Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Ftehim ġdid bejn imsieħba soċjali jwitti t-triq għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fis-settur tas-sajd

Brussell, il-21 ta’ Mejju 2012 – Illum, rappreżentanti tat-Trejdunjins u tal-Unjins ta’ min iħaddem fl-Unjoni Ewropea fis-settur tas-sajd tal-baħar iffirmaw ftehim sabiex jiżguraw li s-sajjieda jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin abbord il-bastimenti tas-sajd fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għal kundizzjonijiet ta’ servizz, ta’ akkommodazzjoni u ikel, ta’ sikurezza okkupazzjonali u l-ħarsien tas-saħħa, il-kura medika, u s-sigurtà soċjali. Dan il-ftehim jimplimenta fil-livell tal-UE l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar "Xogħol fis-settur tas-sajd”.

Dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tal-UE biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment. L-imsieħba soċjali tal-UE beħsiebhom jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta l-Ftehim tagħhom lill-Kunsill tal-Ministri tal-UE sabiex dan jiġi implimentat permezz ta’ Direttiva tal-UE skont l-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, u b’hekk ir-regoli jsiru vinkolanti legalment fl-UE u r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-ILO tkun tista’ ssir aktar malajr.

Il-Ftehim ġie ffirmat minn Javier Garat, il-President ta’ Europêche, u Giampaolo Buonfiglio, f’isem Cogeca, bħala l-President tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sajd tal-Copa-Cogeca għal min iħaddem. Eduardo Chagas, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema fit-Trasport (European Transport Workers Federation -ETF) iffirma bħala r-rappreżentant tal-impjegati. Il-ftehim ġie ffirmat fil-Konferenza tal-Jum Marittimu Ewropew, li saret bejn il-21 u t-22 ta’ Mejju f’Gotenberg, l-Isvezja.

Il-Kummissarju inkarigata mill-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd, Maria Damanaki, li kienet preżenti waqt l-iffirmar, qalet: "Dan il-ftehim huwa l-pass ewlieni sabiex l-Istati Membri tal-UE jkunu legalment marbuta li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għas-sajjieda fl-Ewropa. Japplika, bi prinċipju, għall-bastimenti kollha tas-sajd u għas-sajjieda kollha, inkluż għall-ekwipaġġi multinazzjonali. Jobbliga lill-awtoritajiet li jissorveljaw jekk ir-regoli hux qed jitħarsu, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti. Li nagħmlu s-sajd iktar sikur u aktar attraenti bħala professjoni huwa wieħed mill-miri tar-riforma li għaddejja bħalissa dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.”

Il-Kummissarju inkarigat mill-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor, qal: "Nilqa’ bil-ferħ dan il-ftehim sabiex jistabbilixxi parametri referenzjarji ċari għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fis-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd. Il-ftehim huwa turija ta’ kif djalogu soċjali jista’ jkollu rwol importanti fit-tfassil tar-regolamenti tal-UE."

Sfond

Il-globablizzazzjoni kellha impatt qawwi fuq is-settur tas-sajd u jeħtieġ li d-drittijiet tas-sajjieda jiġu promossi u mħarsa. Ir-riskju ta’ aċċident li jikkawża mewt jew korriment huwa 2.4 drabi akbar fis-settur tas-sajd tal-baħar mill-medja tal-industriji kollha tal-UE. L-industrija tas-sajd tirrappreżenta 7 % tal-imwiet kollha fuq ix-xogħol fid-dinja, ukoll jekk, bi 355 000 persuna li jaħdmu fis-sajd, tirrappreżenta inqas minn 0.2 % tal-ħaddiema fl-UE. Is-settur tas-sajd huwa sors ewlieni ta’ impjieg f’xi Stati Membri (il-Greċja 1.5 %) u reġjuni (bħal Galicia, fi Spanja 3 %) jew komunitajiet kostali (bħal Killybegs, fl-Irlanda 68 %).

Il-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO tiġbor u tikkompleta Konvenzjonijiet oħra tal-ILO li diġà daħlu fis-seħħ, u tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, inklużi akkommodazzjoni u ikel, saħħa u sikurezza, kura medika, kundizzjonijiet kuntrattwali u sigurtà soċjali. Il-konvenzjoni hija ssupplimentata mir-Rakkommandazzjoni Nru 199 tal-ILO. Għalkemm ġiet adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-ILO f’Ġunju 2007, il-Konvenzjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ, għax jeħtieġ li tiġi ratifikata minn talanqas għaxar firmatorji.

It-Trattat tal-UE jagħti lill-imsieħba soċjali tal-UE s-setgħa li jitolbu li ftehim ffirmat minnhom isir liġi tal-UE permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, u b’hekk isir vinkolanti legalment fl-Istati Membri tal-UE kollha. Dan il-ftehim mhux biss ser jirrinforza l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO, iżda ser iwitti t-triq ukoll għar-ratifika sħiħa tiegħu mill-Istati Membri tal-UE sa tmiem l-2012, sabiex il-Konvenzjoni tkun tista’ tidħol fis-seħħ fid-dinja kollha fl-2013.

Il-ftehim isegwi negozjati bejn l-imsieħba soċjali Ewropej fis-settur tas-sajd tal-baħar (Europeche- COGECA jirrappreżentaw lil min iħaddem u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema fit-Trasport tirrappreżenta lill-impjegati) li tnedew fl-2010.

Jeħtieġ li kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE jiġu adottati qabel ma ssir ir-ratifika tal-Konvenzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tat bidu għal proċess leġiżlattiv permezz ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fl-2007. Fis-7 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-UE, il-Konvenzjoni tal-ILO li permezz tagħha "L-Istati Membri huma mistennija jagħmlu sforzi biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Konvenzjoni....kemm jista' jkun malajr, preferibbilment qabel il-31 ta’ Diċembru 2012".

Li jiġi stabbilit qafas legali huwa biss l-ewwel pass. L-Istati Membri tal-UE għandhom jiżguraw – permezz ta’ kontrolli u spezzjonijiet – li r-regoli jitħarsu. Huwa ċar li dan japplika mhux biss għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE, iżda wkoll għal bastimenti li jtajru bandiera tal-Istati li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni, meta jidħlu f’port tal-UE.

Il-Kummissjoni ser tgħin lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenji tagħhom. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għas-Sajd u ,sa mill-2014, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, ser jassistu finanzjarjament lill-industrija tas-sajd biex tittejjeb is-sikurezza fuq il-bastimenti u biex il-ħaddiema jattendu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ.

Studju riċenti ta’ 24 komunità kostali fl-Ewropa juri li l-flotot qegħdin jiltaqgħu dejjem iżjed ma’ diffikultajiet biex jgħaqqdu ekwipaġġ b’nies lokali, bi kwalifiki tajbin u qed ikollhom jirrikorru għal nies mhux mill-UE – fil-flotot ta’ skala żgħira – u jużaw ħaddiema li jkomplu jaħdmu saħansitra wara l-età legali tal-irtirar. Dan l-istudju juri li s-sajd huwa sempliċement karriera li ma toffrix prospetti attraenti. Qabdiet dejjem jonqsu – u għalhekk prospetti b’inċertezza – u pagi relattivament baxxi huma biss parti mill-kawża. Tħassib dwar is-sikurezza u l-kundizzjonijiet diffiċli ta’ xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd huma parti oħra tal-problema.

Aktar tagħrif

Il-Politika dwar is-Sajd http://ec.europa.eu/fisheries

Jum Marittimu Ewropew http://ec.europa.eu/maritimeday

Politiki dwar Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/

Sit tal-internet ta’ László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Inkiteb bla ħlas fin-newsletter bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website