Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni twettaq l-ewwel “kontroll tas-saħħa” ta’ Schengen

Brussell, is-16 ta’ Mejju 2012 - Aktar minn 400 miljun Ewropew bħalissa qed igawdu minn vjaġġar mingħajr passaport fiż-żona Schengen. L-Ewropej jagħmlu aktar minn 1.25 biljun vjaġġ kull sena u dan jitlob li jkun hemm viġilanza fuq id-difiża tad-dritt taċ-ċittadini għall-moviment liberu. Illum, il-Kummissjoni adottat l-ewwel “kontroll tas-saħħa” tagħha, li huwa ħarsa globali biannwali lejn il-funzjonament taż-żona Schengen, li se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-gwida u l-kooperazzjoni politika fost il-pajjiżi li jinsabu fiż-żona Schengen. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn linji gwida li jippruvaw jiżguraw interpretazzjoni u implimentazzjoni koerenti tal-kwistjonijiet magħżula, fi spirtu ta’ solidarjetà.

Schengen huwa waħda mill-kisbiet bl-aktar valur tal-integrazzjoni Ewropea. Huwa apprezzat b’mod wiesa’ miċ-ċittadini tal-UE u jagħmel kontibut ewlieni lill-prosperità ekonomika tagħna. Kulħadd għandu jagħti sehmu biex jiġi ppreservat Schengen. Dan jibda b'dibattitu regolari u siewi fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill li għalih ir-rapport tal-lum jipprovdi bażi tajba”, qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

L-ewwel rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2011 sat-30 ta’ April 2012 u jivvaluta b’mod partikolari:

Is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni ta’ Schengen u fi ħdan iż-żona Schengen

L-attenzjoni fil-fruntieri esterni ta’ Schengen hija ffokata fuq numru limitat ta’ punti kritiċi, b’mod partikolari r-rotta tal-Mediterran tal-Lvant li tgħaddi mit-Turkija għall-Greċja. Fl-aħħar tliet xhur tal-2011, inkixfu kważi 30,000 vjaġġ irregolari bejn il-fruntieri fil-fruntieri esterni u madwar 75 % minnhom kienu fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant.

Wara n-nuqqasijiet serji li ġew identifikati fil-Greċja, il-Kummissjoni tqis li l-isforzi, speċjalment fir-rigward tal-kontroll tal-fruntieri esterni fuq l-art u fil-baħar, għandhom ikomplu jkunu ta’ prijorità. Għalhekk l-UE għandha tkompli tappoġġa l-isforz tal-pajjiż biex iġestixxi l-fruntieri esterni tiegħu, b’mod partikolari billi tgħin lill-Greċja tagħmel użu aktar effiċjenti tal-fondi rilevanti tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

L-applikazzjoni tar-regoli ta’ Schengen

Matul il-perjodu ta' sitt xhur kopert mir-rapport, il-kontrolli fil-fruntieri interni ġew introdotti mill-ġdid darbtejn biss: minn Franza fil-fruntiera tagħha mal-Italja (għas-Summit tal-G20 fit-3-4 ta’ Novembru 2011) u minn Spanja fil-fruntiera tagħha ma’ Franza u fl-ajruporti ta’ Barċellona u Ġerona (għal-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew fit-2-4 ta’ Mejju 2012). Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli tal-pulizija u l-ostakoli fil-fruntieri interni.

Il-verifiki tal-applikazzjoni korretta tar-regoli twettqu f’bosta Stati parteċipanti (permezz tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen) fir-rigward ta': il-fruntieri tal-ajru fl-Ungerija, Malta u s-Slovenja, il-viżi fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta u s-Slovenja, SIS/Sirene fil-Finlandja u l-Isvezja, il-kooperazzjoni tal-pulizija f’Malta, is-Slovenja, l-Isvezja, l-Islanda u n-Norveġja u l-protezzjoni tad-dejta fir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, l-Islovakkja u l-Islanda. Għalkemm ir-rapport juri li f’xi każijiet hemm lok għal titjib, l-ebda waħda mill-evalwazzjonijiet ma wriet it-tip ta’ nuqqasijiet li jirrikjedu azzjoni immedjata mill-Kummissjoni.

Proċeduri tal-ħruġ tal-viżi u reġimi ħielsa mill-viża

It-tnedija tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fil-11 ta’ Ottubru 2011 kienet ta’ suċċess fl-ewwel reġjun fejn intużat (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija). L-uffiċċji konsulari tal-Istati ta’ Schengen kollha madwar id-dinja għandhom ikunu konnessi mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fi żmien sentejn.

Linji gwida dwar il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza (temporanji) u dokumenti tal-ivvjaġġar

Il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-ħtieġa li Stat Membru jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fil-ħin bid-deċiżjonijiet li għandhom l-intenzjoni jieħdu fir-rigward tal-ħruġ tal-permessi ta’ residenza. Jekk migrant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-ivvjaġġar fi ħdan iż-żona Schengen, l-Istat Membri li joħroġ permess ta’ residenza (temporanju) għandu jagħżel li joħroġ permess ta’ residenza (provviżorju) li mhuwiex ekwivalenti għal viża għal permanenza qasira f’Schengen. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lid-detenturi ta’ tali dokumenti b’mod xieraq u effiċjenti, dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu (jew ma jistgħux) jivvjaġġaw fi ħdan iż-żona Schengen.

Linji gwida dwar il-miżuri tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri esterni

L-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw setgħat tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri interni, sabiex jivverifikaw id-dritt ta’ persuna li tibqa’ fi ħdan it-territorju. Madankollu, il-kontrolli jistgħu jitwettqu biss bħala kontrolli għal għarrieda skont il-valutazzjoni tar-riskju.

Meta tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri interni mar-regoli ta’ Schengen, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat kif dawn il-kontrolli jiġu implimentati fil-prattika. Il-Kummissjoni għandha tikseb informazzjoni konkreta tal-istatistika mill-Istati Membri; għalhekk tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex iressaq informazzjoni dwar il-kontrolli mwettqa fil-fruntiera matul perjodu stabbilit kif ukoll dwar kif dawn il-kontrolli kkontribwixxew għall-kisba tal-għanijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni jew l-istrateġiji nazzjonali, jiġifieri fil-ġlieda kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri.

Sfond

F’Settembru 2011, il-Kummissjoni għamlet proposti biex issaħħaħ l-effiċjenza u l-leġittimità tas-sistema Schengen (IP/11/1036 u MEMO/11/606).

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Il-ġestjoni ta’ Schengen - it-tisħiħ taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni”, il-Kummissjoni wriet l-intenzjoni tagħha li tippreżenta lill-istituzzjonijiet tal-UE, darbtejn fis-sena, ħarsa globali lejn il-funzjonament ta' Schengen.

L-ewwel rapport adottat illum jipprovdi l-bażi għal dibattitu fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-gwida u l-kooperazzjoni politika bejn is-26 pajjiż li huma parti miż-żona Schengen (l-Istati Membri kollha għajr ir-Renju Unit, l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Bulgarija u Ċipru, u l-pajjiżi mhux fl-UE l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein).

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tas-sit tad-DĠ Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website