Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Miżuri ġodda għall-immaniġġjar tal-kriżijiet biex fil-futur jiġu evitati s-salvataġġi tal-banek

Commission Européenne - IP/12/570   06/06/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2012

Miżuri ġodda għall-immaniġġjar tal-kriżijiet biex fil-futur jiġu evitati s-salvataġġi tal-banek

Il-kriżi finanzjarja enfasizzat li l-awtoritajiet pubbliċi mhumiex attrezzati tajjeb biex jittrattaw ma’ banek f’diffikultà li joperaw fi swieq globali tal-lum. Sabiex jinżammu għaddejjin is-servizzi finanzjarji essenzjali għaċ-ċittadini u għan-negozji, il-gvernijiet kellhom jinjettaw fondi pubbliċi fil-banek u joħroġu garanziji fuq skala mingħajr preċedent: bejn Ottubru 2008 u Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea approvat €4.5 triljun (ekwivalenti għal 37% tal-PDG tal-UE) ta’ miżuri ta' għajnuna mill-Istat lil istituzzjonijiet finanzjarji1. Dan evita falliment bankarju u tfixkil ekonomiku massiv, bir-riżultat li dawk li jħallsu t-taxxa sofrew mid-deterjorament fil-finanzi pubbliċi, filwaqt li naqas milli jsolvi l-kwistjoni ta’ kif għandhom jiġu ttrattati l-banek transkonfinali l-kbar li jinsabu f’diffikultà.

Il-proposti adottati llum mill-Kummissjoni Ewropea għal regoli għall-UE kollha għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek se jbiddlu dan kollu. Dawn jiżguraw li fil-futur l-awtoritajiet se jkollhom il-mezzi biex jintervjenu b’mod deċiżiv kemm qabel ma jinqalgħu l-problemi kif ukoll fi żmien bikri fil-proċess jekk ikollhom jagħmlu hekk. Barra minn hekk, jekk sitwazzjoni finanzjarja ta' bank tiddeterjora sal-punt fejn ma jistax isir aktar, il-proposta tiżgura s-salvagwarda tal-funzjonijeit kritiċi tal-bank konċernat filwaqt li l-ispejjeż tar-ristrutturar u tar-riżoluzzjoni tal-banek f’diffikultà jinġarru mis-sjieda u mill-kredituri tal-bank u mhux minn dawk li jħallsu t-taxxa.

Il-President Barroso qal: "L-UE qed timplimenta bis-sħiħ l-impenji li ħadet fil-kuntest tal-G20. Ġimgħatejn qabel is-samit f’Los Cabos, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta li se tgħinna nipproteġu liċ-ċittadin li jħallas it-taxxa u lill-ekonomiji tagħna mill-impatt ta’ kwalunkwe falliment futur ta’ bank. Il-proposta tal-lum hija pass essenzjali lejn Unjoni Bankarja fl-UE u se trendi lis-settur bankarju aktar responsabbli. B’hekk dan se jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-fiduċja fl-UE fil-ġejjieni, billi naħdmu biex insaħħu u nintegraw aktar l-ekonomiji interdipendenti tagħna."

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Il-kriżi finanzjarja swiet ħafna flus għal min iħallas it-taxxa. Il-proposta tal-lum hija l-miżura finali fit-twettiq tal-impenji tagħna fil-G20 għal Regolament finanzjarju aħjar. Għandna nagħtu l-mezzi lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex huma jkunu jistgħu jittrattaw b’mod xieraq il-kriżijiet futuri tal-banek. Inkella ċ-ċittadin se jispiċċa jerġa’ jħallas il-kont, filwaqt li l-banek salvati jkomplu bħal qabel billi jafu li se jiġu salvati mill-ġdid."

L-elementi ewlenin tal-proposta:

Qafas għal riżoluzzjoni

Il-qafas jibni fuq sforzi reċenti minn diversi Stati Membri biex itejbu s-sistemi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Dan isaħħaħhom f'aspetti ewlenin u jiżgura l-vijabbiltà ta’ għodod għar-riżoluzzjoni fis-suq finanzjarju integrat tal-Ewropa.

L-għodod proposti huma maqsuma f’poteri ta’ "prevenzjoni", ta’ "intervent bikri" u ta’ "riżoluzzjoni", b’intervent aktar intrużiv mill-awtoritajiet hekk kif is-sitwazzjoni tiddeterjora.

1. Preparazzjoni u prevenzjoni:

  • L-ewwel nett, il-qafas jeħtieġ li l-banek ifasslu pjanijiet ta’ rkupru li jistabbilixxu miżuri li għandhom jinħassu ferm fil-każ ta’ deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, bil-għan li l-vijabilità tagħhom tkun restawrata.

  • It-tieni, l-awtoritajiet inkarigati bir-responsabbiltà tar-riżoluzzjoni tal-banek huma meħtieġa li jippreparaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni b’alternattivi għat-trattament tal-banek f'kundizzjoni kritika, li m’għadhomx vijabbli (bħad-dettalji dwar l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni u modi biex jiżguraw il-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi). Pjanijiet ta’ rkupru u ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu ppreparati kemm fil-livell tal-grupp kif ukoll tal-istituzzjonijiet individwali fi ħdan il-grupp.

  • It-tielet, jekk matul dan il-proċess ta’ ppjanar, l-awtoritajiet jidentifikaw l-ostakli għall-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni dawn jistgħu jesiġu li bank ibiddel l-istrutturi operattivi jew ġuridiċi tiegħu sabiex jiżguraw li jkun jista’ jiġi riżolut bl-għodod disponibbli f'manjiera li ma tikkompromettix il-funzjonijiet kritiċi, li ma thedditx l-istabbiltà finanzjarja, jew li ma tinvolvix spejjeż għal min iħallas it-taxxa.

  • Fl-aħħar nett, gruppi finanzjarji jistgħu jidħlu fi ftehimiet ta’ appoġġ fi ħdan il-grupp biex jillimitaw l-iżvilupp ta’ kriżi u jgħaġġlu l-istabbiltà finanzjarja tal-grupp globalment. Suġġett għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji u l-azzjonisti ta’ kull entità li hi parti għall-ftehim, l-istituzzjonijiet li joperaw fi grupp għalhekk ikunu kapaċi jipprovdu l-appoġġ finanzjarju (fil-forma ta’ self, il-provvista ta’ garanziji, jew il-provvista ta’ assi għall-użu bħala kollateral fi tranżazzjonijiet) lil entitajiet oħra fi ħdan il-grupp li jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji.

2. Intervent bikri

Intervent superviżorju bikri se jiżgura li diffikultajiet finanzjarji huma indirizzati malli dawn jitfaċċaw. Il-poteri ta’ intervent bikri jiskattaw meta istituzzjoni ma tissodisfax jew aktarx li tkun qed tikser ir-rekwiżiti regolatorji dwar il-kapital. L-awtoritajiet jistgħu jesiġu li l-istituzzjoni timplimenta kwalunkwe miżura stabbilita fil-pjan ta’ rkupru, li tfassal programm ta' azzjoni u skeda għall-implimentazzjoni tiegħu, li hi tissejjaħ laqgħa tal-azzjonisti biex jiġu adottati deċiżjonijiet urġenti, u li l-istituzzjoni tfassal pjan għar-ristrutturar tad-dejn mal-kredituri tagħha.

Barra minn hekk, is-superviżuri se jkollhom is-setgħa li jaħtru amministratur speċjali f'bank għal perjodu limitat meta jkun hemm deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u meta l-għodod deskritti hawn fuq mhumiex biżżejjed biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni. Id-dmir ewlieni ta’ amministratur speċjali huwa li jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u l-imaniġġjar sod u prudenti tan-negozju tiegħu.

3. Poteri u għodod ta’ riżoluzzjoni

Ir-riżoluzzjoni sseħħ jekk il-miżuri preventivi u bikrija ta’ intervent jonqsu milli jevitaw li s-sitwazzjoni tiddeterjora sal-punt fejn il-bank ifalli jew x’aktarx li se jfalli. Jekk l-awtorità tiddetermina li l-ebda azzjoni alternattiva mhi se tgħin biex tevita falliment ta’ bank, u li l-interess pubbliku (ta' aċċess għal funzjonijiet bankarji kritiċi, tal-istabbiltà finanzjarja, tal-integrità tal-finanzi pubbliċi, eċċ.) huwa fil-periklu, l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-kontroll tal-istituzzjoni u jibdew azzjoni ta’ riżoluzzjoni deċiżiva.

Għodod u poteri armonizzati ta’ riżoluzzjoni, flimkien mal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni mħejjija bil-quddiem kemm għall-banek nazzjonali kif ukoll għal dawk transfruntiera, se jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha jkollhom l-għodda u pjan direzzjonali komuni biex jimmaniġġjaw il-fallimenti tal-banek. L-għodod jinvolvu l-interferenza fid-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri u din hija ġġustifikata mill-ħtieġa urġenti tal-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, tad-depożitanti u tal-kontribwenti, u hija appoġġjata minn salvagwardji li jiżguraw li l-għodod ta’ riżoluzzjoni ma jintużawx b’mod skorrett.

L-għodod ta’ riżoluzzjoni ewlenin huma dawn li ġejjin:

  • L-għodda tal-bejgħ tan-negozju li biha l-awtoritajiet jistgħu jbigħu l-bank li qed ifalli, kollu jew parti minnu, lil bank ieħor;

  • L-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja li tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-assi tajba jew tal-funzjonijiet essenzjali tal-bank u s-separazzjoni tagħhom f’bank ġdid tranżitorju [bridge bank] li jinbiegħ lil entità oħra. Il-bank l-antik bil-funzjonijiet mhux essenzjali jew ħżiena mbagħad ikun likwidat skont proċeduri normali ta' insolvenza;

  • L-għodda tas-separazzjoni tal-assi li permezz tagħha l-assi ħżiena tal-bank jitpoġġew fi struttura tal-immaniġġjar tal-assi. Din l-għodda tnaddaf il-karta tal-bilanċ ta’ bank. Sabiex jiġi evitat li din l-għodda tintuża biss bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat, il-qafas jippreskrivi li din tista' tintuża biss flimkien ma' għodda oħra (il-bank tranżitorju, il-bejgħ ta’ negozju jew it-tniżżil fil-valur). Dan jiżgura li waqt li l-bank jirċievi appoġġ, huwa jgħaddi wkoll minn ristrutturar;

  • L-għodda tal-bail-in [il-parteċipazzjoni tas-settur privat] li biha l-bank ikun ikkapitalizzat mil-ġdid billi l-ishma tal-azzjonisti jinġiebu fix-xejn jew jiġu mdgħajfa, u l-kredituri jkollhom il-pretensjonijiet tagħhom mnaqqsa jew konvertiti għal ishma. Istituzzjoni li għaliha ma setax jinstab akkwirent privat, jew li tista’ tkun ikkumplikata biex tiġi maqsuma, tista’ għalhekk tkompli tipprovdi s-servizzi essenzjali mingħajr il-ħtieġa ta’ salvataġġ minn fondi pubbliċi, u l-awtoritajiet ikollhom żmien sabiex jorganizzawha mill-ġdid jew jillikwidaw partijiet min-negozju tagħha, b'mod ordnat. Għal dan il-għan, il-banek għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom perċentwal minimu tar-responsabbiltà tagħhom fis-sura ta’ strumenti eliġibbli għall-parteċipazzjoni tas-settur privat. Fil-każ li dan jiskatta, it-tniżżil fil-valur tagħhom għandu jsir f’ordni definit minn qabel f’termini tal-anzjanità tal-pretensjonijiet sabiex l-istituzzjoni terġa tikseb il-vijabbiltà.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali

Sabiex jittratta ma’ banek jew gruppi tal-UE li joperaw bejn il-fruntieri, il-qafas isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-fażijiet kollha tat-tħejjija, tal-intervent u tar-riżoluzzjoni. Kulleġġi ta’ riżoluzzjoni huma stabbiliti taħt it-tmexxija tal-awtorità tal-grupp għar-riżoluzzjoni u bil-parteċipazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE). L-ABE se tiffaċilita azzjonijiet konġunti u taġixxi bħala medjatur vinkolanti jekk meħtieġ. Dan jistabbilixxi s-sisien għas-sorveljanza dejjem aktar integrata tal-entitajiet transfruntiera fil-livell tal-UE, li għandha tiġi esplorata aktar fis-snin li ġejjin fil-kuntest tar-reviżjoni tal-istruttura superviżorja tal-Ewropa.

Il-finanzjament ta’ riżoluzzjoni

Biex ikunu effettivi, l-għodod ta’ riżoluzzjoni se jeħtieġu ċertu ammont ta’ finanzjament. Pereżempju, jekk l-awtoritajiet joħolqu bank tranżitorju, dan se jkollu bżonn kapital jew self fuq terminu ta’ żmien qasir sabiex jopera. Jekk ma jkunx hemm id-disponibbiltà ta’ finanzjament mis-suq u sabiex ikun evitat li l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jiġu ffinanzjati mill-Istat, se jingħata finanzjament supplementari mill-fondi ta’ riżoluzzjoni li se jiġġeneraw kontribuzzjonijiet minn banek proporzjonali mal-obbligazzjonijiet u l-profili tar-riskju tagħhom. Il-fondi se jkollhom jibnu kapaċità suffiċjenti biex jilħqu 1% tad-depożiti koperti f’10 snin. Dawn se jintużaw esklussivament biex jappoġġaw ir-riorganizzazzjoni u r-riżoluzzjoni ordnati, u qatt biex jippleġġjaw lil bank partikolari. Fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jidħlu wkoll, notevolment biex jipprovdu finanzjament għar-riżoluzzjoni ta’ banek transfruntiera.

Għall-użu ottimali tar-riżorsi, id-Direttiva dwar ir-Riżoluzzjoni tieħu vantaġġ ukoll tal-finanzjament li diġà hemm disponibbli fis-27 Skema ta' Garanzija tad-Depożiti (SGD). L-SGDs se jipprovdu finanzjament, flimkien mal-fond ta’ riżoluzzjoni, għall-protezzjoni tad-depożitanti żgħar. Għal sinerġija massima, l-Istati Membri se jitħallew saħansitra jagħqdu l-SGDs u l-fond ta’ riżoluzzjoni, sakemm il-garanziji kollha huma fis-seħħ biex ikun żgurat li l-iskema tibqa’ f’pożizzjoni li tirrimborża lid-depożitanti f’każ ta’ falliment.

Sfond

Il-kriżi wriet biċ-ċar li meta xi bank jintlaqat minn problemi, dawn jistgħu jinfirxu fis-settur finanzjarju kollu u lil hinn ferm mill-fruntieri ta' kwalunkwe pajjiż partikolari. Il-kriżi wriet ukoll li ma kienx hemm sistemi lesti biex jimmaniġjaw l-istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jaffrontaw diffikultajiet. Jeżistu ftit regoli li jiddeterminaw x'azzjonijiet għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet f'każ ta' kriżi bankarja. Din hija r-raġuni għaliex il-G20 qablu li kellhom jiġu stabbiliti oqfsa għall-prevenżjoni u l-immaniġjar tal-kriżijiet.2

Il-kriżi finanzjarja pprovdiet evidenza ċara tal-ħtieġa ta' arranġamenti aktar robusti għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fil-livell nazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa li jsiru arranġamenti li jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-fallimenti ta' banek transfruntiera. Matul il-kriżi fallew għadd ta' banek bi profili għoljin (Fortis, Lehman Brothers, Icelandic banks, Anglo Irish Bank) li żvelaw nuqqasijiet serji fl-arranġamenti eżistenti. Fin-nuqqas ta' mekkaniżmi li jorganizzaw l-istralċ b'mod ordnat, l-Istati Membri tal-UE ma għandhom l-ebda alternattiva milli jippleġġjaw lis-settur bankarju tagħhom. Fl-2010, il-Kummissjoni diġà kienet ippubblikat Komunikazzjoni dwar pjan fir-rigward tas-suġġett (IP/10/1353).

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/crisis_management/index_en.htm

MEMO/12/416

Kuntatti :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 25)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

1 :

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site