Chemin de navigation
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrija għall-istampa Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2012 Jiksbu saħħa legali l-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex jittaffa l-piż legali tal-proċeduri fil-qasam tas-suċċessjonijiet transkonfinali Illum, il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri fil-qasam tas-suċċessjonijiet internazzjonali rċeviet is-sostenn finali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustrizzja tal-UE. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea se jħaffu l-piż legali f'każ ta' mewt ta' membru tal-familja li jkollu proprjetà f'pajjiż ieħor tal-UE. Ladarba jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – u dan huwa mistenni li jiġri fi ftit ġimgħat oħra – l-Istati Membri se jkollhom 3 snin biex jallinjaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom b'tali mod li r-regoli l-ġodda tal-UE dwar is-suċċessjoni jsiru applikabbli. "Madwar 12.3 miljun Ewropew jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE u hemm madwar 450 000 suċċessjoni internazzjonali kull sena, li jammontaw għal valur ta' aktar minn EUR 120 biljun. Bħalissa, ir-regoli differenti li hemm fis-27 Stat Membru tal-UE fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni u tal-liġi applikabbli tassew qed joħolqu uġigħ ta' ras legali għall-familji li diġà jkunu bil-vistu," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja u l-Viċi President tal-Kummissjoni, Viviane Reding. "L-approvazzjoni tal-lum min-naħa tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli l-ġodda tal-UE se ġġib magħha ċertezza legali għal eluf ta' familji li jkollhom jiffaċċjaw suċċessjonijiet internazzjonali." Id-deċiżjoni tal-lum se twassal għal simplifikazzjoni sostanzjali tal-proċeduri fil-qasam tas-suċċessjonijiet internazzjonali billi tipprovdi kriterju uniku biex jiġu ddeterminati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għal suċċessjoni transkonfinali: dak tar-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Hija se tippermetti wkoll liċ-ċittadini jippjanaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem, b'ċertezza legali sħiħa. L-approvazzjoni twitti wkoll it-triq għall-introduzzjoni taċ-Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni, li se jippermetti lin-nies iressqu l-provi li huma l-werrieta jew l-amministraturi ta’ suċċessjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' formalitajiet oħra madwar l-UE kollha. Din l-evoluzzjoni tikkostitwixxi pass konsiderevoli 'l quddiem mis-sitwazzjoni preżenti fejn kultant huwa tassew diffiċli li wieħed ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Dan se jirriżulta fi proċeduri aktar veloċi u orħos. Sfond Fl-14 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni pproponiet Regolament għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri fil-qasam tas-suċċessjonijiet internazzjonali (ara IP/09/1508). Skont ir-Regolament, se jkun hemm kriterju uniku li jiddetermina kemm l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-liġi applikabbli għal suċċessjoni transkonfinali: dak tar-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Madankollu, in-nies li jgħixu barra minn pajjiżhom se jkunu jistgħu jagħżlu li jissottomettu s-suċċessjoni sħiħa tagħhom għal-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew u l-plenarja tal-Parlament Ewropew ivvutaw fuq rapport dwar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni f'Marzu 2012 (ara IP/12/209). Għal aktar tagħrif Il-Kummissjoni Ewropea - Kwistjonijiet tal-familja u suċċessjonijiet: http://ec.europa.eu/justice/civil/family-matters/index_en.htm Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja,Viviane Reding:
|
Side Bar