Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-impjieg: Il-Kummissjoni tniedi proġett bi prova “L-ewwel Impjieg EURES Tiegħek” biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg

Brussell, il-21 ta’ Mejju 2012 –Il-Kummissjoni Ewropea nediet proġett bi prova biex tgħin liż-żgħażagħ isibu xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE. Fil-fażi inizjali tiegħu “L-ewwel Impjieg EURES Tiegħek” se jimmira li jtejjeb il-mobbiltà minn pajjiż għal ieħor għal 5 000 ruħ. Dan se jservi wkoll bħala stadju ta’ prova biex il-EURES – in-netwerk tas-servizzi tal-impjieg tal-Istati Membri – jiġi ttrasformat aktar f’servizz tal-impjiegi pan-Ewropew.

Kif tħabbar fil-Pakkett għall-Impjiegi tal-Kummissjoni f’April 2012 (ara IP/12/380), il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb il-EURES biex tipprovdi aktar trasparenza fir-rigward tas-suq tax-xogħol Ewropew u tiggwida lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg u lil dawk li jixtiequ jibdlu l-impjieg lejn fejn qegħdin l-impjiegi. Se jipprovdi wkoll aċċess eħfef u f’ħin attwali għall-postijiet vakanti fl-UE, filwaqt li jippreżenta ġabra ta’ ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa lil min iħaddem.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni László Andor qal "Il-proġett bi prova “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” jimmarka l-ewwel passi tagħna lejn servizz ta’ tiftix ta’ impjieg li jgħin lin-nies isibu impjieg f’pajjiżi Ewropej oħra. L-għoti ta’ għajnuna lil persuni bil-ħiliet rilevanti biex isibu impjieg f’pajjiżi oħra fejn hemm domanda għal dawn il-ħiliet, jista’ jkun parti mis-soluzzjoni għall-kriżi tal-qgħad fl-Ewropa."

Bħala parti mill-iskema “l-ewwel impjieg EURES”, erba’ servizzi tal-impjiegi magħżula, mill-Ġermanja, Spanja, id-Danimarka u l-Italja se jgħinu liż-żgħażagħ ifittxu impjieg fi Stati Membri differenti minn dak li jgħixu fih. Bħala parti mill-iskema, ċittadini żgħażagħ tal-UE ta' bejn l-etajiet ta’ 18 u 30 sena se jingħataw l-informazzjoni u l-għajnuna għar-reklutaġġ tagħhom, kif ukoll il-possibbiltà ta’ għajnuna finanzjarja għall-applikazzjoni jew għat-taħriġ tagħhom. In-negozji żgħar u ta’ daqs medju, jiġfieri kumpaniji li jimpjegaw sa 250 ħaddiem, jistgħu japplikaw għall-għajnuna finanzjarja biex tkopri parti mill-ispejjeż tat-taħriġ ta’ ħaddiema li jkunu għadhom kif ġew reklutati u biex jiġu megħjuna jintegraw.

L-Osservatorju Ewropew tal-Postijiet Vakanti u l-Bullettin Ewropew dwar il-Mobbiltà fl-Impjieg – li ġew ippubblikati llum, jikkontribwixxu wkoll biex ilaqqgħu lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u l-impjiegi b’mod transkonfinali. L-Osservatorju Ewropew tal-Postijiet Vakanti jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-iżviluppi reċenti fis-suq tax-xogħol Ewropew u juri t-tendenzi fid-domanda għall-impjiegi. L-Osservatorju juri li, attwalment, livell ogħla ta' ħiliet għadu fattur importanti biex wieħed ikollu opportunitajiet ta' impjieg, filwaqt li għadd ta' pajjiżi li qed jiżdied qed jesperjenzaw numru li qed jonqos ta' postijiet vakanti.

Il-Bullettin dwar il-Mobbiltà fl-Impjieg janalizza l-postijiet vakanti li jitpoġġew fuq il-portal tal-impjiegi EURES u jindika fejn jinsabu l-aħjar opportunitajiet ta' xogħol. Attwalment juri li l-akbar domanda fl-UE hija għal persuni li jbigħu, għall-professjonisti fil-finanzi u għall-ħaddiema li joffru servizzi ta' tindif u fir-ristoranti.

Kuntest

Attwalment aktar minn 5,5 miljun żagħżugħ Ewropew qed ifittxu impjieg.

Il-paġna tal-internet “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” hija disponibbli fil-portal Europa fuq: http://ec.europa.eu/social/yourfirsteuresjob. Din tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tas-servizzi ta’ impjieg tal-“Ewwel impjieg EURES tiegħek”, kif ukoll dettalji dwar kif tipparteċipa. Fis-sit hemm ukoll gwida għall-utenti, fuljett u vidjow li jagħtu informazzjoni dettaljata dwar din l-inizjattiva l-ġdida fil-livell tal-UE.

Id-dejta għall-Osservatorju Ewropew tal-Postijiet Vakanti tittieħed minn firxa wiesgħa ta’ sorsi: mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, aġenziji tax-xogħol temporanju, servizzi onlajn, l-istatistika dwar il-postijiet vakanti tal-uffiċċju tal-istatistika tal-UE (l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol), l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u riċerka oħra rilevanti.

Il-Bullettin dwar il-Mobbiltà fl-Impjieg, li joħroġ erba’ darbiet f’sena bħall-Osservatorju Ewropew tal-Postijiet Vakanti, huwa parti mill-Pakkett għall-Impjiegi li huwa mfassal speċifikament għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg barra mir-reġjun/pajjiż nattiv tagħhom, u anki lejn il-konsulenti tal-EURES bil-għan li jgħinuhom.

Għal aktar informazzjoni

Ara wkoll MEMO/12/363

L-ewwel impjieg EURES tiegħek: http://ec.europa.eu/social/yourfirsteuresjob

EURES: http://ec.europa.eu/eures

Żgħażagħ Attivi: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=950&langId=en

L-Inizjattavita dwar l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ: http://ec.europa.eu/social/yoi

L-Osservatorju Ewropew tal-Postijiet Vakanti:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1283&furtherNews=yes

Is-sit tal-internet ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Abbona għan-newsletter b’xejn tal-Kummissjoni Ewropea, li tintbagħat bil-posta elettronika, dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni:

http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website