Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2012

Opportunitajiet tas-Sajd għall-2013: titjib għal xi stokkijiet tal-ħut

F’dokument ta’ konsultazzjoni adottat illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi l-intenzjonijiet tagħha għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2013. Permezz ta' dan id-dokument annwali, il-Kummissjoni titlob l-opinjonijiet tal-Istati Membri, u tal-partijiet interessati dwar l-iffissar tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs), il-kwoti u l-isforz tas-sajd (il-jiem fuq il-baħar) għas-sena ta' wara. Id-dokument juri li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex telimina gradwalment is-sajd żejjed qed jibdew jagħtu l-frott. Illum hemm 20 stokk tal-ħut fl-ibħra Ewropej li huwa magħruf li mhumiex mistada żżejjed, meta mqabbla ma' 5 stokkijiet biss fl-2009. It-tnaqqis fit-TAC fis-snin imgħoddija saħansitra għamluha possibbli li jiżdiedu xi TACs għall-2012. Dan jista’ jsarraf f’tal-inqas EUR 135 miljun dħul żejjed għall-industrija tas-sajd.

Iċ-ċifri ta' hawn fuq juru li jekk jiġi segwit il-parir xjentifiku fl-iffissar tat-TACs, dan għandu jgħin sabiex l-istokkijiet tal-ħut jerġgħu jikbru mill-ġdid. Bħala riżultat, is-sajjieda huma ppremjati b’qabdiet ogħla u bi dħul ogħla, u l-impatt ambjentali tas-sajd huwa inqas. Dawn iċ-ċifri juru wkoll li hija meħtieġa riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd sabiex il-metodi li ġew ippruvati li jaħdmu fit-tul jiġu applikati fuq skala usa' u jiġu inkorporati fit-tfassil tal-politika tal-UE. Is-sajd żejjed ma jistax jiġi eliminat gradwalment biss permezz tal-iffissar tat-TACs sena wara sena. Huma meħtieġa l-ġestjoni fit-tul, approċċ ibbażat kompletament fuq ix-xjenza u l-eliminazzjoni ta' prattiki katastrofiċi bħall-iskartar tal-ħut, kif spjegat fil-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PKS.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "Issa qegħdin naraw xi titjib lejn it-tmiem tas-sajd żejjed, iżda jeħtieġ li nistinkaw ftit iktar u nadottaw ir-riforma tal-PKS jekk irridu niggarantixxu dan it-titjib fit-tul."

L-opinjoni tal-Kummissjoni hija li għas-sena li jmiss, għall-istokkijiet koperti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul, it-TACs u l-livelli tal-isforz għandhom jiġu ffissati skont il-pjanijiet fis-seħħ (rekwiżit legali). Għal stokkijiet oħra ta’ ħut, li mhumiex koperti mill-pjanijiet, it-TACs għandhom ikunu bbażati fuq il-parir xjentifiku, bil-għan li s-sajd żejjed jiġi eliminat gradwalment sal-2015 - jew qabel, fejn hu possibbli. Fejn ma jeżisti ebda parir, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Il-bażi xjentifika għall-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut qed titjieb. Filwaqt li fl-2009 57 stokk suġġett għat-TACs fil-Grigal tal-Atlantiku kienu mingħajr parir xjentifiku, huwa mistenni titjib drastiku fl-2012 possibilment għal numru żgħir bejn 10 u 12-il stokk.

Il-Kummissjoni b’hekk tiddikjara mill-ġdid li hija impenjata li tipproponi livelli tas-sajd ibbażati fuq analiżi xjentifika kif ukoll hija impenjata mal-iskadenza tal-2015 għall-eliminazzjoni gradwali tas-sajd żejjed, kif stipulat fil-proposta għar-riforma tal-PKS.

Sfond

L-istokkijiet fl-ilmijiet tal-UE fil-Grigal tal-Atlantiku li ġew ivvalutati bħala mhux mistada żżejjed huma:

Il-petriċa

barra l-Portugall u l-kosta tal-Atlantiku ta’ Spanja

L-istokkafixx

iż-żoni kollha

Il-lingwata komuni

Skagerrak, Kattegat u l-Baħar Baltiku

il-Kanal tal-Punent

il-Baħar Ċeltiku

Il-haddock

il-Baħar tat-Tramuntana

Rockall

il-Punent tal-Iskozja

L-aringa

il-Baħar tat-Tramuntana

il-Baħar Ċeltiku

il-Baħar ta’ Botnija

Is-sawrell

iż-żona tal-Punent, mill-Baħar Kantabriju sat-Tramuntana tal-Baħar tat-Tramuntana

Il-megrims

barra l-Portugall u l-kosta tal-Atlantiku ta’ Spanja

Il-ksampu

Skagerrak u Kattegat

il-Baħar tat-Tramuntana (Fladen Ground)

il-Punent tal-Iskozja

il-Baħar Ċeltiku u l-Baħar Irlandiż

Il-barbun tat-tbajja’

il-Baħar tat-Tramuntana

Il-merluzz

il-Lvant tal-Baħar Baltiku

Il-mazzola griża

il-Grigal tal-Atlantiku

Għal stokkijiet ta’ ħut fejn tista’ titwettaq valutazzjoni xjentifika, l-istat tal-istokk tjieb matul l-aħħar snin. Fil-Grigal tal-Atlantiku u fl-ibħra tal-qrib, l-istokkijiet mistada żżejjed naqsu minn 32 minn 34 stokk fl-2005 għal 18 minn 38 stokk fl-2012, jiġifieri minn 94 % għal 47 %. Fil-Mediterran teżisti dejta suffiċenti għal 63 % tal-istokkijiet. Minn dawn, 80 % huma mistada żżejjed.

Aktar dettalji jinsabu fil-dokument sħiħ ta’ konsultazzjoni:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/info/com_2012_278_mt.pdf

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site