Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Approċċ ġdid fir-rigward tal-valutazzjoni tat-taħlitiet kimiċi tossiċi

European Commission - IP/12/541   31/05/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: Approċċ ġdid fir-rigward tal-valutazzjoni tat-taħlitiet kimiċi tossiċi

Brussell, il-31 ta' Mejju 2012 - Il-Kummissjoni timpenja ruħha sabiex ir-riskji potenzjali marbuta mat-taħlitiet kimiċi jiġu mifhuma u ssir valutazzjoni tagħhom b'mod xieraq. Kuljum niġu esposti għal taħlititiet ta' sustanzi kimiċi, u dawn il-kombinazzjonijiet flimkien jistgħu jħallu effett fuqna li ma jkunx bħal dak ta' sustanzi individwali. Il-liġijiet tal-UE jistabbilixxu limiti stretti għall-ammonti ta' sustanzi kimiċi partikolari li huma permessi fl-ikel, fl-ilma, fl-arja u fi prodotti manifatturati, iżda huwa rari li jiġu eżaminati l-effetti tossiċi potenzjali ta' dawn is-sustanzi kimiċi kkombinati flimkien. Fil-kuntest ta' dan l-approċċ il-ġdid, il-Kummissjoni se tidentifika t-taħlitiet li għandhom jiġu vvalutati l-ewwel, tiżgura li l-oqsma differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE jipprovdu, b'mod konsistenti, valutazzjonijiet tar-riskju għal taħlitiet ta' prijorità bħal dawn, u li tirrimedja għan-nuqqasijiet li hemm fl-għarfien xjentifiku, meħtieġ għall-valutazzjoni tat-taħlitiet.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi livell għoli ta' protezzjoni fir-rigward ta' sustanzi kimiċi individwali, iżda jeħtieġ li nkunu nafu aktar dwar kif jaġixxu s-sustanzi kimiċi meta jiġu kkombinati. Dan huwa qasam xjentifikament kumpless ħafna, iżda kumplessità bħal din ma għandhiex tkun skuża biex ma tittieħed l-ebda azzjoni. Meta jkollna raġuni tajba biex nemmnu li taħlita kimika tista' tkun ta' tħassib għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, għandha titwettaq valutazzjoni aktar iddettaljata u għandna nieħdu azzjoni xierqa."

Hekk kif l-għadd ta' kombinazzjonijiet kimiċi potenzjali huwa kbir, l-ewwel sfida fil-kuntest ta' dan l-approċċ se tkun dik li jiġu identifikati t-taħlitiet ta' prijorità, sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jiffukaw fuq dawk il-kombinazzjonijiet li l-aktar jistgħu jagħmlu ħsara.

Jeżistu metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskji ta' taħlitiet ta' prijorità iżda għad hemm bosta nuqqasijiet fid-dejta u fl-għarfien. Il-kwistjoni tikkomplika ruħha aktar minħabba l-fatt li, diversi drabi, il-leġiżlazzjoni tal-UE timmira gruppi speċifiċi, li jkopru l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bijoċidi, kożmetiċi, farmaċewtiċi, mediċini veterinarji eċċ. Dan jista' jkun ta' xkiel għal valutazzjonijiet koordinati u integrati tat-taħlitiet li jinkludu sustanzi li jaqgħu taħt partijiet differenti tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni se tiżgura li hekk kif tiġi identifikata taħlita ta' prijorità, din tiġi vvalutata b'mod koordinat u integrat. Sal-2014, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida teknika sabiex tikkodifika l-aħjar prattika għall-valutazzjoni ta' taħlitiet ta' prijorità.

Il-Kummissjoni se titratta wkoll uħud min-nuqqasijiet fid-dejta u l-għarfien sabiex ittejjeb il-fehim tagħna tat-taħlitiet li għalihom ikunu qed jiġu esposti n-nies u l-ambjent. Se tikkoordina l-ġabra ta' dejta u tanalizza d-dejta ta' monitoraġġ miġbura fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE u r-riċerka ffinanzjata mill-UE. Se toħloq ukoll pjattaforma għad-dejta tal-monitoraġġ tas-sustanzi kimiċi. Fl-2015, il-Kummissjoni se tagħmel rapport sabiex tivvaluta l-progress miksub.

Kuntest

Is-sustanzi kimiċi jinstabu madwarna ta' kuljum f'ammonti żgħar, fl-ikel u x-xorb tagħna, fil-mediċina, fl-arja li nieħdu n-nifs minnha, fil-kożmetiċi u l-prodotti għall-kura tas-saħħa, fil-ħwejjeġ, fl-għamara, fil-ġugarelli u f’dak kollu li niġu f'kuntatt miegħu. Nibdew niġu esposti għal din it-taħlita ta' sustanzi kimiċi minn mindu nkunu għadna fil-ġuf, u l-annimali u l-pjanti huma esposti bl-istess mod għal varjetà ta' sustanzi differenti.

Studju tal-2009 li sar fid-Danimarka kkunsidra l-esponiment tat-trabi li jkunu għadhom kemm telqu jimxu (tfal ta' sentejn) għal taħlitiet ta' sustanzi kimiċi fil-forma ta’ aġenti multipli li jfixklu s-sistema endokrinali . L-istudju kkunsidra l-esponiment mill-ikel u x-xorb, mill-arja ta' ġewwa u t-trab, mill-ħwejjeġ u ż-żraben, mill-kuntatt mal-ġugarelli, mill-applikazzjoni tal-kura tas-saħħa u l-prodotti tal-iġjene u mill-kuntatt ma' oġġetti bħal mats li fuqhom ibiddlu lit-trabi u twapet tal-banju. Dan l-istudju kkonkluda li kien hemm il-ħtieġa li jitnaqqas l-esponiment ta' tfal żgħar għal għadd ta' sustanzi eżaminati f'dan l-istudju, u dan minħabba l-konċentrazzjoni mbassra tad-diversi sustanzi.

L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni huwa bbażat ħafna fuq l-opinjoni riċenti tat-tliet Kumitati xjentifiċi mhux tal-ikel: "Toxicity and Assessment of Chemical Mixtures" kif ukoll fuq "State of the Art Report on Mixture Toxicity".

Għal aktar informazzjoni u għall-Komunikazzjoni, ara:

http://ec.europa.eu/environment/chemicals/effects.htm

Ara wkoll MEMO/12/392

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website