Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2012

Id-dritt għall-informazzjoni fil-waqt tal-arrest issa jikkostitwixxi obbligu legali fl-UE kollha

"Għandek id-dritt għal… - Ittra tad-Drittijiet". Liġi ġdida li tħares id-dritt tal-konvenut li jingħata informazzjoni matul il-proċeduri kriminali madwar l-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali - il-publikazzjoni li tiġbor fiha l-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-'Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali' ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea f'Lulju tal-2010. Fit-13 ta' Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew ivvota favuriha (ara IP/11/1534) u fis-27 ta' April 2012 intlaħaq ftehim dwarha min-naħa tal-ministri tal-ġustizzja nazzjonali (ara IP/12/430). Din il-liġi tiżgura li kull min jiġi arrestat jew ikun suġġett għal Mandat ta' Arrest Ewropew fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE jingħata Ittra tad-Drittijiet li fiha jkun hemm id-drittijiet bażiċi tiegħu matul il-proċeduri kriminali. Issa l-Istati Membri għandhom sentejn żmien biex jintroduċu r-regoli l-ġodda fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom. Bħalissa d-dritt għall-Ittra tad-Drittijiet huwa disponibbli biss f'madwar terz tal-Istati Membri1.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja stqarret, "Issa daħħalna fis-seħħ pilastru ċentrali ieħor ta' spazju ta' ġustizzja tassew Ewropew. Il-liġi l-ġdida dwar id-dritt għall-informazzjoni ser tgħin biex jiġu garantiti proċessi ġusti għal kull persuna fl-Unjoni Ewropea. Hija ser tiżgura li kull min ikun akkużat jew issuspettat b'reat kriminali jiġi informat dwar id-drittijiet tiegħu b'mod ċar u minnufih. "Din ser tkun utli speċjalment għal dawk il-miljuni ta' persuni li jivvjaġġaw għall-vaganzi u għal dawk li jivvjaġġaw madwar l-UE u li jistgħu jsibu rwieħhom involuti fi proċeduri kriminali: issa dawn ser ikollhom id-dritt espliċitu li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom b'ilsien li jifhmu. Għaldaqstant il-liġi ser tkun ta' salvagwardja kontra amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja. Issa nittama li l-Istati Membri ma jdumux ma jittrasponu din il-liġi tal-UE fis-sistemi nazzjonali tagħhom - u mhux jibqgħu jittratienu sal-aħħar minuta tal-iskadenza - biex b'hekk din il-liġi ssir realtà tanġibbli għall-500 miljun ċittadin tagħna."

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-liġi l-ġdida f’Lulju tal-2010 (IP/10/989) bħala parti minn sensiela ta' drittijiet għal proċess ġust li ser jiġu applikati madwar l-UE. Din hija t-tieni miżura, li nbdiet mill-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja Viviane Reding, imfassla biex tistabbilixxi l-istandards minimi komuni tal-UE f'kawżi kriminali. Dan se jagħti spinta lill-fiduċja fl-ispazju tal-ġustizzja tal-UE. F'Ottubru tal-2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw l-ewwel proposta, li tat lill-persuni ssuspettati d-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni (IP/10/1305).

Id-Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni ser tiżgura li l-pulizija u l-prosekuturi jipprovdu lill-persuni ssuspettati b'informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom. Wara li jsir arrest, l-awtoritajiet ser jagħtu din l-informazzjoni bil-miktub – fis-sura ta' Ittra tad-Drittijiet – miktuba b'lingwaġġ sempliċi u ta' kuljum. Din l-Ittra ser tingħata f'kull każ, lil kull persuna ssuspettata hekk kif isir l-arrest, kemm jekk tistaqsi għaliha u kemm jekk le, u jekk ikun hemm bżonn se tiġi tradotta. Il-pajjiżi tal-UE huma ħielsa li jagħżlu t-test eżatt tal-Ittra, iżda biex ma jsirx xogħol doppju l-Kummissjoni pproponiet mudell li huwa disponibbli fi 22 ilsien tal-UE (ara l-Anness). Dan se jipprovdi konsistenza għan-nies li jaqsmu l-fruntieri u jillimita l-ispejjeż tat-traduzzjoni.

L-Ittra tad-Drittijiet għandha tinkludi dettalji prattiċi dwar id-drittijiet tal-persuni arrestati jew miżmuma f'detenzjoni, bħad-dritt:

  • li jibqgħu siekta;

  • li jkollhom avukat;

  • li jkunu informati bl-akkuża miġjuba kontrihom;

  • li dawk li ma jifhmux l-ilsien tal-proċeduri, jingħataw l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi kwalunkwe lsien;

  • li jitressqu l-qorti minnufih wara li jiġu arrestati;

  • li jinformaw lil xi ħaddieħor dwar l-arrest jew id-detenzjoni.

L-Ittra tad-Drittijiet ser tgħin biex tiġi evitata l-amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja u biex jonqos l-għadd ta' appelli.

Bħalissa, il-possibbiltajiet li ċ-ċittadini jiġu informati kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom jekk jiġu arrestati u jekk ikunu qed jiffaċċjaw akkużi kriminali jvarjaw fi bnadi differenti tal-UE. F'ċerti Stati Membri, il-persuni ssuspettati jirċievu biss informazzjoni verbali dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom, u f'oħrajn l-informazzjoni bil-miktub ma tingħatax jekk ma tintalabx.

Skont l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-għan li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura rigward materji kriminali, l-UE tista' tadotta miżuri li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, fuq il-bażi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Id-dritt għal proċess ġust u d-dritt għad-difiża huma stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

F'Ġunju tal-2011, il-Kummissjoni ressqet it-tielet miżura biex tiggarantixxi l-aċċess għal avukat u l-kuntatt tagħhom mal-qraba (IP/11/689). Din il-proposta qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – id-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-rights/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS

Mudell indikattiv ta’ Ittra tad-Drittijiet:

L-iskop uniku ta’ dan il-mudell huwa li jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jifformulaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom fil- livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta sabiex jużaw dan il-mudell. Meta jkunu qed jippreparaw l-Ittra tad- Drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jemendaw dan il-mudell sabiex jallinjawh mar-regoli nazzjonali tagħhom u jżidu informazzjoni addizzjonali li tkun utli. L-Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata mal-arrest jew detenzjoni. Dan mandankollu ma jipprojbixxix l-Istati Membri milli jagħtu lis-suspettati jew lill-persuni akkużati informazzjoni bil-miktub f’sitwazzjonijiet oħra matul il-proċeduri kriminali.2

Inti għandek id-drittijiet li ġejjin meta tiġi arrestat jew detenut:

A. ASSISTENZA MINN AVUKAT/DRITT GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

Int għandek id-dritt li titkellem ma’ avukat b’mod kunfidenzjali. Avukat huwa indipendenti mill-pulizija. Itlob lill- pulizija jekk teħtieġ għajnuna biex titkellem ma’ avukat. Il-pulizija għandhom jgħinuk. F’ċerti każijiet, l-għajnuna tista’ tkun bla ħlas. Saqsi lill-pulizija għal iktar informazzjoni.

B. INFORMAZZJONI DWAR L-AKKUŻA

Inti għandek id-dritt li tkun taf għalfejn ġejt arrestat jew detenut u x’inti ssuspettat li wettaqt.

C. INTERPRETAZZJONI U TRADUZZJONI

Jekk inti ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa mitkellma mill-pulizija jew mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inti għandek dritt għal interpretu, mingħajr ħlas. L-interpretu jista’ jgħinek titkellem mal-avukat tiegħek u għandu jżomm il- kontenut ta’ dik il-komunikazzjoni konfidenzjali. Inti għandek id-dritt għal traduzzjoni ta’ mill-inqas is-siltiet rilevanti tad-dokumenti essenzjali, inklużi kwalunkwe ordni minn imħallef li tippermetti li tiġi arrestat jew li tinżamm f’kustodja, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża u kwalunkwe sentenza. Inti tista’ f’ċerti cirkustanzi tingħata traduzzjoni bil- fomm jew fil-qosor.

D. ID-DRITT LI TIBQA’ SIEKET

Meta tiġi interrogat mill-pulizija jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inti m’għandekx għalfejn tirrispondi domandi dwar ir-reat allegat. L-avukat tiegħek jista’ jgħinek tiddeċiedi dwar dak.

E. AĊĊESS GĦAD-DOKUMENTI

Meta tiġi arrestat u detentut, inti (jew l-avukat tiegħek) għandek id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti essenzjali neċessarji għall-kontestazzjoni tal-arrest jew d-detenzjoni. Jekk il-każ tiegħek jitressaq il-qorti inti (jew l-avukat tiegħek) għandek id-dritt ta’ aċċess għall-provi materjali favur jew kontra tiegħek.

F. ID-DRITT LI TINFORMA LIL XI ĦADDIEĦOR BL-ARREST JEW ID- DETENZJONI TIEGĦEK/ID-DRITT LI TINFORMA L-KONSULAT JEW L- AMBAXXATA TIEGĦEK

Meta tiġi arrestat jew detentut, għandek tinforma lill-pulizija jekk trid tinforma lil xi ħadd bid-detenzjoni tiegħek, pereżempju membru tal-familja jew lil min iħaddmek. F’ċerti każijiet, id-dritt li tinforma lil persuna oħra bid-detenzjoni tiegħek jista’ jkun proviżorjament ristrett. F’tali każijiet, il-pulizija ser jinfurmawk b’dan.

Jekk inti barrani, informa lill-pulizija jekk trid li l-awtorità konsulari jew l-ambaxxata tiegħek tiġi informata bid- detenzjoni tiegħek. Jekk jogħġbok informa wkoll lill-pulizija jekk trid tikkuntattja uffiċjal tal-awtorità konsulari jew l-ambaxxata tiegħek.

G. GĦAJNUNA MEDIKA URĠENTI

Meta tiġi arrestat jew detenut, inti għandek id-dritt għal għajnuna medika urġenti. Jekk jogħġbok informa lill-pulizija jekk inti fil-bżonn ta’ tali għajnuna.

H. PERJODU TAĊ-ĊAĦDA TA’ LIBERTÀ

Wara l-arrest tiegħek inti tista’ tiċċaħħad mil-libertà tiegħek jew tiġi detenut għal perjodu massimu ta’ … [imla n- numru ta’ sigħat/ġranet applikabbli]. Fl-aħħar ta’ dak il-perjodu inti għandek tiġi liberat jew tinstema’ minn imħallef li jiddeċiedi fuq id-detenzjoni ulterjuri tiegħek. Itlob lill-avukat tiegħek jew lill-imħallef għal informazzjoni dwar il- possibilità li tikkontesta l-arrest tiegħek, li titlob għal rieżami tad-detenzjoni jew li titlob għal-libertà provviżorja.

1 :

L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales)

2 :

According to Article 4(1), the Letter of Rights shall be given upon arrest/detention. This however shall not prevent Member States from providing suspected or accused persons with written information in other situations during criminal proceedings.


Side Bar