Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kif nistgħu niksbu aktar billi nużaw anqas riżorsi? Il-Kummissjoni tiġbor flimkien input ta’ livell għoli dwar it-tkabbir effiċjenti fir-riżorsi

European Commission - IP/12/564   05/06/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2012

Kif nistgħu niksbu aktar billi nużaw anqas riżorsi? Il-Kummissjoni tiġbor flimkien input ta’ livell għoli dwar it-tkabbir effiċjenti fir-riżorsi

Illum il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik nieda l-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li se tipprovdi gwida u konsulenza ta' livell għoli dwar il-miżuri ta’ politika mfassla sabiex jittrasformaw l-ekonomija Ewropea f’waħda msejsa fuq tkabbir aktar sostenibbli. L-użu effiċjenti tar-riżorsi huwa pilastru tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u għalhekk jikkostitwixxi prijorità ewlenija għall-Kummissjoni Ewropea. Il-kompitu primarju tal-Pjattaforma se jkun li tiddetermina kif għandna niksbu l-miri u l-viżjoni deskritti fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, inkluża l-viżjoni finali tad-diżakkoppjar tal-użu tar-riżorsi u l-effetti tiegħu mit-tkabbir ekonomiku.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Għandna bżonn persuni ta’ kalibru għoli u b’esperjenza vasta biex jgħinuna nindirizzaw l-isfida tat-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħna għal mudell ta’ tkabbir li huwa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Irridu jew ma rridux, se jkollna nsiru aktar effiċjenti fir-riżorsi, u aktar ma nagħmlu dan kmieni fil-proċess aktar se jkun ta’ benefiċċju għall-kompetittività tal-Ewropa u għall-ambjent tagħna. L-ewwel laqgħa tal-Pjattaforma llum ssaħħaħ il-fiduċja tiegħi li se nkunu kapaċi nilqgħu din l-isfida".

Il-pjattaforma hija ppreseduta minn John Bruton, l-eks-Prim Ministru tal-Irlanda u Ambaxxatur tal-UE għall-Istati Uniti. L-34 membru tagħha jinkludu ħames Kummissarji Ewropej, erba’ Membri tal-Parlament Ewropew, disa' mexxejja tan-negozju minn diversi setturi, erba’ ministri tal-ambjent, u membri ta’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali, tas-soċjetà ċivili u mill-akkademja. L-intenzjoni hija li jingħaqdu l-esperjenzi professjonali u l-ħiliet tal-membri sabiex jipprovdu gwida utli lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-parteċipanti fis-suq.

Il-President tal-Pjattaforma John Bruton qal: “Jiena kuntent ħafna li se nkun nista’ naħdem ma’ grupp bħal dan. Ninsab fiduċjuż li se nkunu kapaċi nużaw l-esperjenza u l-għarfien tal-membri biex niggwidaw lin-negozju u lil dawk li jfasslu l-politika fir-rigward tal-aħjar mezzi biex niksbu l-effiċjenza fir-riżorsi."

Il-prinċipji ewlenin li jiggwidaw il-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (European Resource Efficiency Platform - EREP) jinkludu riflessjoni fuq l-interkonnessjonijiet bejn il-kwistjonijiet, il-miri tal-valur miżjud u tal-impatt, u l-produzzjoni ta’ riżultati tanġibbli biex idakkru l-iżviluppi ta’ politika.

EREP hija parti minn strateġija usa’ tal-Kummissjoni biex iġġib flimkien il-partijiet interessati u tippromwovi d-djalogu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-effiċjenza fir-riżorsi. Kull min hu interessat li jikkontribwixxi għad-dibattitu huwa mistieden jipparteċipa permezz ta' pjattaforma onlajn, li qed tkun imnedija llum ukoll, u li se tkun qed tospita sensiela ta’ skambji u ta’ konsultazzjonijiet fix-xhur li ġejjin.

Il-passi li jmiss

Il-gruppi ta’ ħidma għandhom skeda biex jipproduċu l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet fi żmien bejn wieħed u ieħor 12-il xahar, u t-tieni sett sal-aħħar tal-mandat tagħhom f’nofs l-2014.

Il-kuntest

L-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi talbet għal Pjan Direzzjonali biex jiddefinixxi l-għanijiet fuq żmien medju u twil għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-mezzi sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li rriżulta għandu l-għan li sal-2050 jittrasforma l-ekonomija tal-Ewropa f'waħda sostenibbli u jispjega kif nistgħu niksbu t-tkabbir effiċjenti fir-riżorsi li huwa essenzjali għall-benessri u l-prosperità tal-ġejjieni tagħna. Il-Pjan Direzzjonali jirrakkomanda approċċ integrat li jirrikjedi tibdiliet strutturali f’ħafna oqsma tal-politika u setturi fil-livelli Ewropej u tal-Istati Membri, u li jiffoka fuq ir-riżorsi li jinsabu l-aktar taħt pressjoni. Il-Pjan Direzzjonali jirrakkomanda varjetà ta' strumenti, li jinkludu l-leġiżlazzjoni, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, l-iffokar mill-ġdid tal-istrumenti ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli.

Għal aktar informazzjoni

Għal aktar informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi ara:

http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/index_en.htm

MEMO/11/614

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website