Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza issa qed tingħata f'kull pajjiż Ewropew, iżda hemm nuqqas ta' taħriġ speċjalista għall-għalliema

Brussell, il-31 ta' Mejju 2012 – L-Istati Membri kollha tal-UE daħħlu "l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza" fil-kurrikuli skolastiċi tal-primarja u tas-sekondarja nazzjonali tagħhom – minkejja li l-approċċi tagħhom ivarjaw, skont rapport li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Iżda għad hemm l-isfida li jittejbu l-għarfien u l-ħiliet biex jiġi mgħallem dan is-suġġett, peress li jeżistu biss żewġ pajjiżi (l-Ingilterra fir-Renju Unit u s-Slovakkja) li joffru taħriġ għall-għalliema prospettivi li jispeċjalizzaw f'dan is-suġġett fil-programmi ta' tagħlim tal-bidu għall-għalliema. Ir-rapport juri li jeżisti kunsens ġenerali li l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza għandu jkollha l-għan li tiżviluppa l-ħsieb kritiku, il-ħiliet u l-attitudnijiet analitiċi biex titrawwem il-parteċipazzjoni attiva fl-iskejjel u fis-soċjetà.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "L-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tagħti l-għarfien, il-ħiliet u l-valuri meħtieġa lill-istudenti biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà tagħna. Din irridu ninkoraġġuha, għax il-parteċipazzjoni attiva tinsab fil-qalba tal-valuri demokratiċi fl-Ewropa. Jeħtieġ ukoll li nenfasizzaw aktar it-taħriġ tal-għalliema f'dan il-qasam biex iż-żgħażagħ jispiraw ruħhom biex isiru ċittadini attivi."

Ir-rapport jgħid li l-iskejjel fil-pajjiżi Ewropej kollha daħħlu r-regoli u r-rakkomandazzjonijiet bil-għan li jinkoraġġixxu l-prattiċi demokratiċi u l-parteċipazzjoni, pereżempju permezz tal-elezzjoni ta' rappreżentanti ta' kull klassi, tal-kunsilli tal-istudenti u tar-rappreżentanza tal-istudenti fil-korpi amministrattivi tal-iskejjel. Dan kollu jżid il-possibbiltà li ż-żgħażagħ jieħdu parti attiva fil-ħajja soċjali u politika.

Filwaqt li l-pajjiżi kollha għandhom linji gwida dwar kif lill-istudenti tingħatalhom vuċi fit-tmexxija tal-iskola, mill-2007 'l hawn aktar minn nofshom1 implimentaw mill-inqas programm jew proġett wieħed għat-trawwim tal-valuri u l-attitudnijiet marbutin maċ-ċittadinanza barra mill-iskola, bil-finanzi pubbliċi. Dawn jinkludu inizjattivi li jinkoraġġixxu lill-istudenti li ġejjin minn gruppi etniċi u soċjoekonomiċi diversi biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet konġunti (pereżempju l-Latvja nediet proġett fuq dawn il-linji) jew biex jiġbru flimkien it-tfal tal-primarja u x-xjuħ fid-djar tal-anzjani (Franza qiegħda fost il-pajjiżi li qed jinkoraġġixxu dawn il-proġetti "interġenerazzjonali").

Il-parteċipazzjoni attiva qed titqies dejjem iżjed ukoll fil-valutazzjoni tal-istudenti. Aktar minn terz tal-pajjiżi Ewropej2, fil-valutazzjoni tal-istudenti issa qed iqisu kemm dawn jipparteċipaw f'attivitajiet skolastiċi jew komunitarji.

Il-kuntest

Ir-rapport Citizenship Education in Europe, ikkumpilat għall-Kummissjoni min-netwerk Eurydice, ikopri 31 pajjiż Ewropew l-Istati Membri tal-UE, l-Islanda, in-Norveġja, il-Kroazja u t-Turkija.

Huwa jimmira li juri fil-qosor kif il-politiki u l-miżuri marbutin mal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza evolvew f'dawn l-aħħar snin. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali dwar ħames suġġetti ewlenin: 1) Il-miri u l-organizzazzjoni tal-Kurrikulu; 2) Il-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-ġenituri fl-iskejjel; 3) Il-kultura tal-iskola u l-parteċipazzjoni tal-istudenti fis-soċjetà; 4) L-istima u l-valutazzjoni; 5) L-appoġġ għall-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel. Ir-rapport jiffoka wkoll fuq il-progress li sar, fejn dan ikun jidher, sa mill-aħħar studju tal-Eurydice dwar dan is-suggett, li sar fl-2005. Is-sena ta' referenza hija l-2010/11.

Għad hemm l-isfida li jittejbu l-għarfien u l-ħiliet tal-għalliema li jgħallmu dwar iċ-ċittadinanza. Filwaqt li, b'mod ġenerali, l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza hija integrata fil-korsijiet tal-bidu li jingħataw l-għalliema tas-sekondarja li jispeċjalizzaw f'suġġetti bħall-istorja u l-ġeografija, żewġ pajjiżi biss mill-31 li ġew assessati (l-Ingilterra u s-Slovakkja) iħarrġu lill-għalliema prospettivi biex jispeċjalizzaw fit-tagħlim dwar iċ-ċittadinanza. Barra minn hekk, filwaqt li bosta pajjiżi rriformaw il-kurrikuli tagħhom tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza f'dawn l-aħħar snin, dawn ir-riformi ftit li xejn iddaħħlu fit-taħriġ tal-bidu jew fil-programmi li jkomplu l-iżvilupp professjonali tal-għalliema.

Ir-rapport sab ukoll li hemm nuqqas mifrux ta' metodi standardizzati biex jiggwidaw lill-għalliema fil-valutazzjoni tal-istudenti.

Il-Eurydice

Ir-rapport huwa produzzjoni tan-netwerk Eurydice, li jipprovdi analiżijiet u tagħrif dwar is-sistemi u l-politiki edukattivi Ewropej. Dan huwa magħmul minn 37 unità nazzjonali bbażati f'kull wieħed mit-33 pajjiż li qed jipparteċipaw fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). Huwa kkoordinat u amministrat mill-Agenzija Ezekuttiva ghall-Edukazzjoni, l-Awdjoviziv u l-Kultura tal-UE.

Għal aktar tagħrif

Ir-rapport sħiħ bl-Ingliż huwa disponibbli hawn: Citizenship Education in Europe

Il-punti ewlenin tar-rapport

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

ANNESS

1. Regolamenti u rakkomandazzjonijiet uffiċjali li jistipulaw dwar ir-rappreżentanti tal-istudenti fil-korpi amministrattivi tal-iskejjel (primarji u sekondarji), l-2010/11

2. Linji gwida ċentralizzati għall-valutazzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fl-iskola jew fil-komunità (edukazzjoni sekondarja), l-2010/11

3. L-għanijiet tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza kif inhuma rrikmandati fil-kurrikuli nazzjonali (primarja u sekondarja), l-2010/11

1 :

Il-Belġju (il-Komunità Franċiża), il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Isvezja, in-Norveġja, l-Islanda u l-Kroazja.

2 :

Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u t-Turkija.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website