Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea u l-UEFA jvaraw "Pariri għall-Konsumatur" għall-partitarji li sejrin l-EURO 2012

Brussell, l-1 ta' Ġunju 2012 - Illum, il-Kummissarju għall-Politika tas-Saħħa u l-Konsumatur, John Dalli u l-President tal-UEFA, Michel Platini varaw kampanja ta' informazzjoni mill-UE u l-UEFA għall-konsumatur biex jagħtu pariri lill-partitarji li sejrin il-Kampjonat tal-EURO 2012. Illum infetħet websajt, aċċessibbli permezz tal-homepage tal-UEFA Euro 2012, u minn ħafna websajts oħrajn - inklużi dawk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur - li toffri pariri dwar kif l-aħjar tħejji l-vjaġġ tiegħek u x'tagħmel jekk jinqalgħulek problemi bħala konsumatur meta tkun il-Polonja jew tiġi lura minn hemm1. (http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/uefa_euro_2012/index_en.htm). Is-servizzi taċ-Ċentru ta' Kuntatt Europe Direct se jwieġbu kwalunkwe mistoqsija onlajn dwar id-drittijiet tal-konsumatur fl-UE fi 23 lingwa filwaqt li Infoline għall-konsumaturi bl-Ingliż, operata mill-għaqda tal-konsumatur Pollakka Federacja Konsumentów - se tipprovdi għajnuna legali lil dawk li jiltaqgħu ma' problemi bħala konsumaturi fil-Polonja. Għall-benefiċċju tal-partitarji se jitwaħħlu posters dwar dawn is-servizzi f'lukandi popolari.

Il-Kummissarju Dalli qal: "Naf li l-partitarji jkunu kompletament iffukati fuq kif it-tim favorit tagħhom ikun sejjer fil-Kampjonat tal-EURO. Għalhekk huwa importanti ħafna li niżguraw li xejn ma jħassrilhom il-pjaċir! Il-partitarji jistgħu jsibu xi pariri dwar kif jittrattaw problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom bħala konsumaturi bħal titjiriet ittardjati, bagalji mitlufa, jew servizzi tal-lukanda li ma jkunux eżattament bħal dawk ippreżentati fil-fuljett meta jkunu qed jirriżervaw."

Il-President tal-UEFA, Michel Platini, qal: "Ninsab kuntent li għal darba oħra l-UEFA u l-Kummissjoni Ewropea ħadmu flimkien biex joffru pariri prattiċi u għajnuna lill-konsumatur. Din l-inizjattiva se tgħin lill-partitarji mill-pajjiżi kollha biex igawdu l-mawra tagħhom fil-Polonja u l-Ukraina."

L-Infoline

L-Infoline għall-konsumatur se tkun miftuħa mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Lulju 2012, biex twieġeb għal kwalunkwe mistoqsijiet li jista' jkollhom il-partitarji waqt li jkunu l-Polonja. Din se tkun immexxija mill-Federazzjoni Pollakka tal-Konsumatur (Federacja Konsumentów), bil-finanzjament tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur fil-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea. Hija se tagħti pariri legali dwar kif jistgħu jiġu solvuti każijiet konkreti fil-Polonja.

  • Infoline B'Xejn għall-Konsumatur : 800 007 707 (meta ċċempel minn telefon b'linja fissa Pollakk jew telefon ċellulari b'operaturi Pollakki).

  • Infoline tal-Konsumatur +48 228 27 5474 (meta ċċempel minn telefon ċellulari b'operaturi barranin. F'dan il-każ japplikaw il-ħlasijiet normali, inklużi dawk tar-roaming)

Barra minn hekk, Europe Direct se tappoġġja dan is-servizz bil-kapaċità tagħha li tittratta l-mistoqsijiet fit-23 lingwa tal-UE. Mistoqsijiet komuni dwar id-drittijiet tal-konsumatur ivarjaw minn għal xiex inti intitolat jekk titħassar titjira għal xi trid tagħmel jekk tixtri prodott li jkollu xi ħsara, jekk ikollok tmur għand servizz mediku jew x'dokumenti trid tieħu miegħek jekk se jkollok tivvjaġġa lejn l-Ukraina.

Il-formola ta' għajnuna fuq l-internet

Europe Direct tista' tiġi kkuntattjata permezz ta' servizz ta' informazzjoni fuq l-internet fit-23 lingwa tal-UE. Dan is-servizz jipprovdi tweġiba għal mistoqsijiet ġenerali bħala medja fi żmien 3 ijiem tax-xogħol, dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam mal-affarijiet tal-UE u, jekk ikun hemm bżonn, tgħaddi t-talbiet lis-servizzi ta' għajnuna kompetenti.

http://europa.eu/europedirect/

Għandek bżonn aktar informazzjoni?

Il-kampanja tal-UE u l-UEFA qed titmexxa bl-appoġġ tan-netwerk tad-29 Ċentru tal-Konsumatur Ewropew (ECC-Net). L-ECC-Net jista' jipprovdi pariri lill-partitarji dwar il-kwistjonijiet tal-konsumatur qabel ma jitilqu u jipprovdi sostenn addizzjonali – jikkuntattja lill-kumpaniji jew jittratta l-ilmenti – ladarba l-partitarji jaslu lura d-dar.

Id-dettalji ta' kuntatt tad-29 Ċentru tal-Konsumatur Ewropew jinsabu fl-indirizz:

http://ec.europa.eu/consumers/ecc/contact_mt.htm

Filwaqt li hemm ECC f'kull pajjiż tal-UE, flimkien man-Norveġja u l-Islanda, ma hemm l-ebda ECC fl-Ukraina. Madankollu, illum hemm protezzjoni konsulari għal kwalunkwe kwistjoni serja għaċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw barra mill-UE mill-konsulat ta' pajjiżhom jew ta' kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE.

Sfond: UEFA EURO 2012

L-"EURO" hu l-Kampjonat tal-Futbol Ewropew tal-UEFA, li jsir kull erba' snin. UEFA EURO 2012 se jsir fil-Polonja u l-Ukraina, iż-żewġ pajjiżi ospitanti. Madwar 4 miljun partitarju tal-futbol huma mistennija jivvjaġġaw għat-turnament, u jaraw il-logħob fl-istadiums u fuq skrins kbar f'żoni maħsuba speċifikament għall-partitarji.

Il-logħba tal-ftuħ se ssir fit-8 ta' Ġunju f'Varsavja. Il-finali hija ppjanata għall-1 ta' Lulju fi Kiev. Tmint ibliet fiż-żewġ pajjiżi se jospitaw l-avveniment. B'kollox se jieħdu sehem fit-turnament 16-il tim, maqsuma f'erba' gruppi ta' erba' timijiet kull wieħed. Il-Grupp A: Il-Polonja, il-Greċja, ir-Russja u r-Repubblika Ċeka; Il-Grupp B: Il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Portugall; Il-Grupp Ċ: Spanja, l-Italja, ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Kroazja; Il-Grupp D: L-Ukraina, l-Isvezja, Franza u l-Ingilterra.

Għal aktar informazzjoni dwar it-turnament EURO 2012:

http://www.uefa.com/uefaeuro/season=2012/matches/index.html

Għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur:

http://ec.europa.eu/consumers/index_mt.htm

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Il-webpage toffri wkoll pariri dwar kif tħejji l-vjaġġ tiegħek u x'tagħmel jekk jinqalgħulek problemi bħala konsumatur meta tkun fl-Ukraina.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site