Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Regolament ġdid li jippermetti firem elettroniċi transkonfinali u li jinkiseb aktar valur tal-identifikazzjoni elettronika f’Suq Diġitali Uniku

Commission Européenne - IP/12/558   04/06/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 4 Gunju 2012

Aġenda Diġitali: Regolament ġdid li jippermetti firem elettroniċi transkonfinali u li jinkiseb aktar valur tal-identifikazzjoni elettronika f’Suq Diġitali Uniku

il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda li jippermettu tranżazzjonijiet transkonfinali u elettroniċi sikuri fl-Ewropa. Ir-Regolament propost ser jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jużaw l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali tagħhom stess (e-IDs) biex ikollhom aċċess għas-servizzi pubbliċi f’pajjiżi oħra tal-UE fejn l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika huma disponibbli. Ir-Regolament joħloq ukoll Suq Intern għall-firem elettroniċi (e-Signatures )u għal servizzi relatati ta’ fiduċja onlajn bejn il-fruntieri, billi jiżguraw li dawn is-servizzi ser jiffunzjonaw bejn il-fruntieri u jkollhom l-istess status legali bħall-proċessi tradizzjonali bbażżati fuq l-karta. Dan ser jagħti effett sħiħ tal-iffrankar potenzjali kbir tal-akkwist elettroniku (eProcurement).

Il-proposta tirrispetta bis-sħiħ kemm is-sistemi tal-identifikazzjoni nazzjonali eżistenti u l-preferenzi ta’ dawk l-Istati Membri mingħajr skemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni. Din tippermetti li pajjiżi b’identifikazzjoni elettronika jagħżlu li jidħlu fl-iskema Ewropea jew li jibqgħu barra minnha. Ladarba Stat Membru jinnotifika li jixtieq jissieħeb mal-iskema pan-Ewropea, dan għandu joffri l-istess aċċess għas-servizzi pubbliċi permezz tal-identifikazzjoni eletronika li joffri liċ-ċittadini tiegħu stess.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet "Iċ-ċittadini u n-negozji għandhom ikunu kapaċi joperaw f'Suq Diġitali Uniku mingħajr fruntieri, li huwa l-valur tal-Internet. Iċ-ċertezza legali u l-fiduċja huma wkoll essenzjali, għalhekk, huwa meħtieġ Regolament aktar komprensiv dwar il-firem elettroniċi u l-identifikazzjoni elettronika."

"Din il-proposta ser tfisser li wieħed jista’ jagħmel l-aħjar użu mill-identifikazzjoni elettronika, jekk wieħed ikollu waħda. B’rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjonijiet elettroniċi u standards komuni għal servizzi ta’ fiduċja u l-firem elettroniċi, nistgħu nipprevjenu tqassim nazzjonali tal-internet u tas-servizzi pubbliċi onlajn u niffaċilitaw il-ħajja ta’ miljuni ta’ negozji u wisq aktar taċ-ċittadini. "

Ir-Regolament propost mhux ser:

  • jobbliga lill-istati Membri tal-UE biex jintroduċu, jew lill-individwi biex jiksbu, karti tal-identità nazzjonali, karti tal-identità elettroniċi jew soluzzjonijiet oħrajn ta’ identifikazzjoni elettronika,

  • jintroduċi identifikazzjoni elettronika Ewropea jew kwalunkwe tip ta’ bażi tad-dejta Ewropea,

  • jippermetti jew jitlob l-iskambju ta’ informazzjoni personali ma’partijiet oħra.

Il-benefiċjarji ewlenin tad-diversi aspetti tar-Regolament ser jinkludu:

  • L-istudenti jkunu jistgħu jirreġistraw onlajn għal università barra minn pajjiżhom, minflok ikollhom isiefru biex jimlew id-dokumenti personalment.

  • Iċ-ċittadini li jippjanaw iċ-ċaqliq lejn pajjiż ieħor tal-UE jew żwieġ barra minn pajjiżhom jew jimlew il-prospetti multipli tat-taxxa.

  • Il-pazjenti li jkunu jeħtieġu assistenza medika barra l-pajjiż jistgħu jiċċekkjaw b’mod sikur jew jawtorizzaw tabib biex ikollu aċċess għar-rekords mediċi tagħhom onlajn.

  • Il-kumpaniji jkunu jistgħu jitfgħu l-offerti għall-kuntratti tas-settur pubbliku onlajn fi kwalunkwe Stat tal-UE. Ikunu jistgħu jiffirmaw, jittimbraw bil-ħin u jissiġillaw l-offerti tagħhom elettronikament minflok jistampaw u jibagħtu kopji fuq il-karta multipli tal-offerti tagħhom bil-posta.

  • Persuni li jixtiequ jagħmlu negozju f'pajjiż ieħor tal-UE jkunu jistgħu faċilment iwaqqfu kumpanija permezz tal-internet u jissottomettu r-rapporti annwali onlajn.

  • Il-gvernijiet jkunu jistgħu jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jżidu l-effiċjenza, b’hekk iservu aħjar liċ-ċittadini tagħhom u jiffrankaw il-flus taċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi.

Sfond

Iż-żewġ elementi tar-Regolament – l-identifikazzjoni elettronika u l-firem elettroniċi - ser joħolqu ambjent regolatorju prevedibbli li jippermetti l-interazzjonijiet elettroniċi sikuri u bla intoppi bejn in-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi. Dan ser iżid l-effikaċja ta’ servizzi pubbliċi u privati onlajn, in-negozju elettroniku (eBusiness) u l-kummerċ elettroniku fl-UE.

L-approċċ lejn il-firem elettroniċi li jibni fuq ir-Regolament attwali dwar il-firem elettroniċi (Id-Direttiva1999/93/KE) ġabet ċertu armonizzazzjoni għall-prattiċi madwar L-Ewropa. Il-pajjiżi kollha fl-UE għandhom oqfsa legali għall-firem elettroniċi, madankollu dawn ivarjaw u fil-fatt jagħmluha impossibbli li jwettqu tranżazzjonijiet elettroniċi transkonfinali. L-istess jgħodd għas-servizzi ta’ fiduċja bħall-ittimbrar tal-ħin, is-siġilli elettroniċi u l-kunsinna elettronika, u l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku, li ma għandhomx l-interoperabilità Ewropea. Għalhekk, dan ir-Regolament jipproponi regoli u prattiki komuni għal dawn is-servizzi.

Għall-identifikazzjoni elettronika, ir-Regolament jipprovdi għaċ-ċertezza legali bir-rikonoxximent reċiproku u l-prinċipju ta’ aċċettazzjoni li permezz tagħhom l-Istati Membri jaċċettaw l-identifikazzjonijiet elettroniċi nazzjonali li jkunu ġew uffiċjalment innotifikati lill-Kummissjoni. Mhuwiex obbligatorju għall-Istati Membri li jirreġistraw l-identifikazzjonijiet elettroniċi nazzjonali tagħhom, iżda l-Kummissjoni tittama li bosta Stati Membri ser jagħżlu li jagħmlu dan.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE wrew li r-rikonoxximent reċiproku transkonfinali tal-identifikazzjoni elettronika jiffunzjona, permezz tal-proġett STORK li jinvolvi 17-il Stat Membru.

L-abbozz tar-Regolament tal-lum huwa l-aħħar minn 12-il azzjoni prinċipali proposti fl-Att dwar is-Suq Uniku (ara IP/11/469). Dawn il-proposti huma wkoll imfassla fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern elettroniku (eGovernment) għall-2011-2015 (ara IP/10/1718) u l-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Istabbiltà u t-Tkabbir (ara IP/11/1180); u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200.

Ħoloq Siewja

Ħolqa għall-abbozz tar-Regolament:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/esignature/eu_legislation/regulation/index_en.htm

MEMO/12/403 L-identifikazzjoni elettronika, il-firem u s-servizzi ta’ fiduċja: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Aktar dwar il-piloti servizzi pubbliċi transkonfinali

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site