Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ambjent: Niċċelebraw 20 sena ta' protezzjoni tan-natura min-naħa tal-UE

Brussell, il-21 ta'Mejju 2012 – Illum huwa l-20 anniversarju ta' żewġ strumenti ewlenin għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tan-natura fl-UE: id-Direttiva dwar il-Ħabitats u LIFE, il-programm ta' finanzjament tal-UE għall-ambjent. Għoxrin sena ilu, l-Istati Membri tal-UE adottaw b'mod unanimu d-Direttiva dwar il-Ħabitats biex tissalvagwardja l-ispeċitajiet u l-ħabitats naturali l-aktar mhedda fl-Ewropa. Dan kien bi tweġiba għat-tħassib dwar it-tnaqqis rapidu ta' organiżmi slavaġ u t-telf ta' ħabitats naturali, li huma r-riżultat ta' bidliet fl-użu tal-art, ta' tniġġis u ta' tixrid urban. Biex jingħata spazju għall-irkupru tal-ispeċijiet u tal-ħabitats naturali, id-Direttiva waqqfet in-netwerk Natura 2000 ta' żoni protetti u l-istrument finanzjarju LIFE li pprovda appoġġ strateġiku għall-iżvilupp tiegħu.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Illum, hekk kif qed niċċelebraw l-20 anniversarju tagħhom, nistgħu nkunu kburin bil-liġijiet ta' protezzjoni tan-natura tal-UE li jgħinuna napprezzaw u nieħdu ħsieb il-patrimonju rikk naturali tagħna. Il-bijodiversità hija l-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna, u Natura 2000, li tipproteġi ż-żoni bl-aktar valur għoli ta' bijodiversità, hija l-qofol tagħha. Għamilna progress kbir fl-aħħar żewġ deċennji, u hemm ħafna għalxiex għandna niċċelebraw, iżda n-natura għad għandha bżonn l-għajnuna tagħna, u hija ta' dan tħallasna lura diversi drabi permezz tas-servizzi vitali tal-ekosistemi li tipprovdi".

Żewġ deċennji wara l-adozzjoni tagħha, id-Direttiva pprogressat ħafna 'l quddiem biex twaqqaf l-qerda fuq skala kbira tal-assi tagħna tal-bijodiversità l-aktar importanti, u għadd ta' speċijiet u ħabitats naturali diġà qed juru sinjali ta' rkupru. In-netwerk Natura 2000 għandu aktar minn 26,000 sit protett fuq medda ta' art li hija ekwivalenti għad-daqs tal-Ġermanja, tal-Polonja u tar-Repubblika Ċeka f'daqqa. Issa, kważi 18 % tat-territorju tal-UE huwa inkluż fin-netwerk, flimkien ma' 200.000 kilometru kwadru ta' żoni protetti tal-baħar. Is-Slovenja pereżempju, indikat iktar minn terz tat-territorju tagħha bħala żona protetta.

Il-finanzjament tal-UE għall-konservazzjoni tan-natura żdied fl-aħħar 20 sena. Adottat fl-istess żmien tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, LIFE ikkontribwixxa aktar minn EUR 1.2 biljun għall-ġestjoni u għar-restawr ta' aktar minn 2000 sit ta' Natura 2000 fl-UE.

Il-proġetti ffinanzjati mill-LIFE huma responsabbli mill-ispeċijiet li qegħdin fil-periklu biex ma jispiċċawx estinti, bħall-masklu bil-perla tal-ilma ħelu fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka, il-Kamoxx tal-Abruzzo fl-Italja, il-lifgħa tal-mergħat Ungeriża u l-Ajkla Imperjali Spanjola. Il-LIFE jappoġġja wkoll il-konservazzjoni tar-rospu ta' żaqqu ħamra fil-Ġermanja, fid-Danimarka, fl-Isvezja u fil-Latvja.

Il-qerda fuq skala kbira tal-ħabitats naturali importanti, li huma rikki fl-organiżmi slavaġ, twaqqfet, grazzi għal għadd kbir ta' proġetti prattiċi ta' restawr madwar l-UE bħal dawk li jipproteġu l-għarma tar-ramel fil-Litwanja, it-tindif tal-Qigħan tal-Posidonia minn speċijiet eżotiċi fi Franza, kif ukoll ir-restawr tad-Danubju fl-Awstrija, tal-foresta b'siġar deċidwi fl-Isvezja, tal-artijiet mistagħdra fil-Pajjiżi l-Baxxi, u tal-bur fil-Polonja u fid-Danimarka. Ħafna minn dawn l-inizjattivi ġew appoġġjati mill-LIFE.

Sfond

In-Natura 2000 mhijiex sistema stretta ta' riservi tan-natura iżda hija bbażata fuq il-prinċipju ħafna usa' ta' ġestjoni sostenibbli tal-art u tal-użu tal-ilma. L-attivitajiet ekonomiċi jistgħu jiġu mwettqa, sakemm dawn ma jkunux ta' theddida għall-għan ta' konservazzjoni tas-siti. Natura 2000 ipprovda għadd ta' opportunitajiet ġodda għar-rikreazzjoni u għat-turiżmu. Huwa stmat li kull sena hemm bejn 1.2 u 2.2 biljun viżitatur fis-siti ta’ Natura 2000 li jipprovdu benefiċċji rikreazzjonali ta' bejn EUR 5 u EUR 9 biljun fis-sena.

L-iżviluppi l-ġodda jridu jissalvagwardjaw ukoll l-integrità tas-siti ta' Natura 2000 u l-iżviluppi li jkunu potenzjalment ta' ħsara jistgħu jitkomplew biss, wara valutazzjoni ekoloġika kompleta, jekk ma jkunx hemm soluzzjoni alternattiva oħra, jekk il-proġetti huma ta' interess pubbliku importanti u bil-kumpens li jpatti għal kwalunkwe telf jew ħsara magħmula lis-siti. Pereżempju, ġiet magħżula rotta alternattiva għat-triq via Baltica fil-Polonja u ġie adattat is-sit ta' park eoliku fl-Iskozja biex jippreserva l-ajkla Rjali.

Huwa wkoll kritiku l-involviment tal-partijiet interessati lokali fil-ġestjoni ta' Natura 2000 u jipprovdi opportunitajiet ġodda għall-ġestjoni sostenibbli fl-użu tal-art kif ġie muri minn inizjattivi bħall-biedja li tgħin il-konservazzjoni, introdotta permezz ta' proġett tal-LIFE għall-pajsaġġ karst glaċjali f'Burren, l-Irlanda. Pereżempju, fi Franza l-gvern qed jaħdem mill-qrib mas-sidien lokali tal-art biex jidħlu fis-seħħ pjanijiet ta' ġestjoni għal kull sit.

Il-ġestjoni u r-restawr effettiv tas-siti fin-Netwerk Natura 2000 jeħtieġu spejjeż kbar, li wħud minnhom jistgħu jintlaħqu permezz tal-fondi tal-UE bħall-fondi għall-iżvilupp rurali u reġjonali. Madanakollu, minbarra l-valur intrinsiku tiegħu, Natura 2000 jipprovdi servizzi vitali tal-ekosistemi u benefiċċji soċjo-ekonomiċi li l-valur monetarju stmat tagħhom jisboq bil-kbir dawn l-ispejjeż ta' investiment.

Il-Kummissjoni llum nediet fuljett ta' ċelebrazzjoni fuq id-Direttiva dwar il-Ħabitats li juri għażla tal-ħafna kisbiet li saru s'issa, li juru l-valur miżjud reali ta' din il-leġiżlazzjoni, tal-UE, fl-Istati Membri kollha. Hemm avvenimanti ta' ċelebrazzjoni madwar l-Ewropa kollha; ġew ippjanati avvenimenti speċjali f'għadd ta' siti ta’ Natura 2000 fl-Istati Membri, u aktar minn 300 avveniment tal-LIFE. F'Ottubru tal-2012, f'Belġju, se ssir konferenza ewlenija.

Għal aktar informazzjoni

Il-fuljett ta' ċelebrazzjoni "Id-Direttiva dwar il-Ħabitats":

http://ec.europa.eu/environment/nature/info/pubs/directives_en.htm

Il-paġna ewlenija tan-Natura u tall-Bijodiversità tal-UE:

http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-programm tal-UE LIFE:

http://ec.europa.eu/environment/life/funding/lifeplus.htm

Materjal awdjoviżiv dwar il-proġetti tal-LIFE:

http://lifevideos.eu/videos/

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website