Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw pjanijiet nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom

Commission Européenne - IP/12/499   23/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw pjanijiet nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom

Brussell, it-23 ta' Mejju 2012 – Il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-Istati Membri tal-UE, f'rapport li ġie adottat illum, biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom biex itejbu l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-10 sa 12-il miljun Rom fl-Ewropa. L-Istati Membri żviluppaw dawn il-pjanijiet bi tweġiba tal-Qafas tal-UE tal-Kummissjoni għall-istrateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom adottat fil-5 ta' April 2011 (ara IP/11/400, MEMO/11/216) li kien approvat mill-mexxeja tal-UE ftit wara (IP/11/789).

Il-Qafas tal-UE jidentifika erba' pilastri fejn hemm bżonn sforzi nazzjonali biex titjieb l-integrazzjoni tar-Rom: aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. Għall-ewwel darba, l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom biex jiżviluppaw approċċ integrat madwar dawn l-erba' oqsma ta' politika u fasslu strateġiji nazzjonali biex jindirizzaw dawn l-oqsma ta' prijorità.

Fir-rapport tal-lum, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istati Membri għamlu sforz biex jiżviluppaw approċċ komprensiv għall-integrazzjoni tar-Rom. Madankollu, ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza li għad baqa' ħafna xi jsir meta wieħed jiġi biex jassigura biżżejjed fondi għall-inklużjoni tar-Rom, biex jitwaqqfu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni.

"Il-Fatt li l-Istati Membri wettqu l-impenn tagħhom u ppreżentaw l-istrateġiji tal-integrazzjoni tar-Rom hi aħbar tajba. Il-preżentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali huwa l-ewwel pass u wieħed importanti," qalet il-Kummissarju tal-UE tal-Ġustizzja Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni. "Madankollu l-Istati Membri issa jeħtieġ li jħaffu l-pass u jsaħħu l-isforzi tagħhom b'miżuri aktar konkreti, miri espliċiti, fondi ppjanati u monitoraġġ u evalwazzjoni sodi. Għandna bżonn xi ħaġa iżjed minn strateġiji li jeżistu fuq il-karta. Għandna bżonn riżultati tanġibbli fil-politika nazzjonali biex tittejjeb il-ħajja tal-10 sa 12-il miljun Rom tal-UE.

Fi kliem László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni: "L-inklużjoni tar-Rom huwa imperattiv komuni ekonomiku, soċjali u morali tal-Ewropa, anke jekk l-isfidi li jiffaċċjaw il-komunitajiet tar-Rom ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Dan ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa tal-proposta tagħna ta' Ottubru 2011 li l-Istati Membri, għall-perjodu finanzjarju 2014-2020, għandu jkollhom fis-seħħ strateġija xierqa tal-inklużjoni tar-Rom qabel ma jirċievu l-flus għaliha mill-Fond Soċjali Ewropew."

Fl-istrateġiji tagħhom, l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-ħtieġa li jnaqqsu d-distakk bejn ir-Rom u n-non-Rom fl-erba' oqsma ewlenin identifikati mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ppreżentaw miżuri speċifiċi dwar kif fi ħsiebhom jilħqu l-objettivi miftiehma.

Eżempji tajbin jinkludu:

  • Il-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom fl-edukazzjoni fis-Slovenja, Spanja u l-Finlandja

  • Skemi biex jitjiebu l-impjiegi fil-Bulgarija u Spanja

  • Appoġġ tal-aċċess tar-Rom għall-kura tas-saħħa fl-Ungerija, l-Irlanda u r-Rumanija u miżuri biex titjieb l-akkomodazzjoni fi Franza u l-Ungerija (ara l-Anness għal aktar eżempji).

Aspett pożittiv ieħor hu li l-Istati Membri kollha wieġbu għas-sejħa tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti punti nazzjonali ta' kuntatt biex ikun hemm segwitu tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali. Dan juri li hemm rieda politika f'saħħitha biex wieħed jiffaċċja l-isfidi tal-integrazzjoni tar-Rom.

Madankollu, il-valutazzjoni tal-lum tenfasizza wkoll li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri sa issa naqsu millu jallokaw biżżejjed riżorsi baġitarji għall-inklużjoni tar-Rom. Huma biss 12-il pajjiż li identifikaw biċ-ċar il-fondi allokati, sew minn sorsi nazzjonali u sew jekk minn dawk tal-UE, u ppreżentaw ammonti speċifiċi għal miżuri tal-politika ta' inklużjoni fid-dokumenti tagħhom ta' strateġija (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Isvezja).

Għal kull wieħed mill-erba' oqsma ewlenin għall-integrazzjoni tar-Rom, il-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-Istati Membri u tipprovdi reazzjoni speċifika dwar kull strateġija nazzjonali, fejn tenfasizza l-elementi ewlenin u tidentifika n-nuqqasijiet prinċipali.

Il-Kummissjoni se tivvaluta regolarment il-passi li jittieħdu mill-Istati Membri bħala segwitu għar-rapport tal-lum. Il-Kummissjoni se tippubblika rapporti annwali ta' progress dwar miżuri li jkunu ttieħdu fil-livell nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-UE. Dawn ir-rapporti ta' progress mhux biss se jżommu b'mod sod l-integrazzjoni tar-Rom fuq l-aġenda, imma wkoll biex se jpoġġu pressjoni tal-pari fuq l-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll azzjonijiet li huma stess ikunu ħabbru fl-istrateġiji tagħhom.

Kuntest

Ir-Rom - l-akbar minorità fl-Ewropa - huma ta' spiss vittmi ta' razziżmu, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali. Ħafna tfal Rom għadhom jiġru fit-toroq minflok imorru l-iskola. Ir-Rom ta' spiss ma jingħatawx ċans bħall-oħrajn fis-suq tax-xogħol. In-nisa Rom għadhom vittmi ta' vjolenza u sfruttament.

Rapport maħruġ illum mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fi ħdax-il Stat Membru, (ara: http://fra.europa.eu) juri li minn dawk ir-Rom li ġew mistħarrġa, wieħed minn kull tlieta huma bla xogħol, 20% mhumiex koperti bl-assigurazzjoni tas-saħħa, u 90% qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar. Bosta jiffaċċjaw preġudizzju, intolleranza u esklużjoni soċjali f'ħajjithom ta' kuljum. Huma mogħtija l-ġenb u l-biċċa l-kbira tagħhom jgħixu f'kundizzjonijiet soċjoekonomiċi foqra.

Il-gvernijiet jitilfu minn introjtu u produttività akbar minħabba li talent potenzjali jkun qed jinħela. F'dawn iż-żminijiet ta' kriżi, integrazzjoni ekonomika u soċjali aħjar taċ-ċittadini kollha tal-UE hija għalhekk imperattiva – imma sabiex tkun effettiva, hemm bżonn azzjoni kkonċentrata fil-livelli kollha biex tindirizza l-kawżi multipli tal-esklużjoni. Riċerka mill-Bank Dinji tindika li l-integrazzjoni kompleta tar-Rom tista' tissarraf f'mill-anqas EUR 0.5 biljun kull sena għall-ekonomiji ta' xi pajjiżi permezz ta' titjib fil-produttività, ta' tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u ta' żieda tad-dħul mit-taxxi.

L-għan tal-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom huwa li jagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini Rom billi jġib bidla fl-approċċ għall-inklużjoni tagħhom. Minflok approċċ imferrex li jiffoka fuq proġetti individwali, il-Qafas tal-UE għall-ewwel darba jtella' l-inklużjoni tar-Rom fil-livell tal-UE u jorbotha biċ-ċar mal-istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir. Barra minn hekk, il-programmi nazzjonali tar-riforma fi ħdan is-semestru Ewropew se jkunu miflija sew għall-koerenza mal-istrateġijiet tal-integrazzjoni tar-Rom u – fejn ikun meħtieġ – l-Istati Membri se jintalbu biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-inklużjoni tar-Rom fil-programmi nazzjonali tagħhom ta' riforma.

Ħafna mill-oqsma għat-titjib tal-integrazzjoni tar-Rom – bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni - huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali jew reġjonali. Madankollu, l-UE għandha rwol importanti li tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u li tgħin bi strument ta' finanzjament, inklużi l-Fondi Soċjali u Strutturali.

Aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni ta' Politika tal-lum u r-Rapport dwar l-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/Rom

Verżjoni tal-istrateġiji nazzjonali kif ippreżentati mill-Istati Membri tista' tinsab hawn:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/Rom/national-strategies/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-ĠustizzjaViviane Reding: http://ec.europa.eu/reding

Il-paġna ewlenija ta' László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-DĠ Ġustizzja

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Fond Soċjali Ewropew: Rom: http://ec.europa.eu/esf/main.jsp?catId=63

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)

Anness: Eżempji ta' miżuri nazzjonali biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fl-erba' oqsma ta' prijorità identifikati fil-Qafas tal-UE

1) L-edukazzjoni

Is-Slovenja qed tuża assistenti u medjaturi Rom u qed tfittex li tinkludi tfal Rom fl-edukazzjoni ta' qabel l-iskola biex ittejjeb ir-rata ta' tlestija tar-Rom fl-edukazzjoni in ġenerali (bħalissa 18.7% tar-Rom meta mqabbla mal-medja ta' 54.3% tan-non-Rom f'Ljubljana).

Spanja qiegħda twaqqaf programmi ġodda ta' medjazzjoni biex jgħinu jonqos it-tluq kmieni mill-iskola u l-assenteiżmu (fl-edukazzjoni primarja, l-għan huwa li dan jitnaqqas minn 22.5% illum għal 15% sal-2015 u sa 10% sal-2020).

Il-belt ta' Kauhajoki fil-Finlandja qed tuża għalliema li ġejjin minn kuntest tar-Rom biex jgħinu lit-tfal u lill-familji tagħhom fil-livelli ta' qabel l-iskola u dak tal-iskola komprensiva kif ukoll biex jappoġġjaw lill-adulti żgħażagħ fi studji ulterjuri u biex ifittxu impjieg.

2) Impjiegi

Spanja qed timmira li żżid ir-rata ta' impjiegi tar-Rom minn 44% (fl-2011) sa 50% fl-2015 u 60% fl-2020, bit-twaqqif ta' objettiv speċifiku għan-nisa Rom, permezz ta' programmi li jippromwovu l-ħiliet u l-aċċess għat-taħriġ.

L-Awstrija tippromwovi l-aċċess għaż-żgħażagħ Rom għas-suq tax-xogħol permezz ta' proġett li jinkludi xogħol komunitarju, kowċing u taħriġ. L-għan hu li jgħinu lir-Rom isibu impjeig, inkluż xogħol għal rashom.

Il-Bulgarija qed iżżid in-numru ta' Rom fl-impjiegi, partikolarment bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew, billi torganizza korsijiet ta' taħriġ biex ittejjeb l-impjegabbiltà ta' 28 000 ruħ u billi tħarreġ 1 500 ruħ fil-maniġment u l-intraprenditorija.

3) Kura tas-saħħa

L-Ungerija timmira li tħarreġ 2 000 mara Rom bħala ħaddiema soċjali ta' appoġġ għall-familja, żviluppaturi tal-komunità, faċilitaturi tal-impjiegi u medjaturi fil-kura tas-saħħa bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew.

L-Irlanda għamlet disponibbli firxa wiesgħa ta' servizzi tas-saħħa mmirati għall-Vjaġġaturi, bħal Unitajiet tas-Saħħa għall-Vjaġġaturi u Proġetti rigward Servizzi tas-Saħħa Primarja (inklużi medjaturi tas-saħħa u infermiera mill-qasam tas-saħħa pubblika għall-Vjaġġaturi).

Ir-Rumanija qed timpjega madwar 450 medjatur tas-saħħa biex iżżid l-aċċess tar-Rom għas-servizzi pubbliċi tas-saħħa. Ir-rwol tagħhom huwa li jiffaċilitaw id-djalogu bejn ir-Rom u l-istituzzjonijiet mediċi u l-persunal mediku. Huma jappoġġjaw attivament lir-Rom biex jiksbu dokumenti ta' identifikazzjoni, assigurazzjoni tas-saħħa, u reġistrazzjoni ma' tobba tal-familja.

4) L-akkomodazzjoni

Fir-Renju Unit, l-awtoritajiet ta' Wales stabbilew miżuri speċifiċi biex itejbu l-akkomodazzjoni u l-aċċess tar-Rom u tal-Vjaġġaturi għas-servizzi. Il-Gvern ta' Wales żied il-finanzjament lill-awtoritajiet lokali għat-tisbiħ u l-ħolqien ta' siti ġodda minn 75% sa 100%.

L-Ungerija qed ittejjeb il-kundizzjonijiet soċjali, komunitarji, edukattivi, sanitarji, tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni għal dawk li qed jgħixu f'ambjent segregat permezz ta' programmi integrati bl-użu kemm tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew kif ukoll tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

Franza, żviluppat proġetti ta' "villaġġi ta' inseriment" (insertion villages) bl-għan li jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ persuni żvantaġġjati, inklużi r-Rom, li jgħixu f'insedjamenti illegali. Il-proġetti se jiġu replikati minn diversi awtoritajiet lokali bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site