Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premjazzjonijiet Europa Nostra

Brussell/Lisbona, l-1 ta' Ġunju 2012 – Illejla, fil-preżenza ta' Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, u ta' Plácido Domingo, it-tenur magħruf mad-dinja kollha u President tal-Europa Nostra, se jitħabbru l-ismijiet tar-rebbieħa tal-premju magħżul mill-pubbliku u s-sitt lawrjati tal-"Grand Prix" tal-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premjazzjonijiet Europa Nostra fil-Monasteru tal-Ġeronimjani f'Lisbona. Għaċ-ċerimonja se jkun hemm udjenza ta' 1200 ruħ fosthom Anibal Cavaco Silva, il-President tal-Portugall, u l-Prinċep Felipe u l-Prinċipessa Letizia ta' Asturias.

Ir-rebbieħ tal-premju magħżul mill-pubbliku, permezz ta’ votazzjoni onlajn minn fost 28 lawrjati fil-klassifiki kollha għall-2012 (ara IP/12/254) huma l-fortifikazzjonijiet ta' Pamplona fi Spanja. Il-ġurati kkummentaw: "Il-fortifikazzjonijiet restawrati m'għahomx ħajt tad-difiża, iżda saru post fejn jiltaqgħu ċ-ċittadini u simbolu tal-unità tagħhom u tal-belt."

Is-sitt proġetti li rebħu l-Grand Prix (il-kummenti tal-ġurati qegħdin hawn taħt) huma:

Fl-indirizz tagħha qabel iċ-ċerimonja, il-Kummissarju Vassiliou qalet: "F'dawn l-10 snin, il-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premjazzjonijiet Europa Nostra, sar l-iżjed wieħed prestiġjuż ta' dan it-tip fl-Ewropa. Nixtieq nagħti ħajr lir-rebbieħa kollha għall-impenn ħaj lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna u wkoll lill-Europa Nostra u lill-ġurati għax-xogħol siewi tagħhom. Dan il-Premju wera li hu effettiv ħafna biex jissensibilizza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-pubbliku dwar il-valur tal-wirt kulturali għas-soċjetà Ewropea u għall-ekonomija, u dwar ir-responsabbiltà tagħna li nħarsuh għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Għalhekk għandna l-ħsieb li nkomplu nsostnu lill-wirt kulturali permezz tal-programm tal-Kultura u fil-futur il-programm Ewropa Kreattiva.

Il-President tal-Europa Nostra, Plácido Domingo, żied jgħid: "Ir-Rebbieħa tal-Premji tagħna huma eżempji tal-passjoni u tad-dedikazzjoni. Huma ambaxxaturi perfetti tas-saħħa tal-"Ewropa Kreattiva" tagħna. L-Europa Nostra u l-Kummissjoni Ewropea għandhom l-impenn li jiftħu beraħ il-potenzjal tal-wirt kulturali u naturali tal-Ewropa. Ħuma l-muftieħ għall-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Ewropa."

Kull wieħed mit-28 proġett rebbieħ se jingħata qima waqt iċ-ċerimonja f'Lisbona.

Il-Kuntest

Iċ-ċerimonja se tkun taħt il-patronċinju ta' Anibal Cavaco Silva, il-President tal-Portugall, li se jagħmel indirizz waqt iċ-ċerimonja, u ta' José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, li bagħat vidjo-messaġġ . Se jilqa' lill-mistednin il-President taċ-Centro Nacional de Cultura, Guilherme d'Oliveira Martins. Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali / il-Premjazzjonijiet Europa Nostra ilu jiġi organizzat mill-Europa Nostra u mill-Kummissjoni Ewropea sa mill-2002.

It-28 rebbieħa ġew magħżula minn madwar 226 proġett imressqa minn 38 pajjiż. L-għażla finali saret minn ġuriji komposti minn esperti indipendenti mill-Ewropa kollha (ara IP/12/254). Ir-rebbieħa jingħataw plakka jew trofew. Is-sitt rebbieħa tal-Grand Prix jirċievu wkoll €10,000 kull wieħed.

Il-wirt kulturali jġib kontribut sinifikattiv – li ta' spiss hu sottovalutat – lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Huwa jirrappreżenta parti importanti tas-setturi kulturali u kreattivi li jipprovdu l-impjiegi għal 8.5 miljun ruħ fl-UE u jikkontribwixxi sa 4.5 % lill-PDG tal-Ewropa. L-infiq fuq il-konservazzjoni tal-wirt kulturali mill-korpi pubbliċi u privati huwa stmat li jiswa €5 biljuni fis-sena. Iċ-ċifri ppubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) juru li 40 % tat-turiżmu internazzjonali fid-dinja kollha għandu dimensjoni kulturali. Il-wirt kulturali huwa wkoll riżors ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali.

Il-premjazzjonijiet huma sostnuti mill-Programm Kulturali tal-Unjoni Ewropea li investa €26 milljun fil-kofinanzjament ta' proġetti ta' patrimonju sa mill-2007. Programmi oħra ffinanzjati mill-UE wkoll jipprovdu sostenn f'dan il-qasam: mill-2007 'l hawn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jalloka €3 miljun għall-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, €2.2 biljun għall-iżvilupp tal-infrastruttura kulturali u €775 miljun biex isostni s-servizzi kulturali; sa mill-1998 ġew investiti €150 miljun oħra permezz tal-Programmi ta' Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.

Nota lill-edituri:

Europa Nostra hija l-Leħen tal-Wirt Kulturali fl-Ewropa. Hija tgħaqqad flimkien u tirrappreżenta 250 organizzazzjoni mhux governattivi u mingħajr skop ta' qligħ b'għadd ikkombinat ta' membri tesserati ta' mill-inqas 5 miljuni ċittadini minn madwar l-Ewropa. Għandha wkoll l-appoġġ dirett ta' 1500 membru individwali u ta' iżjed minn 150 awtoritajiet pubbliċi u korporazzjonijiet assoċjati. In-netwerk enormi ta' professjonisti u voluntiera huwa impenjat li jissalvagwardja l-wirt kulturali Ewropew għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

Iċ-ċerimonja tal-premjazzjonijiet f'Lisbona tifforma parti mill-Kungress tal-Patrimonju Ewropew annwali tal-Europa Nostra. Waħda mit-temi tal-Kungress ta' din is-sena se tkun "nissalvagwardjaw il-wirt Ewropew mill-periklu".

Id-data ta' skadenza għall-applikazzjonijiet għall-premjazzjonijiet li jmiss hija l-1 ta' Ottubru 2012. Iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni li jmiss huwa mistenni li se ssir f'Ateni, f'Ġunju tal-2013.

Vidjo-intervista :

Se ssir vidjo-intervista mal-Kummissarju Vassiliou dwar l-Ewropa Kreattiva u l-wirt kulturali (intervista magħmula minn Wolter Braamhorst, Europa Nostra)

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/culture

http://www.europanostra.org

MEMO/12/398

Midja Soċjali:

Androulla Vassiliou's website

Twitter: @VassiliouEU

http://twitter.com/europanostra

http://flickr.com/photos/europanostra

http://www.youtube.com/europanostrachannel

ANNESS

Il-kummenti tal-ġurija dwar is-sitt proġetti tal-Grand Prix:

Kategorija 1 - Konservazzjoni

Il-bini Averof - Skola tal-Arkitettura, Università Teknika Nazzjonali, Ateni, il-GREĊJA

“Eżempju eċċellenti ta’ intervent ta’ restawr u rinnovazzjoni fin u sofistikat, fuq bini li huwa wieħed mill-kreazzjonijiet l-aktar importanti tan-Neoklassiċiżmu Ewropew, influwenzat b’mod dirett fid-disinn tiegħu mill-Monumenti tal-Akropolis ta’ Ateni. L-Averof reġa' ngħata kompletament l-kwalità arkitettonika oriġinali tiegħu u ġie mgħammar bl-installazzjonijiet tal-infrastruttura teknoloġika kontemporanja l-aktar xierqa, u żgur li se jibqa’ jintuża bħala istituzzjoni edukattiva kif kien maħsub fil-bidu."

Kalkara tal-Funderija numru 2, Sagunto, SPANJA

“Il-ġurija tfaħħar l-isforz kontinwu biex jiġi salvat dan il-monument eċċezzjonali u biex jiġi mifhum mill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Il-kalkari tal-funderija li baqgħu, tal-industrija tal-ħadid u tal-azzar tas-seklu għoxrin jirrappreżentaw waħda mill-isfidi l-aktar diffiċli għal dawk li jemmnu li l-preservazzjoni intelliġenti tal-wirt fiżiku ta’ din l-industrija hija vitali biex wieħed jifhem l-istorja komuni tal-Ewropa; il-faħam u l-azzar, wara kollox, kienu fl-oriġini tal-Unjoni Ewropea. L-istatus il-ġdid u l-isbuħija li għadha kif ġiet żvelata ta’ din il-kalkara tal-funderija tas-snin 20, jerġgħu jagħtu raġuni lill-popolazzjoni ta’ belt li nħolqot mill-ħadid u l-azzar biex tkun kburija, u joħolqu ġid kulturali uniku u b’saħħtu ta’ interess għan-nies tal-Ewropa inġenerali.”

Il-Poundstock Gildhouse, Bude, Cornwall, ir-RENJU UNIT

“Fost il-bosta proġetti sofistikati u stravaganti li ġiet mistiedna tikkunsidra, il-Ġurija ferħet meta skopriet dan l-eżempju tal-arkitettura vernakulari modest iżda rrestawrat bir-reqqa. Id-djar tal-knisja kienu bini komunali li jagħqdu flimkien l-ispazji funzjonali bħal pereżempju l-kċejjen u l-kmamar għal-laqgħat ma’ sala miftuħa fuq għall-festi tar-raħal u għaż-żfin. Baqa’ ftit minnhom. Poundstock Gildhouse, wara perjodi fejn intużat bħala skola u dar għall-foqra, issa reġgħet bdiet tintuża għall-iskop oriġinali tagħha. Il-Ġurija esprimiet l-admirazzjoni assoluta tagħha għat-tekniki tradizzjonali adottati biex jagħtu ħajja ġdida lill-ħitan tat-tafal (cob), lit-twieqi u lis-saqaf magħmul bi travi speċjali li bl-Ingliż jissejħu cruck.”

Kategorija 2 - Riċerka

Il-kodiċi Botaniku Augustus ta’ Ara Pacis, Ruma, l-ITALJA

“Il-Ġurija kienet impressjonata bir-riċerka interdixxiplinarja bir-reqqa murija u l-kwalità eċċezzjonali tal-pubblikazzjoni. It-test b’żewġ lingwi (Taljan u Ingliż) jippermetti li dan ix-xogħol jinqara u jiġi apprezzat minn pubbliku wiesa’. L-Ara Pacis f’Ruma nbena bħala ċelebrazzjoni għal meta ġie lura Augustus minn spedizzjoni fis-sena 13 Qabel Kristu. Ix-xogħlijiet imnaqqxa jinkludu kollezzjoni splendida u elaborata ta' flora u fawna li, bħalma jgħid l-awtur, ġew osservati b'mod preċiż fil-kampanja u mhumiex biss tiżjin iżda għandhom tifsira simbolika li twiegħed it-twelid mill-ġdid u era ġdida.”

Kategorija 3 - Servizz Iddedikat

Paraschiva Kovacs, Satu Mare, Kontea ta’ Harghita, ir-RUMANIJA

“Bħala għalliema fi skola f’komunità żgħira, Paraschiva Kovacs iddedikat aktar minn 40 sena ta’ ħajjitha għall-inventarju u l-preservazzjoni tal-artefatti tal-imgħoddi, bħala simboli ta’ wirt ħaj għal komunità. Grazzi għall-investiment personali, it-talent pedagoġiku, il-ħiliet professjonali, il-poter li tikkonvinċi u l-entużjażmu kontaġjuż tagħha, hija ħolqot attitudni u mġiba differenti lejn l-istorja lokali u l-preservazzjoni tal-wirt għal bosta ġenerazzjonijiet. Hija eżempju straordinarju għal dawk in-nies modesti u ddedikati madwar l-Ewropa kollha li mingħajr ħafna riżorsi jirnexxilhom iżidu l-għarfien dwar l-importanza tal-preservazzjoni tal-imgħoddi għall-benefiċċju tal-ġejjieni.”

Kategorija 4 — Edukazzjoni, Taħriġ u Sensibilizzazzjoni

Titjib ta’ Sit ta’ Wirt - Fondazzjoni Norveġiża tal-Wirt, Vågå, in-NORVEĠJA

“Il-Ġurija tapprezza l-approċċ pedagoġiku ta’ għalliema impenjati ma’ tfal żgħar tal-iskola fuq is-siti ta’ wirt, li kieku kienu jitħallew jiddeġeneraw u jkunu abbandunati. Permezz tat-tindif ta’ punti ta' referenza ta’ skala żgħira fil-foresti, l-għelieqi u żoni rurali oħra, il-ġenerazzjoni li jmiss tibda tinvolvi ruħha b'mod attiv u ssir konxja tat-teżori ta’ wirt tagħha li fil-bidu jistgħu ma jidhrux eċċezzjonali, iżda li huma straordinarji għall-pajsaġġ kulturali. Il-kollaborazzjoni tal-iskejjel mal-awtoritajiet lokali hija eżempju tal-aħjar prattika bi ftit spejjeż, li tista' tiġi rrakkomandata lill-istituzzjonijiet tat-tagħlim madwar l-Ewropa kollha."

Kuntatti: Dennis Abbott (+32 2 295 92 58) Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Għall-Europa Nostra:

Elena Bianchi: +31.70.302.40.58 eb@europanostra.org

Giuseppe Simone: +31.70.302.40.59 gs@europanostra.org


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website