Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrija għall-istampa Brussell, 7 ta’ Ġunju 2012 Sar progress fit-tnaqqis tat-tluq kmieni mill-iskola u fiż-żieda fl-għadd ta' gradwati fl-Ewropa, iżda jinħtieġu sforzi akbar Jekk iridu jilħqu l-miri għall-edukazzjoni stabbiliti fl-Ewropa 2020, l-Istati Membri għandhom jistinkaw sabiex inaqqsu l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola għal rata ta' inqas 10 % u jżidu l-proporzjon ta' żgħażagħ kwalifikati fil-livell tal-lawrja għal mill-inqas 40 %. Dan jirriżulta minn ċifri maħruġa mill-Eurostat għall-2011, ċifri li jixhdu l-progress li qegħdin jiksbu l-Istati Membri, iżda wkoll li għad hemm diskrepanzi kbar bejn il-pajjiżi tant li hemm dubji kbar dwar kemm l-UE se jirnexxilha tilħaq il-miri tagħha tal-2020. Il-proporzjon ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni bħalissa huwa ta' 13,5 %, meta fl-2010 kien ta' 14,1 % u 17,6 % fl-2000. Fl-2011 kienu 34,6 % dawk ta’ bejn it-30 u l-34 sena fl-UE li kienu ggradwati, meta mqabbla mat-33,5 % fis-sena ta' qabel u t-22,4% fl-2000. Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: "L-Istati Membri għandhom bżonn jiffukaw fuq ir-riformi u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw strateġiji komprensivi kontra t-tluq kmieni mill-iskola. Jeħtieġ li jsaħħu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja filwaqt li jtejbu wkoll il-kwalità tagħha. Li ż-żgħażagħ jingħataw ħiliet u kwalifiki xierqa se jgħin lill-Ewropa biex din tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ, tegħleb il-kriżi u tagħmel l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet li ħolqot l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Investiment serju fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa prerekwiżit għal suċċess fit-tul: mingħajr finanzjamenti xierqa l-Ewropa mhix se jirnexxilha tirbaħ il-ġlieda globali għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività." Għalkemm l-aħħar ċifri jenfasizzaw il-progress li sar lejn dawn iż-żewġ miri, il-Kummissjoni hija xorta waħda mħassba li dan mhuwiex riżultat ta' riformi li jkollhom impatt fit-tul iżda pjuttost prodott sekondarju tar-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li jfisser li qed ikun hemm dejjem aktar żgħażagħ li qegħdin jibqgħu jistudjaw jew jitħarrġu. Punt ieħor ta’ tħassib huwa li l-miri nazzjonali li stabbilixxew l-Istati Membri mhumiex biżżejjed għall-UE biex din tilħaq il-mira ġenerali konġunta tagħha. Fir-rigward tat-tluq kmieni mill-iskola, definit bħala l-proporzjon ta’ dawk bejn it-18 u l-24 sena li fl-aħjar każijiet ikollhom biss kwalifiki ta' edukazzjoni sekondarja baxxa u li ma baqgħux jistudjaw jew jitħarrġu, 11-il Stat Membru qabżu l-valur indikattiv ta' 10%1. Għalkemm Malta (33,5%), Spanja (26,5%) u l-Portugall (23,2%) kellhom l-ogħla rati ta’ żgħażagħ li jitilqu l-iskola kmieni, dawn għamlu ħafna progress matul dawn l-aħħar snin. Stati Membri oħra li naqqsu r-rata ta' tluq kmieni mill-iskola jinkludu lil Ċipru (11,2%), il-Latvja (11,8%) u l-Bulgarija (12,8%). Hemm 13-il Stat Membru li r-rata tagħhom ta' studenti li komplew l-edukazzjoni għolja tisboq il-mira ewlenija ta' 40 %2. Fost dawk b'rati aktar baxxi ta’ studenti li komplew l-edukazzjoni għolja, bħas-Slovenja (37,9%), il-Latvja (35,7%), l-Ungerija (28,1%), il-Portugall (26,1%), ir-Repubblika Ċeka (23,8%) u r-Rumanija (20,4%), kollha raw żidiet annwali ta’ iktar minn żewġ punti perċentwali. B’kuntrast, il-Greċja (28,9%), l-Awstrija (23.8%) u l-Italja (20.3%) żiedu r-rata tagħhom b’nofs punt perċentwali biss jew anqas u l-Bulgarija (27.3%) u Malta (21.1%) irreġistraw tnaqqis fir-rata ta' studenti li komplew l-edukazzjoni għolja tagħhom. Il-Polonja (36.9%), il-Ġermanja (30.7%) u s-Slovakkja (23,4%) rreġistraw żidiet modesti matul l-istess perjodu. L-isfond Iċ-ċifri nġabru mill-Eurostat bħala parti mill-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol, li jipprovdi dejta dwar il-qagħda u x-xejriet tas-suq tax-xogħol tal-UE, inkluża l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-tkomplija tagħha. F’Ġunju 2011, sabiex inaqqsu t-tluq kmieni mill-iskola sal-aħħar tal-2012, l-Istati Membri intrabtu li jiżviluppaw strateġiji komprensivi nazzjonali bbażati fuq l-evidenza. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi Fit-30 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lill-Istati Membri dwar riformi li jwasslu għal aktar stabbilità, tkabbir u impjiegi madwar l-UE. Sitt pajjiżi (id-Danimarka, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, Malta u Spanja) waslulhom rakkomandazzjonijiet biex jindirizzaw it-tluq kmieni mill-iskola, filwaqt li seba' pajjiżi oħra (l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja u s-Slovakkja) ngħataw rakkomandazzjonijiet fuq l-edukazzjoni għolja. Il-koperazzjoni fil-livell Ewropew u l-passi li jmiss Bħala parti mill-qafas strateġiku tal-UE għall-koperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020"), il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien sabiex inaqqsu r-rata ta' tluq kmieni mill-iskola u biex jimmodernizzaw l-edukazzjoni għolja billi jidentifikaw u jgħaddu lil xulxin prattiki tajba fil-livell Ewropew. Grupp ta’ ħidma magħmul minn esperti minn madwar l-UE kien twaqqaf f'Diċembru 2011 mill-Kummissjoni biex jappoġġja l-iżvilupp tal-politika fil-ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-aħħar żviluppi dwar it-tluq kmieni mill-iskola u l-kisba tal-lawrja fil-Monitor tal-Edukazzjoni li jmiss (il-ħarifa tal-2012) u fl-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali li jmiss (2013). Għal aktar tagħrif Il-Kummissjoni Ewropea: Early school leaving (It-tluq mill-iskola) Il-Kummissjoni Ewropea: Modernisation agenda for higher education (L-aġenda għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja) Eurostat: Labour Force Survey (Stħarriġ tal-Forza tax-Xogħol) Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU
ANNESS 1.Ir-rati tat-tluq kmieni mill-iskola fl-UE (2000, 2010, 2011) u l-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020 (f’%)
Sors: Eurostat, L-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol, 2012 2. It-tkomplija tal-edukazzjoni għolja fost dawk bejn it-30 u l-34 sena (2000, 2010, 2011) u l-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020 (f’%)
Sors: Eurostat, L-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol, 2012 Is-Slovenja (4,2%), ir-Repubblika Ċeka (4,9%), is-Slovakkja (5,0%), il-Polonja (5,6%), il-Lussemburgu (6,2%), l-Isvezja (6,6%), il-Litwanja (7,9%), l-Awstrija (8,3%), l-Olanda (9,1%), id-Danimarka (9,6%) u l-Finlandja (9,8%). L-Irlanda (49,4%), il-Lussemburgu (48,2%), l-Isvezja (47,5%), il-Finlandja (46,0%), Ċipru (45,8%), ir-Renju Unit (45,8%), il-Litwanja (45,4%), Franza (43,4%), il-Belġju (42,6%), id-Danimarka (42,2%), l-Olanda (41,1%), Spanja (40,6%), l-Estonja (40,3%) |
Side Bar