Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Rapport u stħarriġ ġdid li jagħtu idea tal-migrazzjoni, l-asil u l-moviment ħieles fl-UE

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2012 – Illum, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika Rapport dwar l-iżviluppi fl-2011 fl-oqsma tal-immigrazzjoni u l-asil, akkumpanjat b’Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn il-mobilità transkonfinali, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Skont l-istħarriġ, 8 minn kull 10 Ewropej jaqblu li l-Istati Membri tal-UE għandhom joffru protezzjoni u asil għal dawk fil-bżonn u li r-regoli ta’ ammissjoni għal dawk li jfittxu asil għandhom ikunu l-istess madwar l-UE. Maġġoranza kbira tal-Ewropej (67%) jaħsbu li huwa importanti li tkun kapaċi tivvjaġġa fl-UE mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

"Iċ-ċifri tar-Rapport u r-riżultat tal-istħarriġ tal-opinjoni jappoġġaw il-fehma tal-Kummissjoni li l-Unjoni Ewropea teħtieġ politika tal-migrazzjoni b’saħħitha u koerenti, li tissodisfa kemm il-ħtiġijiet fuq medda qasira kif ukoll dawk fuq medda twila ta' żmien. Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström qalet, "Neħtieġu ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tagħna, biex jiġi salvagwardjat il-moviment liberu fi ħdan l-UE, biex nipprovdu protezzjoni ġenwina għal dawk fil-bżonn filwaqt li fl-istess ħin nipprovdu kanali ta’ migrazzjoni legali u mobilità" .

Hawnhekk hawn xi punti ewlenin tar-rapport u tal-Ewrobarometru (EB):

Migrazzjoni Legali

RAPPORT: Hemm xi 20.2 miljun ċittadin ta’ pajjiżi terzi fl-UE, madwar 4% tal-popolazzjoni totali tal-UE (502.5 miljun) u 9.4% tal-214-il miljun migrant stmat madwar id-dinja.

EB: 68% ta’ dawk li għamlu l-istħarriġ jemmnu li l-immigranti legali għandu jkollhom l-istess drittijiet bħal ċittadini nazzjonali tagħhom stess. Erbgħa minn kull għaxar Ewropej (42%) jaħsbu li l-UE għandha tinkoraġġixxi l-migrazzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi mhux tal-UE biex tgħin fl-indirizzar ta' sfidi demografiċi u l-iskarsezza ta’ ħaddiema, b'46% ma jaqblux.

Migrazzjoni irregolari

RAPPORT: Fl-2011, xi 343 000 persuna ġew rifjutati milli jidħlu fl-UE, tnaqqis ta’ 13% mill-2010. Ukoll fl-2011, xi 468 500 persuna ġew miżmuma (tnaqqis mill-2010 meta kien hemm madwar 505 000) u l-Istati Membri rritornaw 190 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi (15% inqas milli fl-2010).

EB: Tmienja minn kull għaxar Ewropej (80%) jaħsbu li l-UE għandha żżid l-assistenza tagħha lill-Istati Membri biex jittrattaw il-migrazzjoni rregolari. 78% jaħsbu li l-ispiża tal-immaniġġjar tal-migrazzjoni rregolari għandha tinqasam bejn l-Istati Membri tal-UE.

Integrazzjoni

RAPPORT: Fl-2010, ir-rata medja tal-impjiegi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn 20-64 kienet ta' 58.5%, meta mqabbel ma’ 68.6% tal-popolazzjoni totali bejn l-20-64 sena.

EB: 53% ta’ dawk li għamlu l-istħarriġ jemmnu li l-immigrazzjoni tarrikkixxi pajjiżi tal-UE ekonomikament u kulturalment. 60% tal-Ewropej jemmnu li l-immigranti għandhom mnejn jiffaċċjaw diffikultajiet tal-integrazzjoni minħabba diskriminazzjoni.

Asil

RAPPORT: L-Istati Membri tal-UE fl-2011 irreġistraw ftit iktar minn 302 000 applikazzjoni għall-asil, żieda sinifikanti ta’ 16.2% meta mqabbla mal-2010. Din tibqa’ ferm taħt l-ogħla 425 000 applikazzjoni rċevuti fl-2001.

EB: 80% ta’ dawk li għamlu l-istħarriġ jaħsbu li l-Istati Membri tal-UE għandhom joffru protezzjoni u asil għal dawk fil-bżonn. Tmien Ewropej minn kull għaxra jaħsbu li n-numru ta' dawk li jfittxu asil għandu jkun aktar mqassam b’mod indaqs fost l-Istati Membri tal-UE.

Schengen u l-moviment ħieles

RAPPORT: Xi 12.7 miljun viżi ta’ Schengen kienu maħruġa fl-2011, il-maġġoranza fil-Federazzjoni Russa (40.7%), segwita mill-Ukraina (8.7%), iċ-Ċina (8.1%) u t-Turkija (4.7%).

EB: Ftit inqas minn sitta minn kull għaxra li għamlu l-istħarriġ (57%) jaqblu li għandu jkun aktar faċli għal ċittadini mhux tal-UE biex jivvjaġġaw fl-UE għal turiżmu jew negozju. Il-possibbiltà li jivvjaġġaw fl-UE mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni hija importanti għal 67% ta’ dawk li għamlu l-isħarriġ.

Il-kuntest

Rapporti Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jsegwu talba magħmula mill-Kunsill Ewropew meta adotta fl-2008 il-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. It-tielet Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (għall-2011) jenfasizza l-iżviluppi ewlenin fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, b'mod partikolari biex:

  • Jiġi żgurat li opportunitajiet għal migrazzjoni legali u mobilità jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-UE.

  • Tkompli ssir ħidma lejn l-integrazzjoni effettiva biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal offrut minn migranti, mhux biss f'termini ekonomiċi iżda wkoll soċjalment u kulturalment.

  • Ikun hemm rispons għal pressjonijiet migratorji permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri eżistenti biex titnaqqas il-migrazzjoni rregolari, inkluż permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, is-solidarjetà mal-Istati Membri l-aktar affettwati kif ukoll b’kontrolli tal-fruntiera li jaħdmu tajjeb u l-proċeduri rigward il-viża.

  • Il-ksib ta’ Sistema Komuni Ewropea tal-Asil fl-2012 sabiex tiġi provduta protezzjoni lil dawk li jkollhom bżonnha. Huwa biss permezz ta’ politika koerenti, li tindirizza dawn l-aspetti kollha, li l-UE tista' tibbenefika bis-sħiħ mill-kontribuzzjonijiet pożittivi tal-migrazzjoni.

F'dan il-kuntest, l-appoġġ tal-UE permezz ta’ assistenza finanzjarja dwar il-migrazzjoni u l-mobilità jibqa' aspett importanti ta’ solidarjetà intra-UE ta' kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE (ara MEMO/12/399

Għal aktar informazzjoni

It-Tielet Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil

http://ec.europa.eu/home-affairs/doc_centre/immigration/docs/COM%202012%20250%20final%201_EN_ACT_part1_v5.pdf

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport

http://ec.europa.eu/home-affairs/doc_centre/immigration/docs/SWD%202012%20139%20final%201_EN_autre_document_travail_service_part1_v3.pdf

MEMO/12/399: Għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi li mhumiex fl-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità

Rapport tal-Ewrobarometru: 'Awareness of Home Affairs'

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_399_380_en.htm

Il-Paġna Ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/

Il-paġna ewlenija tas-sit tad-DĠ tal-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/

In-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni

http://www.emn.europa.eu

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site