Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej ġdida – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir billi l-konsumatur jitqiegħed fiċ-ċentru tas-Suq Uniku

Brussell, it-22 ta' Mejju 2012 – In-nefqa tal-konsumatur, li tammonta għal 56% tal-PDG tal-UE, tirrifletti s-saħħa enormi li għandu l-konsumatur biex imexxi ’l quddiem l-ekonomija Ewropea. Huwa biss il-konsumatur imsaħħaħ u kunfidenti li jista' jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tas-Suq Uniku b'mod li jaġevola l-innovazzjoni u t-tkabbir. Huwa għalhekk li l-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tal-UE dwar il-konsumatur għas-snin li ġejjin – adottata llum - hija mmirata li timmassimizza l-parteċipazzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-suq. Mibnija madwar erba' objettivi ewlenin, l-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur timmira li tkabbar il-fiduċja billi: tkompli ssaħħaħ is-sikurezza tal-konsumatur; tkabbar l-għarfien; tintensifika l-infurzar u tiżgura rimedju; tallinja d-drittijiet u l-politiki tal-konsumatur mal-bidliet fis-soċjetà u fl-ekonomija. L-Aġenda tippreżenta wkoll għadd ta' azzjonijiet ewlenin biex jiġu implimentati bejn illum u l-2014.

"It-tkabbir fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ kemm provvista kompetittiva kif ukoll domanda qawwija. Għalhekk il-konsumaturi għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki Ewropej bl-istess mod bħan-negozji. Neħtieġu konsumaturi kunfidenti biex imexxu 'l quddiem l-ekonomija Ewropea", qalet Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Irridu nistimulaw ix-xiri transkonfinali onlajn, u hu proprju għalhekk li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jqarrbu d-drittijiet tal-konsumatur lejn l-era diġitali. Fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u fil-proposta għal regoli modernizzati dwar il-protezzjoni tad-dejta għamilna l-ewwel pass biex nagħtu spinta lill-fiduċja tal-konsumatur onlajn. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li timmodernizza r-regoli tal-UE dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar tal-1990 hekk li jitqies iktar il-fatt li aktar u aktar nies illum jibbukkjaw il-vaganzi tagħhom fuq il-web. Madankollu, biex ikollna suq diġitali uniku li jaqdi lill-konsumatur mhumiex biżżejjed il-liġijiet ġodda. L-Istati Membri għandhom bżonn jitfgħu iktar enerġija fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE, waħda li ma ttawwalx wisq u li mhix burokratika, hekk li d-drittijiet tal-konsumatur jissarrfu f'realtà konkreta għall-500 miljun konsumatur tagħna. "

"Fil-kuntest ekonomiku attwali, politika tal-konsumatur b'saħħitha hija neċessità. It-tisħiħ tal-500 miljun konsumatur Ewropew se jkun kontribut ewlieni għat-tkabbir fl-ekonomija Ewropea,"qal il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli. "L-istrateġija adottata llum għandha l-għan li ssaħħaħ lill-konsumaturi u tqawwilhom il-fiduċja billi tgħaddilhom l-għodod biex jipparteċipaw attivament fis-suq, biex is-suq jaqdihom fil-ħtiġijiet tagħhom, biex jeżerċitaw is-setgħa tagħhom tal-għażla u biex ikollhom id-drittijiet tagħhom infurzati kif jixraq. Se nagħmlu hekk, ngħidu aħna, billi nirrevedu l-qafas tal-UE hekk li jkun żgurat li l-prodotti u l-ikel fis-Suq Uniku ikunu sikuri, billi jkun hemm aktar infurzar tal-liġijiet tal-konsumatur tal-UE f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, billi jingħata sostenn ikbar miċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur lill-konsumaturi li jixtru b'mod transkonfinali, u billi jkun żgurat li l-interessi tal-konsumatur ikunu aktar integrati sistematikament fil-politiki tal-UE ta’ importanza ekonomika ewlenija għall-unitajiet domestiċi".

Il-konsumaturi Ewropej jibbenefikaw minn uħud mill-aktar drittijiet u protezzjoni tal-konsumatur b'saħħithom fid-dinja, sew jekk dan jinvolvi protezzjoni minn prodotti perikolużi, minn reklamar qarrieqi, minn spejjeż tar-roaming imprevedibbli jew minn prattiki suspettużi onlajn, u sew jekk qed nitkellmu fuq is-sostenn li jingħataw meta l-affarijiet imorru ħażin. Il-proposti għal Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u għal Soluzzjoni ta' Tilwim Onlajn (ADR/ODR) li hemm bħalissa fuq il-mejda għandhom jippermettu lill-konsumatur isolvi l-problemi malajr, faċilment u bi ftit flus. Eżempju ieħor hija l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar li tissimplifika, tħaffef u tnaqqas l-ispejjeż ta' litigazzjoni fit-talbiet marbuta ma' każijiet transkonfinali sa €2000. Mill-2013, permezz tal-e-Justice portal il-konsumaturi se jkunu jistgħu jimlew il-formoli għal talbiet żgħar onlajn fi kwalunkwe lingwa uffiċjali: jiġifieri se ssirilhom iktar faċli u se jkunu qed jiffrankaw aktar ħin.

Filwaqt li l-UE għandha corpus sostanzjali ta' liġi marbuta mal-konsumatur u li d-dimensjoni tal-konsumatur hija parti importanti ta’ bosta politiki tal-UE, hemm bżonn ta' qafas komprensiv li jindirizza wkoll l-isfidi imminenti bħal dawk marbuta mad-diġitalizzazzjoni tal-ħajja ta’ kuljum, max-xewqa li wieħed jersaq lejn mudelli tal-konsum aktar sostenibbli, u mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi vulnerabbli.

Erba' objettivi ewlenin

L-Aġenda tal-Konsumatur tippreżenta miżuri mfassla sabiex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, l-Ewropa 2020. Din tikkumplimenta u tkompli tibni fuq inizjattivi oħra bħal dik tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525), l-Att dwar is-Suq Uniku, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) u l-Pjan Direzzjonali għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (ara IP/11/1046). Għal dan il-għan, l-Aġenda hi mibnija madwar erba’ objettivi ewlenin maħsuba biex ikabbru l-fiduċja tal-konsumatur.

  • It-tisħiħ tas-sikurezza tal-konsumatur: għall-oġġetti, is-servizzi u l-ikel, it-tisħiħ tal-qafas regolatorju u t-twettiq tas-suq ta' sorveljanza iktar effiċjenti.

  • It-tisħiħ tal-għarfien: hekk li jlaħħaq mal-kumplessità tas-swieq, fejn il-konsumaturi għandhom bżonn tal-istrumenti u l-informazzjoni t-tajbin biex jifhmu kollox, mill-ispjjeż reali marbuta mal-kreditu tal-konsumatur sa fejn hu l-post it-tajjeb biex wieħed iressaq l-ilment tiegħu. Dan huwa importanti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti, u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur huwa ċentrali.

  • It-titjib fl-infurzar u l-iżgurar tar-rimedju, li mingħajrhom id-drittijiet ma jistgħux jeżistu fil-prattika. Dan huwa tabilħaqq relevanti meta wieħed iqis li l-ħsara mġarrba mill-konsumaturi Ewropej riżultat ta' problemi li jwasslu għal ilment hija stmata li hi madwar 0.4% tal-PDG tal-UE1. Ir-rwol tan-netwerks tal-konsumatur għall-infurzar2 huwa ċentrali.

  • L-allinjament tal-politika mal-bidliet fis-soċjetà hekk li tkun rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum: biex il-liġi tal-konsumatur tkun adattata għall-era diġitali u biex ikunu indirizzati l-problemi li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom magħhom onlajn; biex jitqiesu l-bżonnijiet tal-konsumaturi vulnerabbli; biex jiġu ffaċilitati l-għażliet sostenibbli.

Ħames setturi ewlenin

L-Aġenda ssostni l-interessi tal-konsumatur f’setturi ewlenin3.

  • L-ikel: biex ikunu żgurati s-sostenibbiltà u s-sikurezza.

  • L-enerġija: biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbu l-aħjar valur għal flushom f'suq liberalizzat u jkunu jistgħu jiġġestixxu aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom.

  • Il-finanzi: biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-konsumaturi u biex jingħatawlhom l-għodod neċessarji biex jamministraw il-finanzi tagħhom.

  • It-trasport: biex tiġi adattata l-leġiżlazzjoni għat-tendenzi moderni tal-ivvjaġġar u biex tkun sostnuta l-mobbiltà sostenibbli.

  • Is-settur diġitali: bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi u li jkun żgurat il-ħarsien tal-konsumaturi onlajn.

Għal iktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/index_mt.htm#agenda

Kif ukoll: Ir-Rapport dwar il-Politika tal-Konsumatur ippubblikat mal-Aġenda tal-Konsumatur

DĠ Ġustizzja, il-websajt tal-Liġi tal-Konsumatur u tal-Kummerċjalizzazzjoni:

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja,Viviane Reding: http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82

Natasha Bertaud (+32 2 2967 456

1 :

Consumer Empowerment survey (L-Istħarriġ dwar it-Tisħiħ tal-Konsumatur); L-Ewrobarometru Nru 342; 2010..

2 :

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (European Consumer Centres) u s-CPC

3 :

Dawn is-setturi kienu identifikati bħala wħud mill-aktar problematiċi għall-konsumaturi, skont il-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (il-Consumer Markets Scoreboard).


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site