Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Jum Dinji Mingħajr Tabakk 2012: Stħarriġ madwar l-UE kollha juri li maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE hija favur miżuri ta’ kontroll fuq it-tabakk aktar stretti

Commission Européenne - IP/12/511   30/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Jum Dinji Mingħajr Tabakk 2012: Stħarriġ madwar l-UE kollha juri li maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE hija favur miżuri ta’ kontroll fuq it-tabakk aktar stretti

Brussell, it-30 ta’ Mejju 2012 - Lejliet il-Jum Dinji Mingħajr Tabakk, il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika studju tal-UE dwar l-attitudnijiet lejn it-tabakk. Bħala medja, 60% taċ-ċittadini huma favur miżuri biex it-tabakk isir inqas jidher u inqas attraenti, bħal pereżempju billi l-prodotti tat-tabakk jinżammu f’post fejn ma jidhrux fil-ħwienet jew billi jiġi ristett l-użu ta’ togħmiet u kuluri attraenti. Fl-istess ħin, ċifri oħra kienu l-kawża ta’ tħassib. Perċentwal ta’ 28% taċ-ċittadini tal-UE ta' età ta' 15-il sena u aktar ipejpu, u 70% ta' dawk li jpejpu u dawk li waqfu jpejpu qabdu l-vizzju qabel l-età ta' 18-il sena.

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumaturi, John Dalli, qal: “Ninsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-maġġoranza tal-Ewropej jibdew ipejpu fil-bidu taż-żgħożija tagħhom, qabel ma jagħlqu 18-il sena. Għalhekk, kif enfasizzajt f’laqgħa llum ma’ Dr. Nikogosian, il-Kap tas-Segretarjat tad-WHO għall-Konvenzjoni Qafas fuq il-Kontroll tat-Tabakk, għandi l-impenn li niżgura li l-Ewropa żżomm l-impenji internazzjonali tagħha dwar ir-regolamentazzjoni tal-prodotti tat-tabakk, inkluż it-tnaqqis tal-attrazzjoni tas-sigarretti għaż-żgħażagħ. Huwa b'dan il-ħsieb li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tfassal proposta biex tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk”.

Filwaqt li kkummenta dwar xi riżultati pożittivi tal-istħarriġ, il-Kummissarju Dalli żid jgħid “Għandi l-inkoraġġament tal-appoġġ wiesa’ taċ-ċittadini għal miżuri ta’ kontroll tat-tabakk aktar stretti. It-tnaqqis sostanzjali fil-proporzjon ta’ persuni esposti għad-duħħan tat-tabakk huwa wkoll rassikuranti. Dan juri li r-regolamenti stretti dwar it-tipjip fil-postijiet pubbliċi u l-azzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar il-vantaġġi li wieħed ma jpejjipx - bħal pereżempju l-kampanja tal-UE “Ex-Smokers are unstoppable” (Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommhom xejn) - qegħdin jagħtu r-riżultati tagħhom”.

Is-sejbiet mill-istħarriġ tal-UE dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-tabakk jinkludu:

  • In-numru ta’ sigarretti li jpejpu n-nies kuljum huwa 14.2, li jirrappreżenta tnaqqis żgħir mill-istħarriġ preċedenti (2009) (14.4 sigarrett kuljum)

  • Nofs il-popolazzjoni tal-UE qatt ma pejpet: il-prevalenza ma evolvietx fit-tliet snin li għaddew

  • Perċentwal ta’ 61% tal-persuni li jpejpu bħalissa diġà ppruvaw jieqfu jpejpu, inkluż persuna minn kull ħamsa fis-sena ta’ qabel l-istħarriġ

  • Għalkemm kien hemm tnaqqis ta’ 17% fil-proporzjon ta’ persuni esposti għad-duħħan tas-sigarretti fir-ristoranti u l-bars, 14% taċ-ċittadini tal-UE xorta rrappurtaw li kienu esposti għat-tipjip fir-ristoranti 28% fil-ħwienet tal-kafé u l-bars fl-aħħar sitt xhur.

  • Perċentwal ta’ 73% taċ-ċittadini tal-UE huma favur li jiġu introdotti elementi ta’ sigurtà biex jiġi limitat il-kummerċ illegali tas-sigarretti, anke jekk dan ifisser li jkunu aktar għaljin.

  • Perċentwal ta’ 33% ta’ dawk li jpejpu u dawk li qatgħu t-tipjip fl-UE jgħidu li t-twissijiet tas-saħħa fuq il-pakketti tat-tabakk għandhom/kellhom impatt fuq l-attitudnijiet u l-imġiba tagħhom fit-tipjip.

Kuntest

It-tabakk huwa l-akbar kawża meħudha waħedha ta' mwiet li jistgħu jiġu evitati fl-UE. Huwa responsabbli għal madwar 700,000 mewta qabel iż-żmien kull sena fl-UE.

Biex tnaqqas il-konsum tat-tabakk madwar l-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni tkompli ssegwi politika komprensiva ta' kontroll tat-tabakk.

Medda wiesgħa ta' mekkaniżmi, attivitajiet, u inizjattivi inkluża leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tat-tabakk, attivitajiet ta' prevenzjoni u ta' waqfien mit-tabakk iservu biex iżommu u jsaħħu l-politika ta' kontroll tat-tabakk.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-2001 dwar il-Prodotti tat-Tabakk hija għaddejja u l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tressaq il-proposta tagħha fit-tieni nofs tal-2012. L-UE u l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (Framework Convention on Tobacco Control - FCTC) li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti Bla Tipjip, li ġiet adottata fl-2009, titlob lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw liġijiet għall-protezzjoni taċ-ċittadini mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet pubbliċi magħluqa, il-postijiet tax-xogħol u t-trasport pubbliku. Din ir-rakkomandazzjoni titlob ukoll li jissaħħu l-liġijiet favur il-ħelsien mid-dħaħen tat-tipjip b'miżuri ta' appoġġ sabiex jiġu protetti t-tfal, jitħeġġu l-isforzi biex in-nies jieqfu jpejpu u jintwerew stampi ta' twissija fuq il-pakketti tas-sigaretti.

Bħala parti mill-kampanja tas-sensibilizzazzjoni, il-Kummissjoni nediet il-kampanja tagħha “Ex-smokers are unstoppable” fl-2011. Il-kampanja issa qed tibda fażi ġdida u qed tibni fuq is-suċċess tas-sena l-oħra. Programm imġedded jikkonforma mal-istrateġija inizjali li l-kampanja “Ex-Smokers are Unstoppable” għandha taffettwa l-bidla billi ma jsirx aktar enfasi fuq il-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa assoċjati mat-tipjip iżda jibda jsir fuq il-benefiċċji pożittivi li wieħed jieqaf ipejjep, u b’hekk jitħeġġew l-irġiel u n-nisa madwar l-Ewropa kollha biex jieqfu jpejpu.

Għal aktar tagħrif:

L-Ewrobarometru:

http://ec.europa.eu/health/eurobarometers/index_en.htm

Il-websajt tal-politika tat-tabakk:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/policy/index_mt.htm

Il-kampanja Ex-smokers are unstoppable:

http://www.exsmokers.eu/

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site