Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewopea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2012

L-Enerġiji Rinnovabbli: Il-Kummissjoni tikkonferma l-integrazzjoni tas-suq u l-ħtieġa għat-tkabbir lil hinn mill-2020

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tikseb sehem ta’ 20% ta’ enerġija rinnovabbli sal-2020. Din il-mira tista’ tintlaħaq b’mod kosteffikaċi jekk il-politiki kollha li bħalissa jinsabu fis-seħħ jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha u jekk jikkonverġu l-iskemi ta’ appoġġ. Fil-komunikazzjoni adottata llum, il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tagħmel sejħa għal approċċ Ewropew aktar ikkoordinat fl-istabbiliment u r-riforma tal-iskemi ta’ appoġġ u żieda fl-użu tan-negozjar tal-enerġija rinnovabbli fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-fatt li l-investituri jkunu jeħtieġu ċertezza regolatorja jagħmel kruċjali l-bidu ta’ diskussjonijiet dwar il-futur u l-bini ta’ qafas solidu lil hinn mill-2020.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: "Għandna nkomplu niżviluppaw l-enerġija rinnovabbli u nippromwovu soluzzjonijiet innovattivi. Għandna nagħmlu dan b'mod kosteffikaċi. Dan ifisser: il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx fejn tagħmel sens ekonomikament u din il-produzzjoni tkun innegozjata fl-Ewropa, bħalma nagħmlu għal prodotti u servizzi oħra."

Il-Komunikazzjoni tal-lum tindika erba’ oqsma ewlenin fejn l-isforzi għandhom jiġu intensifikati sal-2020 biex jintlaħqu l-miri tagħna għall-enerġija rinnovabbli filwaqt li jkunu kosteffikaċi:

  • Is-suq tal-enerġija: Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jitlesta s-suq intern tal-enerġija u tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu indirizzati inċentivi ta’ investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija fis-suq li jippermettu l-integrazzjoni bla xkiel tal-enerġija rinnovabbli fis-suq.

  • Skemi ta' appoġġ: Il-Kummissjoni tiffavorixxi l-iskemi li jħeġġu tnaqqis fl-ispejjeż u jevitaw kumpens żejjed. Il-Kummissjoni titlob ukoll biex l-iskemi ta’ appoġġ ikunu aktar konsistenti fl-Istati Membri sabiex jiġu evitati osktakli inutli.

  • Mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni tħeġġeġ użu akbar tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni inklużi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jippermettu li l-Istati Membri jilħqu l-miri vinkolanti nazzjonali tagħhom billi jinnegozjaw l-enerġija rinnovabbli bejniethom. Dan ifisser li pereżempju, Stat Membru wieħed jixtri enerġija mir-riħ jew mix-xemx minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz barra l-UE. Dan jista’ jkun irħas milli jipproduċi l-enerġija mir-riħ jew mix-xemx f’pajjiżu.

  • Kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija fil-Mediterran. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi titjib għall-qafas regolatorju u tenfasizza li suq reġjonali integrat fil-Magreb jiffaċilita investimenti fuq skala kbira fir-reġjun u jippermetti li l-Ewropa timporta enerġija elettrika rinnovabbli.

Għaż-żmien ta’ wara l-2020, il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li mingħajr qafas xieraq, it-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli se jiddeterjora. Dan il-qafas għandu jippermetti aktar innovazzjoni u inqas spejjeż sabiex l-enerġija rinnovabbli ssir settur promettenti ta’ investiment għat-ttkabbir. Għaldaqstant, il-Komunikazzjoni tipproponi li tibda l-proċess dwar it-tħejjija ta’ għażliet ġejjiena tal-politiki u l-stadji importanti għall-2030. Hija tidentifika tliet għażliet lil hinn mill-għażla kollox bħas-soltu:

  • Miri ġodda għal emissjonijiet GHG (gassijiet b’effett ta’ serra) iżda l-ebda mira għall-enerġija rinnovabbli. L-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS) se tkun l-istrument prinċipali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

  • Tliet miri nazzjonali: L-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-Gassijiet b’Effett ta’ Serra.

  • Miri għall-UE kollha: L-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-Gassijiet b’Effett ta’ Serra.

Il-Kummissjoni tenfasizza li huwa kruċjali li jiġu identifikati malajr kemm jista’ jkun l-istadji importanti għall-2030. Dawn għandhom jippermettu lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli biex ikunu dejjem aktar atturi kompetittivi fis-suq Ewropew tal-enerġija.

Sfond

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli adottata fl-2009 tistabbilixxi miri vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli, tiffoka fuq il-kisba ta’ 20% għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika ġenerali tal-UE sal-2020. Kull Stat Membru għandu jilħaq il-miri individwali għas-sehem globali tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija. It-tkabbir inizjali tal-enerġija rinnovabbli xprunat minn dan il-qafas kien wieħed promettenti.

Qed jiġi ifformulat is-suq uniku tal-enerġija u t-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli jagħmel it-tlestija tiegħu dejjem aktar urġenti. L-enerġija rinnovabbli tista’ tikkompeti b’mod ġust fi swieq miftuħa biss.

Biex jilħqu l-miri tal-2020, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom u jżidu sostanzjalment il-finanzjament tal-enerġija rinnovabbli. L-investiment kapitali annwali se jkun jeħtieġ li jirdoppja b’mod rapidu għal EUR 70 biljun. Dan l-investiment għandu jiġu prinċiparjament mis-settur privat.

In-nuqqas ta’ ċertezza dwar id-direzzjoni ta’ politiki futuri lil hinn mill-2020 ifixkel dan il-proċess.

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli tinsab hawnhekk.

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli:

http://ec.europa.eu/energy/renewables/index_en.htm

Sommarju tal-progress tal-Istati Membri biex jilħqu l-miri għall-enerġiji rinnovabbli (2010):

http://ec.europa.eu/energy/renewables/reports/doc/2010_list_renewable_energy_targets.pdf

Kuntatti:

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site