Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE tisfida r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet imposti mill-Arġentina

European Commission - IP/12/503   25/05/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-UE tisfida r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet imposti mill-Arġentina

Brussell, il-25 ta’ Mejju 2012 - Illum, l-UE nediet sfida lir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet imposti mill-Arġentina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’Ġinevra. Skont il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, l-UE l-ewwel qed titlob konsultazzjonijiet mal-Arġentina sabiex jitneħħew dawn il-miżuri li jaffettwaw b’mod negattiv il-kummerċ u l-investiment tal-UE. Il-miżuri restrittivi jinkludu r-reġim tal-liċenzji tal-importazzjoni tal-Arġentina u b'mod partikolari l-proċeduri għall-kisba ta’ liċenzja tal-importazzjoni kif ukoll l-obbligu li għandhom il-kumpaniji biex jibbilanċjaw l-importazzjonijiet mal-esportazzjonijiet. Dan huwa l-ewwel pass fis-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. Jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni fi żmien 60 jum, l-UE tista’ titlob li jiġi stabbilit Panel tad-WTO biex jiddeċiedi dwar il-legalità tal-azzjonijiet tal-Arġentina.

“Ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni imposti mill-Arġentina jiksru r-regoli internazzjonali tal-kummerċ u għalhekk għandhom jitneħħew. Dawn il-miżuri qed jikkawżaw ħsara reali kbira lill-kumpaniji tal-UE - u qed jaffettwaw lill-impjiegi u l-ekonomija tagħna fis-sħiħ”, qal il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht. “Il-klima tal-kummerċ u tal-investiment fl-Arġentina bla dubju qed tmur għall-agħar. Dan ma jħallilix għażla ħlief li nisfida r-reġim tal-importazzjoni protezzjonist tal-Arġentina u niżgura li r-regoli għall-kummerċ ħieles u ġust jiġu rispettati.”

L-UE għandha tħassib ċar fir-rigward tal-miżuri tal-importazzjoni tal-Arġentina li jmorru kontra r-regoli tad-WTO għal sistema ta’ kummerċ trasparenti, ħielsa u ġusta. Dan jinkludi:

  • L-Arġentina għandha reġim ta’ reġistrazzjoni u approvazzjoni minn qabel għall-importazzjoni tal-oġġetti kollha, u dan jissejjaħ “Declaración Jurada Anticipada de Importación”. Minn Frar 2012, dan ir-rekwiżit ta’ approvazzjoni minn qabel huwa applikat għall-importazzjonijiet kollha.

  • Mijiet ta’ oġġetti jeħtieġu liċenzja tal-importazzjoni wkoll. Fuq il-bażi ta’ dawn il-proċeduri, l-importazzjonijiet jiddewmu jew jiġu rifjutati b’mod sistematiku għal raġunijiet mhux trasparenti. Fil-bidu tal-2011, aktar minn 600 tip ta’ prodotti ġew affettwati minn dan ir-reġim tal-liċenzji, bħal pereżempju l-makkinarju tal-elettriku, il-parts tal-karozzi u l-prodotti kimiċi.

  • L-Arġentina titlob lill-importaturi biex jibbilanċjaw l-importazzjonijiet mal-esportazzjonijiet jew li jżidu l-kontenut lokali tal-prodotti li jimmanifatturaw fl-Arġentina, jew li ma jittrasferux id-dħul barra minn pajjiżhom. Din il-prattika hija sistematika, mhux bil-miktub u mhux trasparenti. L-aċċettazzjoni mill-importaturi li jwettqu din il-prattika tidher li hija kundizzjoni għall-kisba tal-liċenzja li tippermetti l-importazzjonijiet tal-oġġetti tagħhom. Dawn il-miżuri jdewmu jew iwaqqfu l-oġġetti fil-fruntiera u minħabba f'hekk l-industrija fl-UE u fid-dinja ġġarrab telf kbir.

Ir-restrizzjonijiet li kienu stabbiliti fl-2011 affettwaw madwar EUR 500 miljun mill-esportazzjonijiet fl-istess sena. Mill-2012, l-estensjoni tal-miżuri għall-prodotti kollha żiedet l-ammont tal-kummerċ potenzjalment affettwat lill-esportazzjonijiet kollha mill-UE lejn l-Arġentina, u dan kien jammonta għal EUR 8.3 biljun fl-2011. L-impatt fuq żmien twil ta’ kummerċ u klima ta’ investiment negattivi huwa ferm ogħla.

L-UE, flimkien mal-imsieħba kummerċjali ewlenin fid-dinja, qajmet il-kwistjoni mal-Arġentina b’mod ripetut fis-snin li għaddew mingħajr suċċess.

Kuntest

Fatti u ċifri tal-kummerċ

Il-kummerċ tal-oġġetti (b’impatt dirett li rriżulta mill-miżuri restrittivi u soġġetti għal dan il-każ tad-WTO)

  • Esportazzjonijiet ta’ oġġetti mill-UE lejn l-Arġentina fl-2011: EUR 8.3 biljun

  • L-importazzjonijiet ta’ oġġetti lejn l-UE mill-Arġentina fl-2011: EUR 10.7 biljun

L-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Arġentina jikkonsistu primarjament fi prodotti agrikoli (ikel u annimali ħajjin, 53%), sustanzi kimiċi (16%) u materja prima (14%), filwaqt li l-UE l-aktar tesporta oġġetti manifatturati bħal pereżempju l-makkinarju u t-tagħmir tat-trasport bħal pereżempju l-karozzi u l-parts tal-karozzi (50%) u s-sustanzi kimiċi (20%) lejn l-Arġentina.

Il-kummerċ fis-servizzi kummerċjali

  • Esportazzjonijiet ta’ servizzi mill-UE lejn l-Arġentina fl-2010: EUR 3 biljun

  • L-importazzjonijiet ta’ servizzi lejn l-UE mill-Arġentina fl-2010: EUR 2.1 biljun

  • L-UE għandha eċċess fil-kummerċ tas-servizzi mal-Arġentina ta’ EUR 0.9 biljun.

Il-miżuri restrittivi tal-Arġentina qegħdin jestendu għal aktar u aktar setturi; f’dan ir-rigward, u l-UE qiegħda timmonitorja mill-qrib ukoll is-settur tas-servizzi u qiegħda tevalwa sa fejn ġie affettwat.

Il-passi li jmiss fil-proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO

It-talba għal konsultazzjonijiet tibda tilwim b’mod formali skont il-fehim tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. Il-konsultazzjonijiet jagħtu lill-UE u lill-Arġentina l-opportunità li jiddiskutu l-kwistjoni u li jsibu soluzzjoni sodisfaċenti mingħajr ma jsir użu ta’ litigazzjoni.

Jekk dawn il-konsultazzjonijiet ma jilħqux soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 60 jum, l-UE tista’ titlob li jiġi stabbilit Panel tad-WTO biex jiddeċiedi dwar il-legalità tal-miżuri tal-Arġentina.

Għal aktar informazzjoni

Skeda Informattiva

Dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Arġentina

Statistika tal-kummerċ UE-Arġentina

Kuntatti:

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Helene Banner (+32 2 295 24 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website