Navigation path

Left navigation

Additional tools

Proposta tal-EURODAC: it-tlestija tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil

European Commission - IP/12/522   30/05/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Proposta tal-EURODAC: it-tlestija tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil

Brussel, it-30 ta 'Mejju 2012 – Fl-2011, is-27 Stat Membru tal-UE rċevew aktar minn 300,000 applikazzjonijiet għall-asil, jiġifieri 16.2% aktar mill-2010. Għalkemm din iċ-ċifra hija ferm anqas mill-ogħla waħda ta’ 425,000 applikazzjoni li waslu fl-2001, iż-żidiet fil-flussi tal-asil jafu jgħafsu fuq il-kapaċità ta' kemm jistgħu jilqgħu xi Stati Membri. Illum, il-Kummissjoni pproponiet li ttejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-EURODAC, li hija s-sistema li tiffaċilita l-identifikazzjoni korretta u bla dewmien tal-Istat Membru responsabbli mill-eżaminazzjoni tat-talba għall-asil.

Fi kliem il-Kummissarju inkarigat mill-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, “Il-proposta l-ġdida tal-EURODAC hija parti integrali ta’ pakkett ta’ miżuri li huma meħtieġa biex titwaqqaf Sistema Komuni Ewropea tal-Asil (CEAS). Din tipprovdi l-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, f’ċirkustanzi speċifiċi u limitati ħafna, jagħmlu kontrolli tal-marki tas-swaba permezz tal-bażi tad-dejta tal-EURODAC biex jgħinu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-aktar reati serji. Se jkun possibbli biss li t-tfittxijiet isiru fuq il-bażi li wieħed jinzerta jsib jew ma jsibx dak li qed ifittex u l-kontrolli tal-EURODAC jistgħu jsiru biss jekk it-tfittxijiet preċedenti fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali jew tal-Istati Membri ma jkunux taw riżultati. Iddaħħlu salvagwardji robusti biex jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-privatezza u biex jiġi żgurat li d-dritt għall-asil bl-ebda mod ma jintlaqat ħażin."

Il-EURODAC, li hija sistema għall-ġbir tal-marki tas-swaba ta’ dawk li jfittxu l-asil, ilha topera sa mill-2003 u hija parti essenzjali mis-Sistema Komuni Ewropea tal-Asil tal-UE.

Il-proposta tal-lum tipprovdi skadenzi aktar ċari għat-trażmissjoni tad-dejta, tiżgura l-kompatibilità sħiħa mal-aħħar leġiżlazzjoni dwar l-asil u tindirizza aħjar il-ħtiġijiet għall-protezzjoni tad-dejta. Tipprevedi wkoll il-possibilità li l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jikkonsultaw id-dejtabejż tal-EURODAC għall-fini ta’ prevenzjoni, qbid u investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra, kif mitlub mill-Istati Membri tal-UE.

Il-paragun tal-marki tas-swaba' miżmuma mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol ma’ dawk maħżuna fil-bażi tad-dejta tal-EURODAC se jkun possibbli biss f’każijiet speċifiċi taħt ċirkostanzi ddefiniti b’mod ċar. Il-proposta teskludi espliċitament li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jfittxu fil-bażi tad-dejta tal-EURODAC fuq bażi sistematika u tipprojbixxi li d-dejta personali jaqsmuha ma’ pajjiżi, organizzazzjonijiet jew entitajiet terzi. Din ukoll issemmi miżuri ta' sigurtà stretti sabiex tiżgura s-sigurtà ta' dejta personali pproċessata u tistabbilixxi superviżjoni tal-attivitajiet tal-ipproċessar minn awtoritajiet indipendenti ta’ protezzjoni ta’ dejta pubblika.

Dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għal dejta u s-sigurtà tad-dejta jiżguraw li d-drittijiet fundamentali ta’ dawk li l-marki tas-swaba' tagħhom ikunu maħżuna fil-EURODAC jiġu rispettati u li jitħarsu d-drittijiet tal-privatezza ta' dawk li jfittxu l-asil u tal-migranti irregolari.

Kuntest

Il-EURODAC kien l-ewwel strument adottat fil-qasam tal-asil (Ir-Regolament 2725/2000/KE). Dan huwa sistema Ewropea ewlenija bijometrika tal-IT li tgħin biex tiżgura l-implimentazzjoni adatta tar-Regolament ta' Dublin, billi tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li ġeneralment ma jkollhomx fil-pussess tagħhom dokumenti tal-identità. Din is-sistema wriet li hi għodda utli biex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta' talba għall-asil u għall-ħarsien mill-abbuż tas-sistema tal-asil billi jiġu evitati applikazzjonijiet multipli mill-istess persuna fi Stati Membri differenti.

Madankollu, wara bosta snin li ilha taħdem, xi aġġornamenti kienu meħtieġa, b'mod partikolari sabiex jitnaqqas id-dewmien tat-trażmissjoni minn xi Stati Membri, jiġifieri ż-żmien li jgħaddi bejn it-teħid tal-marki tas-swaba sa ma dawn jintbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC.

Sabiex tiffaċilita l-progress dwar il-pakkett tal-asil kollu, il-proposta issa beħsiebha wkoll tippermetti l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jikkonsultaw l-EURODAC għall-fini tal-prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra.

Il-proposta se tittressaq lill-Ministri tal-Affarijiet Interni fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li jmiss tas-7-8 ta’ Ġunju 2012.

Għal aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/home-affairs/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tas-sit tad-DĠ Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Contacts :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website