Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aktar tkabbir permezz ta' governanza aqwa tas-suq uniku u spinta akbar lis-servizzi

European Commission - IP/12/587   08/06/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewopea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Ġunju 2012

Aktar tkabbir permezz ta' governanza aqwa tas-suq uniku u spinta akbar lis-servizzi

Is-Suq Uniku huwa l-element ewlieni li jixpruna t-tkabbir ekonomiku. Iżda l-implimentazzjoni aħjar tar-regoli eżistenti hija essenzjali biex ikun hemm tkabbir u mpjiegi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pjan xieraq ta' azzjoni biex jiżgura li r-regoli tas-Suq Uniku jaħdmu aħjar fil-prattika.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll miżuri biex itejbu l-mod kif jaħdem is-settur tas-servizzi, li huwa vitali, peress li d-Direttiva dwar is-Servizzi tammonta għal aktar minn 45 % tal-PDG tal-UE u għandu jkollha rwol strateġiku fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku. Skont il-valutazzjoni tal-progress li saret mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, analiżi ekonomika turi li l-implimentazzjoni se tiġġenera żieda ta' 0.8 % fil-PDG tal-UE tul il-5 - 10 snin li ġejjin. Iżda din il-figura tista' tiżdied għal 2.6 % jekk l-Istati Membri jkunu aktar ambizzjużi fil-ftuħ tas-servizzi tagħhom koperti mid-Direttiva. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE jistgħu jippromwovu t-tkabbir billi jnaqqsu b'terz il-piżijiet amministrattivi tan-negozji, li jwasslu għal tfaddil ġenerali ta' kważi 40 biljun euro.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, qal: "L-impriżi żgħar u medji jgħiduli li għad hemm ostakli għall-ħidma tagħhom fis-Suq Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu id f'id biex itejbu l-mod kif jiġu implimentati, applikati u infurzati r-regoli tas-Suq Uniku. It-tkabbir ekonomiku qiegħed fil-quċċata tal-aġenda tagħna u għandna naħtfu kull opportunità biex nippromwovuh." Huwa żied jgħid: "Il-prijorità tiegħi għad-Direttiva dwar is-Servizzi, hija li niżgura li din tapplika bis-sħiħ għas-setturi li tkopri."

Komunikazzjoni dwar il-"Governanza Aqwa għas-Suq Uniku"

Il-Kummissjoni qed tipproponi biex l-isforzi jkunu kkonċentrati fuq is-setturi li għandhom l-akbar potenzjal ta' tkabbir. Is-setturi identifikati għall-2012-2013 huma s-settur tas-servizzi u l-industriji tan-netwerk. Il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri biex, f'dawn l-oqsma, ma jkun hemm l-ebda tolleranza għat-traspożizzjoni tard u mhux korretta tad-Direttivi. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, se tipprovdi assistenza akbar għat-traspożizzjoni sabiex jissolvu l-problemi li jistgħu jinqalgħu. F'każ ta' ksur, il-proċeduri ma għandhomx jieħdu aktar minn medja ta' 18-il xahar (bħalissa jieħdu 25 xahar u nofs) u l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Qorti fi żmien 12-il xahar.

Sabiex is-Suq Uniku jaħdem b'mod aktar effettiv, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-użu aħjar tal-għodod tal-IT biex iċ-ċittadini u n-negozji jingħataw aktar setgħa. Qiegħdha titlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-għodod għas-soluzzjoni tal-problemi u jwaqqfu Ċentri tas-Suq Uniku biex isegwu aħjar kif jaħdem is-Suq Uniku.

Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi – sħubija għat-tkabbir ġdid fis-servizzi

Il-Komunikazzjoni bit-titlu "Sħubija għat-tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015" turi li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandha tkun imtejba sabiex tagħti spinta lit-tkabbir. Sabiex jinkiseb it-tkabbir imbassar, il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri biex ineħħu r-regolamenti diskriminatorji li għadhom jeżistu f'għadd ta' pajjiżi tal-UE, bħal regoli li jiddiskriminaw abbażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta' residenza, li jobbligaw lill-fornituri tas-servizz biex iwettqu "testijiet ta' ħtiġijiet ekonomiċi". Hija qed tenfasizza li se tibda proċeduri ta' ksur kontra vjolazzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Minn barra dan, il-Kummissjoni qed tippjana li taħdem mal-Istati Membri biex tikseb l-ogħla benefiċċji ekonomiċi tad-Direttiva dwar is-Servizzi permezz ta', pereżempju, riformi strutturali kbar fl-oqsma fejn qabel l-Istati Membri ddeċidew li jżommu l-istatus quo. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal setturi ewlenin bħas-servizzi ta' negozju, kostruzzjoni, turiżmu u bejgħ bl-imnut (kważi 30 % tal-PDG).

Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn tliet dokumenti ta' ħidma tal-persunal:

  • Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jippreżenta l-istat tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-problemi li għad fadal u l-"Punti ta' Kuntatt Uniku" b'sezzjoni ddedikata għall-valutazzjoni ta' kull Stat Membru. Dan huwa kkumplimentat bil-valutazzjoni ekonomika li turi l-effetti u l-potenzjal tat-tkabbir tad-Direttiva dwar is-Servizzi f'termini tal-UE b'dejta għal kull Stat Membru.

  • Ir-riżultati tal-verifika tal-prestazzjoni li juru kemm ir-regoli differenti tal-UE jiġu applikati korrettament, abbażi ta' jum b'jum. Din il-verifika identifikat għadd ta' ostakli bħall-eteroġeneità tar-regolament tal-kwalifiki professjonali u d-diffikultajiet tar-rikonoxximent akkademiku minn Stati Membri oħra; rekwiżiti li jillimitaw l-għażla ta' strutturi korporattivi għal ċerti attivitajiet professjonali; diffikultajiet fil-ksib ta' assigurazzjoni għall-fornituri ta' servizzi bejn il-fruntieri jew sfidi li joħorġu minn livelli differenti tar-regolament għall-ħarsien tal-konsumatur madwar l-Ewropa għal negozji li jixtiequ jespandu għal pajjiżi oħra tal-UE, li l-Kummissjoni qed taħdem biex issolvi.

  • Id-dokument ta' ħidma tal-persunal bl-għan li tiġi stabbilita gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 (2) dwar il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni ta' min jirċievi s-servizz abbażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta' residenza. Id-dokument jesplora r-raġunijiet wara din l-imġiba tan-negozji u jitlobhom li jtemmu l-prattiki diskriminatorji.

Sfond

Id-Direttiva dwar is-Servizzi ġiet adottata f'Diċembru tal-2006 u tkopri servizzi li jammontaw għal aktar minn 45 % tal-PDG tal-UE. Kienet pass importanti biex jitneħħew ostakli għall-kummerċ fis-servizzi, u b'hekk jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' negozji f'pajjiżi oħra u l-provvista ta' servizzi bejn il-fruntieri. Din id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għan-negozji jneħħu r-rekwiżiti li jxekklu l-kompetizzjoni ġusta fis-Suq Uniku. Teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jwaqqfu "Punti ta' Kuntatt Uniku", li jgħinu n-negozji billi jipprovdu tagħrif dwar proċeduri rilevanti għal servizzi barra l-pajjiż u li joffru l-possibbiltà li dawn jimtlew onlajn.

Ara wkoll MEMO/12/427 u MEMO/12/429

Għal aktar tagħrif:

Governanza aqwa għas-Suq Uniku http://ec.europa.eu/internal_market/top_layer/monitoring/governance_en.htm

Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi – sħubija għat-tkabbir ġdid fis-servizzi

http://ec.europa.eu/internal_market/services/services-dir/implementation_report_en.htm

Kuntatti :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 25)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website