
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa
L-Ambjent: Il-Ġimgħa l-Ħadra tiftaħ fi Brussell
Brussell, it-22 ta' Mejju 2012 – Illum ingħata bidu għall-akbar konferenza Ewropea dwar l-ambjent bl-islogan "L-isfida tal-ilma - Kull qatra tgħodd". L-edizzjoni tal-Ġimgħa l-Ħadra ta’ din is-sena hija ddedikata għall-ilma, u se tara madwar 3000 parteċipant jinġabru għal tlitt ijiem biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-ilma. Il-partijiet interessati, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, ir-rappreżentanti tal-gvern u l-uffiċjali tal-UE se jfittxu soluzzjonijiet għall-problemi ewlenin rigward l-ilma, bħal kif għandha titħares id-disponibbiltà ta' ilma ta' kwalità tajba fi sfond ta' tkabbir mgħaġġel fil-popolazzjoni u bidla fil-klima dejjem aktar evidenti. L-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji se juru l-aqwa prattiki f'esibizzjoni ta’ 52 stand, u għadd kbir ta’ avvenimenti sekondarji inkluż il-wirjiet tal-films “La Soif du monde”, "Oceans", u “Africa Turns Green”. Matul din il-ġimgħa se jkun hemm ukoll l-għoti tal-"European Business Awards for the Environment",, li jonoraw kumpaniji innovattivi li jirnexxilhom jamalgamaw b'suċċess l-innovazzjoni, il-kompetittività u prestazzjoni ambjentali importanti, u t-tielet Konferenza Ewropea dwar l-Ilma, avveniment għal partijiet interessati ta’ livell għoli.
Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Litteralment, l-ilma huwa riżorsa vitali u l-attività umana qed ikollha impatt enormi fuqu. Matul il-Ġimgħa l-Ħadra nittama li mijiet ta’ esperti u partijiet interessati li jinsabu miġbura hawnhekk, jgħinu fl-iżvilupp kemm tal-politiki eżistenti kif ukoll ta’ ideat ġodda biex din ir-riżorsa prezzjuża titħares għalina lkoll.".
Stħarriġ riċenti tal-Kummissjoni Ewropea juri li sebgħa minn kull 10 Ewropej jaħsbu li l-problemi relatati mal-ilma huma ta’ tħassib serju. It-tniġġis minn sorsi puntwali jew imxerrda, l-estrazzjoni żejda tal-ilma u l-alterazzjonijiet tax-xmajjar u l-lagi jipperikolaw l-isforzi biex jinkiseb status tajjeb għall-ilmijiet Ewropej sal-2015. Diżastri naturali relatati mal-ilma bħan-nuqqas ta’ xita u l-għargħar saru aktar frekwenti u aktar ħorox f’partijiet kbar tal-kontinent tagħna, u l-ħruxija u l-frekwenza tagħhom hija mistennija li tiżdied minħabba t-tibdil fil-klima u t-tibdil fl-użu tal-art. Il-Ġimgħa l-Ħadra se tippreżenta viżjoni ta’ politiki tal-UE relatati mal-ilma, u se tikkonsidra kif għandhom jevolvu biex jegħlbu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom aktar ’il quddiem.
L-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa se jikkontribwixxu għall-pjan ta’ azzjoni għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma Ewropej (“Blueprint”) skedata għal Novembru ta’ din is-sena. Bħala pass fil-proċess ta’ tħejjija għall-Blueprint, il-Ġimgħa l-Ħadra se tospita t-tielet Konferenza Ewropea dwar l-Ilma, pjattaforma għall-konsultazzjoni u d-dibattitu bejn għadd kbir ta’ partijiet interessati dwar l-ilma, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. Se tkun disponibbli xandira diretta fuq il-websajt tal-konferenza. Il-Programm tal-Konferenza jinsab fuq:
http://waterblueprint2012.eu/programme.
Il-Blueprint, li għandha l-għan li fuq terminu twil tiżgura d-disponibbiltà ta’ ilma ta’ kwalità tajba għall-użu sostenibbli u ekwu tal-ilma, se tifforma r-risposta tal-politika l-ġdida tal-UE għall-isfidi li jiċċirkondaw l-ilma bħala riżorsa.
Sfond
It-12-il edizzjoni tal-Ġimgħa l-Ħadra, l-akbar konferenza annwali dwar il-politika ambjentali Ewropea, se sseħħ mit-22 sal-25 ta’ Mejju 2012 fi Brussell. Il-kelliema ewlenin jinkludu:
Janez Potočnik, il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent
Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika
Ida Auken, il-Ministru Daniż għall-Ambjent
Mark Mwandosya, il-Ministru għall-Ilma u l-Irrigazzjoni, it-Tanzanija
Maria Emily Lubega Mutagamba, il-Ministru għall-Ilma u l-Ambjent, l-Uganda
Fritz Holzwarth, id-Deputat Direttur Ġenerali, il-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Ġermanja
Angél Gurria, is-Segretarju Ġenerali, OECD
Michel Candotti, Konsulent Prinċipali tad-Direttur Eżekuttiv, UNEP
Igor Volodin, Kap tal-Unità tal-Ġestjoni tal-Ilma, UNIDO
Monica Scatasta, Viċi Konsulent dwar l-Ekonomija, Taqsima tal-Ġestjoni tal-Ilma u l-Iskart, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
Staffan Nilsson, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Tony Long, id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Politika Ewropea, WWF
Saskia Richartz, Direttur tal-Politika tal-UE dwar l-Oċeani, Greenpeace
Valérie Ndaruzaniye, President, l-Istitut Globali tal-Ilma (GWI)
Għal iktar tagħrif ara:
Biex tara l-programm tal-Ġimgħa l-Ħadra 2012 u ssegwi s-sessjonijiet diretti, żur:
http://ec.europa.eu/environment/greenweek/
Kuntatti : Joe Hennon (+32 2 295 35 93) Monica Westeren (+32 2 299 18 30) |