel is-Summit il-Presidenti Barroso u Van Rompuy enfasizzaw li: 'F'dan il-kuntest, is-sitwazzjoni fiż-żona tal-ewro se tkun kwistjoni importanti għad-diskussjoni fis-summit tal-G20 ta' din is-sena. Aħna se napplikaw l-azzjoni determinata tal-UE biex nipprovdu rispons komprensiv għall-kriżi tad-dejn sovran: nindirizzaw l-isfidi tal-pajjiżi vulnerabbli; nappoġġaw it-tkabbir permezz ta' riforma strutturali u konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir fl-ambitu tas-semestru Ewropew. insaħħu l-protezzjoni finanzjarja fiż-żona tal-ewro; niffinanzjaw u nirrikapitalizzaw il-banek; u nsaħħu l-governanza ekonomika fiż-żona tal-ewro. Aħna se naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li nissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-ewro u l-integrità tagħha. Se nagħmluha ċara wkoll li rridu li l-Greċja tibqa' fiż-żona tal-ewro waqt il tirrispetta l-impenji tagħha. Finalment, aħna se ninfurmaw lil sħabna bix-xogħol li qed nagħmlu biex insaħħu u napprofondixxu iktar l-unjoni ekonomika tagħna biex tkun proporzjanata mal-unjoni monetraja tagħna.

Iż-żewġ Presidenti se jappellaw lil sħabhom tal-G20 biex jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet proprji tagħhom u jagħtu imbuttatura b'saħħitha sabiex l-ekonomija globali tkun ibbilanċjata mill-ġdid. L-UE hija konvinta li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Los Cabos għat-Tkabbir, li għandu jiġi adottat mill-mexxejja tal-G20, għandu jkun taħlita bbilanċjata ta' konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali, inklużi impenji bbilanċjati mill-membri kollha tal-G20, inklużi l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina. Hija konvinta wkoll li dan se jservi bħala qafas konkret biex il-pajjiżi kollha tal-G20 iġeddu l-impenji tagħhom biex jagħtu spinta lit-tkabbir globali.

Kwistjoni importanti oħra fuq l-aġenda tas-Summit tal-G20 se tkun it-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali u tas-sistema finanzjarja, ir-riforma regulatorja finanzjarja u l-promozzjoni tal-inklużjoni finanzjarja. Iż-żewġ Presidenti se jfakkru li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex ir-riformi finanzjarji kollha jidħlu fis-seħħ sal-2013 u li anki sħabha jimplimentaw dawn l-impenji tal-G20. Ir-riforma fis-suq finanzjarju se jkollha tibqa 'l fuq fl-aġenda tal-G20, sabiex jiġu ssodisfati l-impenji meħuda mill-mexxejja tal-G20 fis-Summit ta' Washington tal-2008.

Il-ftehim milħuq diġà mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f'Washington f'April biex ir-riżorsi tal-FMI jkunu miżjuda b'USD 430 biljun huwa milqugħ tajjeb. Il-Presidenti Barroso u Van Rompuy se jenfasizzaw li l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi maqbula fl-2010 dwar il-kwota tal-FMI u tal-governanza hija element kritiku biex jingħataw spinta l-legittimità, il-kredibbiltà u l-effikaċja tal-Fond. L-UE qiegħda fit-triq it-tajba għall-implimentazzjoni f'waqtha tar-riformi tal-2010 dwar il-kwoti u l-governanza tal-FMI, u l-Istati Membri kollha tal-UE qed jistennew li jlestu r-ratifika sal-iskadenza maqbula. L-UE se tinkoraġġixxi lill-membri kollha l-oħra tal-FMI biex jagħmlu l-istess. Il-membri tal-FMI issa għandhom ikunu wkoll lesti għall-diskussjonijiet kostruttivi dwar ir-reviżjoni tal-formola tal-kwoti tal-FMI u dwar ir-reviżjoni li jmiss tal-kwoti, waqt li jikkunsidraw il-bżonn li jtejbu r-responsabbiltà, is-sorveljanza u l-effikaċja tal-FMI.

It-tielet sessjoni se tiffoka fuq l-iżvilupp, is-sigurtà tal-provvista alimentari u t-tkabbir ekoloġiku inklużiv. Għall-UE, huwa importanti ħafna li żżomm l-iżvilupp u s-sigurtà tal-provvista alimentari fuq l-aġenda tal-G20 u li tenfasizza li lkoll kemm aħna, kemm il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk inqas żviluppati, għandna nimxu lejn ekonomija iktar ekoloġika u iktar inklużiva. Il-Presidenti Barroso u Van Rompuy se jitolbu lill-G20 biex jagħtu imbuttatura politika għas-suċċess tal-Konferenza Rio+20, li se jssir jiem biss wara s-summit tal-G20.

Il-mexxejja tal-G20 se jiddiskutu wkoll il-kummerċ, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir. L-UE hija tal-fehma li f'dan l-istadju l-kummerċ għandu jkollu rwol importanti bħala sors ta' tkabbir u impjiegi. Il-President Barroso u l-President Van Rompuy se jitolbu lil sħabhom tal-G20 biex jagħtu imbuttatura b'saħħitha lill-faċilitazzjoni tal-kummerċ sabiex jiżguraw eżitu b'suċċess ta' parti mill-aġenda għall-iżvilupp ta' Doha li hija ta' għajnuna partikolari għall-pajjiżi l-inqas żviluppati. Fid-dawl taż-żieda preokkupanti fil-protezzjoniżmu, huma se jħeġġu lill-G20 biex itejbu l-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu u biex isaħħu iktar is-sistemi ta' kummerċ multilaterali.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, iż-żewġ Presidenti jikkunsidraw l-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ, bħala qasam ta' tħassib ewlieni għall-UE u għall-pajjiżi tal-G20, u jilqgħu l-iffukar kontinwu tal-G20 fuq kwistjonijiet relatati mal-impjiegi.

Sfond

L-ewwel Summit tal-kapijiet tal-Istat u tal-gvern tal-G20 sar f'Washington f'Novembru 2008. Sal-2010 l-mexxejja tal-G20 iltaqgħu darbtejn fis-sena; mis-sena li għaddiet il-laqgħat qed jiġu organizzati annwalment. Is-Summit tal-2013 se jsir f'San Pietruburgu fir-Russja. L-Unjoni Ewropea hija membru sħiħ tal-G20, flimkien mal-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Ġappun, il-Messiku, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Russja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t'Isfel, it-Turkija, Ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Tradizzjonalment, pajjiżi mistiedna jistgħu jattendu s-Summits. Il-Presidenza Messikana stiednet lill-ħames pajjiżi mistiedna uffiċjali tal-G20 li ġejjin: Spanja (bħala pajjiż mistieden permanenti), il-Benin (il-pajjiż li għandu l-presidenza tal-Unjoni Afrikana), il-Kambodja (il-pajjiż li għandu l-presidenza tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk), iċ-Ċilì (il-pajjiż li għandu l-presidenza tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew), u l-Kolumbja. Addizzjonalment, l-Etjopja hija mistiedna wkoll, bħala l-president tas-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp tal-Afrika (New Partnership for Africa's Development, NEPAD). Bħalma ġara fil-passat, se jseħħu bosta avvenimenti sekondarji, bħas-Summits għall-imprendituri (B20) u għat-trejdjunjonisti (L20).

Għal aktar tagħrif

MEMO/12/444 L-Unjoni Ewropea fil-G20 f'Los Cabos, il-Messiku: Mistoqsijiet u Risposti

Aqra l-Ittra Konġunta tal-Presidenti Barroso u Van Rompuy lill-G20:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/documents/2012/05/letter_hvr-jdb_g-20_18-19june.doc

Il-websajt tal-President Barroso dwar il-G20:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/g20/index_en.htm

Il-websajt tal-President Van Rompuy dwar il-G20:

http://www.european-council.europa.eu/the-president/summits-with-third-countries?lang=mt

Il-websajt uffiċjali tal-gvern Messikan għall-G20:

http://www.g20.org/index.php/en

Twitter: http://www.twitter.com/euHvr u http://www.twitter.com/EC_live

Materjal viżwali: http://tvnewsroom.consilium.europa.eu/

u http://ec.europa.eu/avservices/ebs/schedule.cfm

Contacts :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website