Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija Għall-Istampa

Il-Benessri tal-Annimali: Il-Kummissjoni titlob lil 13-il Stat Membru biex jimplimentaw il-projbizzjoni tal-gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd

Brussell, is-26 ta' Jannar 2012 – Illum il-Kummissjoni Ewropea, permezz ta' ittra ta' avviż formali għall-informazzjoni, appellat lill-Belġju, lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza, lill-Italja, lil Ċipru, lil-Latvja, lill-Ungerija, lill-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Polonja, lill-Portugall u lir-Rumanija biex jieħdu azzjoni li jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, u speċifikament li jimplimentaw il-projbizzjoni tal-gaġeġ "mhux kundizzjonati" (unenriched cages) għat-tiġieġ tal-bajd, li ilha fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012, kif stabbilit bid-Direttiva 1999/74/EC.

Id-deċiżjoni politika għall-projbizzjoni tal-gaġeġ "mhux kundizzjonati" ittieħdet fl-1999. L-Istati Membri kellhom 12-il sena biex jiżguraw it-tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema l-ġdida u biex jimplimentaw id-Direttiva. Madankollu, sal-lum, u minkejja l-appelli wieħed wara l-ieħor mill-Kummissjoni, l-Istati Membri msemmija hawn fuq naqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE kif suppost.

Mill-1 ta' Jannar 2012, id-Direttiva 1999/74/EC titlob li t-tiġieġ kollu tal-bajd jinżamm f'"gaġeġ kundizzjonati" bi spazju akbar biex ibejjet, iħokk id-dwiefer u jistrieħ, jew f'sistemi alternattivi. Skont id-Direttiva, il-gaġeġ jistgħu jintużaw biss jekk jipprovdu lil kull tiġieġa b'mill-inqas 750 ċm² ta' spazju fil-gaġġa, kaxxa fejn tbejjet, post fejn tħammeġ, passiġġieri u mezzi biex isinnu d-dwiefer magħhom, hekk li t-tiġieġ ikun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet bijoloġiċi tiegħu kif ukoll dawk marbuta mal-mod kif jgħix.

Il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva mill-Istati Membri hija essenzjali. Huwa ċar li l-Istati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi legali tagħhom mhux biss joħolqu konsegwenzi koroh għall-benessri tal-annimali iżda jistgħu wkoll jikkawżaw distorsjonijiet fis-suq u inġustizzja fil-kompetizzjoni. L-Istati Membri li għadhom jippermettu l-użu tal-gaġeġ "mhux kundizzjonati" ipoġġu fi żvantaġġ lin-negozji li jkunu investew biex jiġu konformi mal-miżuri l-ġodda.

Għaldaqstant, wara l-azzjoni meħuda llum mill-Kummissjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom xahrejn biex iwieġbu għall-ittra ta' avviż formali skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Jekk jonqsu milli jwieġbu għal din l-ittra b'mod adegwat, il-Kummissjoni tibgħat "Opinjoni Motivata" fejn titlob lil dawn l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva fi żmien xahrejn.

Għal aktar informazzjoni dwar Il-benessri tal-Annimali fl-Irziezet – It-Tiġieġ tal-Bajd, tista' żżur: http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/farm/laying_hens_en.htm

MEMO/11/1216

Għal iktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur: MEMO/12/42

{0>Contacts :<}0{>Kuntatti:<0}

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website