Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Antitrust: Rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni juri li l-infurzar tal-kompetizzjoni madwar l-UE huwa ta' benefiċċju għall-partijiet kollha fis-settur tal-ikel

Brussell, l-24 ta’ Mejju 2012 - In-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN) ippubblika rapport li juri li l-infurzar attiv tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar l-Ewropa, b'mod partikolari fil-livelli tal-ipproċessar u l-manifattura, ġab benefiċċju għall-bdiewa, il-fornituri u l-konsumaturi. Ir-rapport juri li s-settur tal-ikel kien prijorità għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni matul l-aħħar ftit snin u li l-azzjoni tagħhom kienu intensifikati minn meta faqqgħet il-kriżi fil-prezzijiet tal-ikel fl-2007. L-ECN jiġbor flimkien il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali tas-27 Stat Membru.

Joaquín Almunia, il-Viċi-President tal-Kummissjoni responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qal, "L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar l-Ewropa qed jaħdmu ħafna biex jiżguraw li s-swieq tal-ikel jaħdmu għall-fornituri u għall-konsumaturi bl-istess mod. Fejn kien hemm kwalunkwe mġiba antikompetittiva fi kwalunkwe livell tal-katina tal-provvista tal-ikel, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni indirizzawhom malajr. Hemm iktar affarijiet li jistgħu jsiru: Xi produtturi jistgħu jirristrutturaw u jidħlu għal attivitajiet flimkien biex isiru aktar effiċjenti filwaqt li xi pajjiżi għad għandhom ostakli regolatorji mhux meħtieġa fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma lesti li jgħinu biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livelli tal-UE u dawk nazzjonali."

Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif il-kompetizzjoni taħdem fis-settur tal-ikel fuq il-bażi tal-attivitajiet l-aktar reċenti mwettqa kemm mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni f’dan il-qasam (ara MEMO/12/373)

Mill-2004 sal-2011,l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni investigaw aktar minn 180 każ ta' antitrust, ħadu kważi 1 300 deċiżjoni ta' fużjoni u ħadu aktar minn 100 azzjoni ta' monitoraġġ. L-akbar għadd ta' każijiet kienu jikkonċernaw l-ipproċessar u l-manifattura u, sa ċertu punt, il-livelli tal-bejgħ bl-imnut. Aktar minn 50 kartell li jinvolvu l-iffissar tal-prezzijiet, allokazzjoni tas-suq u tal-konsumatur, u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar in-negozju ġew ipprojbiti, kif ġara wkoll bil-prattiki esklużjonarji li ħadmu kontra l-bdiewa jew il-fornituri.

Fl-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom l-awtoritajiet tal-Kompetizzjoni, analizzaw kif is-swieq tal-ikel qed jaħdmu. Ħafna minn dan ix-xogħol wera li kien hemm bosta spejgazzjonijiet għal żviluppi sfavorevoli tas-suq minbarra nuqqas ta' kompetizzjoni fost l-atturi fis-suq.

L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni talbu wkoll għal riforma regolatorja bħall-emenda jew ir-revoka ta' liġijiet li jxekklu l-iżvilupp ta’ ħwienet ta' bejgħ bl-imnut u l-adozzjoni ta' kodiċijiet jew liġijiet biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti.

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni stiednu lill-produtturi biex iżidu l-effiċjenzi u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-valur permezz, fost affarijiet oħra, il-ħolqien ta’ kooperattivi.

Is-settur tal-ikel se jibqa' prijorità għolja tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni. Bħalissa huma qed jinvestigaw 60 każ ieħor ta' antitrust u qed iwettqu monitoraġġ ta' azzjonijiet ulterjuri. Bħal fl-imgħoddi, dawn se jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni u se jiżviluppaw aktar din il-kooperazzjoni fil-futur.

Kuntest

Ir-rapport iwieġeb għat-talbiet mill-Membri tal-Parlament Ewropew għal spjegazzjonijiet dwar l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel. Isegwi wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar tħaddim aħjar tal-katina tal-provvista alimentari tat-28 ta’ Ottubru 2009.

Il-Komunikazzjoni tappella għal approċċ komuni fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni biex jiskopru b’mod aħjar il-problemi endemiċi speċifiċi fis-swieq tal-ikel u jikkoordinaw azzjonijiet futuri.

The report is available at: http://ec.europa.eu/competition/ecn/documents.html

Kuntatti :

Antoine Colombani (+32 2 297 45 13)

Marisa Gonzalez Iglesias (+32 2 295 19 25)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website