Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta l-passi li jmiss għall-istabbiltà, it-tkabbir u l-impjiegi

Brussell, it-30 ta' Mejju 2012 – Il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta’ rakkomandazzjonijiet għal miżuri baġitarji u riformi ekonomiċi biex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja, tingħata spinta lit-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi madwar l-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet huma speċifiċi għall-pajjiżi, billi jqisu s-sitwazzjoni individwali ta’ kull Stat Membru. Il-Kummissjoni ħarġet ukoll rakkomandazzjonijiet għaż-żona euro kollha, u ppreżentat il-viżjoni tagħha għall-azzjoni politika meħtieġa fuq il-livell tal-UE biex tikkumplimenta l-miżuri nazzjonali biex titwettaq inizjattiva ta' tkabbir tal-UE li hi ambizzjuża u f'żewġ livelli. Hija ppreżentat ukoll il-konklużjonijiet ta’ tnax-il analiżi fil-fond fil-kuntest tal- Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku u għamlet rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill relatati mal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv.

Fi kliem il-President Barroso: "Illum il-Kummissjoni ħadet deċiżjonijiet importanti li jistabbilixxu l-azzjoni ulterjuri li trid tittieħed kemm fil-livell nazzjonali minn kull wieħed mill-Istati Membri tagħna kif ukoll fil-livell tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività tagħna, tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi, u tissaħħaħ b'mod deċiżiv l-unjoni ekonomika u monetarj tagħna. Dawn jirriflettu r-rwol vitali tal-Kummissjoni fil-qalba tat-tmexxija ekonomika tal-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna huma mfassla għal kull Stat Membru, iżda jiffurmaw parti minn approċċ koerenti lejn ir-ribilanċjament tal-ekonomija Ewropea. Għamilna progress tajjeb: il-finanzi pubbliċi bdew sejrin għall-aħjar u l-iżbilanċji qed nibdew insibu tarf tagħhom. Id-direzzjoni hija ċara. Issa neħtieġu li nirduppjaw l-isforzi tagħna, kemm fuq livelli nazzjonali kif ukoll Ewropew, biex nimxu b'pass iktar mgħaġġel u mmorru aktar 'il quddiem."

Għadd ta’messaġġi ewlenin, jirriżultaw minn dan it-tieni sett ta' rakkomandazzjonijiet annwali speċifiċi għall-pajjiżi. Rigward il-finanzi pubbliċi, l-Istati Membri qegħdin ġeneralment jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jirrestawraw is-sostenibbiltà, iżda f’bosta każi l-konsolidazzjoni għandha tiffavorixxi aktar it-tkabbir. Il-qgħad, u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, huwa problema serja – u minkejja li ma teżisti l-ebda soluzzjoni ta’ malajr, għandha tittieħed azzjoni immedjata biex tiżdied il-produttività u jkun hemm tqabbil aħjar tal-ħiliet u t-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Ħafna Stati Membri qed iwettqu riformi strutturali importanti, inkluż dawk tas-swieq tax-xogħol tagħhom. Dawn qed jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività u biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makro-ekonomiċi fi ħdan l-Ewropa. Minkejja dan hemm ħtieġa ta' azzjoni ħafna ikbar madwar l-UE biex niżblokkaw il-potenzjal tagħna tat-tkabbir, noħolqu opportunitajiet għall-iżvilupp tan-negozju, u nilliberaw il-potenzjal għall-ħolqien tax-xogħol fis-setturi tas-servizzi u l-enerġija u tal-ekonomija diġitali.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni indikat il-passi ewlenin lejn unjoni ekonomika u monetarja sħiħa, inkluża unjoni bankarja; superviżjoni finanzjarja taż-żona tal-euro u garanziji tad-depożiti matul iż-żona euro. Dan il-proċess se jkollu bżonn iqis kwistjonijiet legali bħal tibdil fit-Trattat u tibdil kostituzzjonali, filwaqt li jagħti aktar leġittimità demokratika u responsabilità lil azzjonijiet ulterjuri ta' integrazzjoni.

Il-kontenut tal-pakkett tal-lum

Il-pakkett għandu tliet komponenti interkonnessi iżda distinti. L-ewwel, hemm 27 sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, kif ukoll wieħed għaż-żona euro bħala entità sħiħa, dwar il-politiki baġitarji u ekonomiċi. L-analiżi li tirfed ir-rakkomandazzjonijiet hija stipulata fi 28 dokumenti ta’ ħidma tal-persunal, filwaqt li l-messaġġi globali ta' politika huma miġbura flimkien f’Komunikazzjoni dwar Azzjoni għal Stabbiltà, Tkabbir u Impjiegi.

It-tieni, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika r-riżultati ta' analiżi fil-fond li ġew varati aktar kmieni din is-sena għal 12-il Stat Membru meqjusa fir-riskju ta' żbilanċi makro-ekonomiċi. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija li t-tnax kollha kemm huma jsofru minn żbilanċi, għalkemm l-ebda minnhom attwalment m'huma eċċessivi. Gwida għal azzjoni preventiva hija inkluża fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

It-tielet, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda lill-Kunsill biex il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv għall-Bulgarija u għall-Ġermanja titħassar. Hija qed tipproponi wkoll deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi li l-Ungerija ħadet azzjoni effikaċi biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv tagħha u li s-sospensjoni tal-impenji tal-Fond ta’ Koeżjoni 2013 titneħħa.

1. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi 2012 (ara MEMO/12/386)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mressqa mill-Kummissjoni llum jipprovdu gwida operazzjonali għall-Istati Membri filwaqt li jħejju l-politiki baġitarji tagħhom u għal riformi ekonomiċi li għandhom jiġu ppromulgati matul it-tnax-il xahar li ġejjin biex tissaħħaħ il-kompetittività u jiġi ffaċilitat l-ħolqien tal-impjiegi. L-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet timmarka l-fażi konklussiva tas-Simestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, li tnieda mal-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir fit-23 ta’ Novembru 2011 (IP/11/1381, MEMO/11/821). Huma għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew fit-28-29 ta' Ġunju u formalment adottati mill-Kunsill f'Lulju.

Il-bażi għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet hi valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni ta' dawk adottati s-sena l-oħra, flimkien ma' analiżi dettaljata tal-programmi nazzjonali ta' riforma u tal-programmi ta' stabbiltà jew ta' konverġenza1 li l-Istati Membri ressqu sat-30 ta' April 2012. L-analiżi li tirfed ir-rakkomandazzjonijiet hija ppreżentata fi 28 dokument ta’ ħidma tal-persunal (mill-ġdid, wieħed għal kull Stat Membru u wieħed għaż-żona euro). Għall-ewwel darba din is-sena, ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu wkoll is-sejbiet ta' tnax-il analiżi fil-fond imwettqa fil-kuntest tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (ara hawn taħt).

Ir-rakkomandazzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet inklużi l-finanzi pubbliċi u riformi strutturali f'oqsma bħat-tassazzjoni, il-pensjonijiet, l-amministrazzjoni pubblika, is-servizzi, u kwistjonijiet rigward is-suq tax-xogħol, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-pajjiżi tal-programm (il-Greċja, il-Portugall, l-Irlanda u r-Rumanija) jirċievu biss rakkomandazzjoni waħda: li jimplimentaw il-miżuri miftiehma taħt il-programm tagħhom.

2. Konklużjoni tat-12-il analiżi fil-fond (ara MEMO/12/388)

L-analiżi fil-fond huma parti mill-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, li kienet introdotta għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi u li qed tiġi implimentata għall-ewwel darba din is-sena. Dawn ikopru tnax-il Stati Membru, li kienu identifikati fir-Rapport tal-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-14 ta' Frar 2012 (IP/12/132, MEMO/12/104) bħala li jeħtiġilhom aktar analiżi ekonomika sabiex jiddeterminaw jekk l-iżbilanċi makroekonomiċi jeżistux jew jekk hemmx xi riskju emerġenti. Dawn l-Istati Membri huma l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Kull waħda mit-tnax-il analiżi fil-fond teżamina l-oriġini, in-natura u s-severità tal-iżbilanċi makroekonomiċi possibbli. Huma jevalwaw jekk il-pajjiż huwiex affettwat minn żbilanċ jew le, u jekk iva, liema hi n-natura tal-iżbilanċ.

Ir-reviżjonijiet jikkonfermaw li tnax-il Stati Membru kkonċernat qed jiffaċċjaw żbilanċi makroekonomiċi li jridu jiġu ikkoreġuti u sorveljati mill-qrib. Huma jikkonkludu wkoll li l-aġġustament tal-iżbilanċi ekonomiċi jinsab ġeneralment miexi 'l quddiem, kif rifless fit-tnaqqis tad-defiċit fil-kont kurrenti, il-konverġenza fil-kosti tal-unità lavorattiva, it-tnaqqis fil-flussi tal-kreditu jew il-korrezzjonijiet fil-prezzijiet tad-djar. Madankollu, f’xi każijiet għadu mhuwiex ċar sa liema punt l-aġġustament huwa komplut u durabbli, jew jekk il-veloċità tal-aġġustament hijiex adegwata. F’ħafna każijiet, l-iżbilanċi akkumulati interni u esterni qed ikomplu joħolqu sfida enormi, pereżempju fir-rigward tad-dejn fis-settur pubbliku u privat.

3. Proposti relatati mal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv (ara MEMO/12/385)

Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-konklużjonijiet tal-analiżi fil-fond, il-Kummissjoni llum qed tagħmel ukoll tliet proposti lill-Kunsill relatati mal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv (EDP).

L-ewwel nett, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar l-EDP għall-Bulgarija u l-Ġermanja, kif previst fl-Artikolu 126(12) tat-Trattat. F'Marzu, il-Bulgarija u l-Ġermanja nnotifikaw li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2011 kien taħt it-3% tal-PDG. Wara l-validazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri mill-Eurostat fit-23 ta’April 2012, u kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-previżjoni tar-rebbiegħa 2012 tal-Kummissjoni li turi li dawn id-defiċits se jibqgħu fit-tul taħt it-3% tal-PDG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi tagħhom hija żgurata.

It-tieni nett, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill sabiex titneħħa s-sospensjoni tal-impenji mill-Fond ta' Koeżjoni għall-Ungerija, wara li kkonkludiet li l-pajjiż ħa l-azzjoni meħtieġa biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu, konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2012. Aktar speċifikament, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-valutazzjoni tagħha li l-mira għal defiċit baġitarju għall-2012 ta' 2.5% tal-PDG hija mistennija li tintlaħaq u d-defiċit baġitarju għall-2013 huwa mistenni li jkun ħafna taħt it-3% tal-valur ta’ referenza tal-PDG, minkejja li l-ambjent makroekonomiku jiddgħajjef xi ftit, kif indikat mill-Kummissjoni fil-previżjoni tagħha tar-rebbiegħa 2012. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fl-Ungerija, f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt Ewropa 2020 (għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi):

http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Persuni ta’ kuntatt:

Simon O’Connor (+32 2 296 73 59)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

1 :

Programmi ta' stabbiltà huma preżentati mill-Istati Membri taż-żona euro, programmi ta' konverġenza minn Stati Membri barra miż-żona euro. Huma jippreżentaw il-pjani għal finanzi pubbliċi sostenibbli. Programmi nazzjonali ta' riforma jippreżentaw miżuri ta' politika ewlenin biex isaħħu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjieg u jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website