Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Unjoni Ewropea fis-Samit tal-G8 f’Camp David (L-Istati Uniti tal-Amerika) bejn it-18 u d-19 ta’ Mejju 2012: “Naġixxu flimkien”

Commission Européenne - IP/12/480   16/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Unjoni Ewropea fis-Samit tal-G8 f’Camp David (L-Istati Uniti tal-Amerika) bejn it-18 u d-19 ta’ Mejju 2012: “Naġixxu flimkien”

Brussell, is-16 ta’ Mejju 2012 - Is-Samit tal-G8 ta’ din is-sena bil-motto "Naġixxu Flimkien" huwa ppresedut mill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika Obama f’Camp David u jseħħ eżatt qabel is-Samit tan-Nato f’Chicago bejn l-20 u l-21 ta’ Mejju, xahar qabel is-Samit tal-G20 fil-Messiku. L-Unjoni Ewropea hi membru sħiħ tal-G8 u hi rrappreżentata mill-President tal-Kummissjoni Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Van Rompuy.

L-Unjoni Ewropea se tkun f’Camp David biex tikkontribwixxi b’mod attiv għas-sejbien ta’ soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali l-aktar urġenti li jinsabu fuq l-aġenda, li jvarjaw mill-ekonomija dinjija għas-sigurtà tal-ikel, mill-enerġija u l-klima għall-iżviluppi reġjonali u politiċi kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ sigurtà.

Il-President José Manuel Barroso, qal: "Qed nistenna bil-ħerqa din il-laqgħa tal-G8 li jmiss f’Camp David. L-UE se tmur il-G8 b’messaġġ ċar: l-Ewropa hi ddeterminata li tibqa’ għaddejja fi triqitha, dik li ssegwi l-istrateġija komprensiva tagħha biex toħroġ mill-kriżi u tirritorna għat-tkabbir. L-ingredjenti ewlenin tar-rispons tagħna huma inklużi f’approċċ ibbażat fuq żewġ binarji: finanzi pubbliċi sodi u miżuri li jiffavorixxu t-tkabbir. Dan hu l-uniku mod biex nerġgħu nakkwistaw il-fiduċja. Se niddiskutu wkoll dwar il-klima u l-enerġija, is-sigurtà tal-ikel u kwistjonijiet internazzjonali topiċi oħra, bħall-Afganistan u r-Rebbiegħa Għarbija. L-UE qed tieħu azzjonijiet deċiżivi biex toħloq żvilupp sostenibbli, iżżid ir-reżiljenza agrikola u tnaqqas il-faqar, tippromwovi l-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt u ssaħħaħ l-istabbiltà internazzjonali. L-UE hi lesta li tirrispondi għall-isfidi globali b’responsabbiltà u solidarjetà, kemm fil-G8 u kemm lil hinn."

Bħalma l-President Van Rompuy iddikjara, “dan is-Samit tal-G8 qed iseħħ waqt bidliet ekonomiċi u politiċi sinifikanti madwar id-dinja. Ix-xogħol preparatorju intensiv li sar mill-Presidenza tal-Istati Uniti tal-Amerika se jippermettilna biex niffukaw f’termini konkreti fuq il-kwistjonijiet globali l-aktar urġenti. L-ekonomija, l-enerġija, is-sigurtà tal-ikel, il-politika barranija u s-sigurtà, se jkunu l-enfasi tad-deliberazzjonijiet tagħna f’Camp David. L-UE hi impenjata bis-sħiħ fil-proċess tal-G8 u hi lesta biex tikkontribwixxi għall-kwistjonijiet kollha fuq l-aġenda, b’mod partikolari biex tappoġġa t-tkabbir b’saħħtu u l-ħolqien tax-xogħol fl-ekonomiji tagħna”.

Filwaqt li se jindirizzaw fil-bidu l-ekonomija globali, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Van Rompuy se jispjegaw ukoll is-sitwazzjoni wara r-rispons tal-UE għall-kriżi ekonomika.

Dwar il-kummerċ, il-President Barroso u l-President Van Rompuy se jenfasizzaw l-importanza tiegħu bħala sors importanti għat-tkabbir. Se jitolbu għat-tisħiħ tas-sistema multilaterali, għat-tkomplija tal-ġlieda kontra l-miżuri ta’ protezzjoniżmu u għall-protezzjoni tal-investimenti.

L-UE kienet pijunier fl-azzjoni kontra l-bidla fil-klima globali u se tkompli taħdem aktar. Il-Presidenti se jenfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni urġenti u qawwija fil-kuntest tan-NU, biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet tas-CO2s u ta’ gassijiet oħra b’effett ta’ serra ħalli titkompla l-ħidma fit-triq it-tajba biex jintlaħqu l-għanijiet li ġew miftiehma fil-livell internazzjonali u biex isir progress għall-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Durban.

Dwar is-sigurtà tal-ikel, l-UE tittama li dan is-Samit se jibni fuq il-progress preċedenti, notevolment l-Inizjattiva tas-Sigurtà tal-Ikel ta’ L’Aquila mill-2010, li għaliha l-UE għamlet l-akbar wegħda – kważi USD 4 biljun minn total ta’ USD 22 biljun. Hi laħqet u qabżet dan l-impenn f’sentejn biss. Barra minn hekk, il-Faċilità tal-Ikel tal-UE, li tħabbret mill-UE fis-Samit tal-G8 fil-Ġappun fl-2008, għenet biex 50 miljun ruħ f’50 pajjiż madwar id-dinja ikollhom x’jieklu, permezz ta’ aktar minn 200 proġett. Filwaqt li ma rridux ninsew lil dawk kollha li għad għandhom bżonn l-appoġġ imminenti tagħna, il-komunità internazzjonali għandha tibda tibni sistemi agrikoli reżiljenti bħala parti mir-rispons fit-tul tagħna għall-ġuħ globali, inkluż permezz ta’ investiment fl-agrikoltura mis-settur privat aktar f’saħħtu iżda responsabbli.

Il-President Van Rompuy u l-President Barroso se jikkontribwixxu b’mod attiv biex il-G8 jagħmel enfasi fuq l-iżviluppi reġjonali u politiċi u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà, b’mod partikolari fuq it-transizzjoni ekonomika fl-Afganistan wara l-2014 u l-Partenarjat ta’ Deauville, li tnieda fis-Samit tal-G8 tal-2011.

Għal iktar informazzjoni:

Il-websajt dwar il-G8 tal-President Barroso:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/g20/index_en.htm

Il-websajt dwar il-G8 tal-President Van Rompuy:

http://www.european-council.europa.eu/the-president/summits-with-third-countries?lang=en&summit=201205180

Il-websajt dwar il-G8 tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika:

http://www.state.gov/e/eb/ecosum/2012g8/index.htm

Twitter: http://www.twitter.com/euHvr u

http://www.twitter.com/EC_live

Materjal awdjoviżiv: http://tvnewsroom.consilium.europa.eu/ u

http://ec.europa.eu/avservices/ebs/schedule.cfm

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site