Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-ikel: Il-Kummissjoni tadotta lista għelliema ta' asserzjonijiet permessi dwar is-saħħa

Commission Européenne - IP/12/479   16/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-ikel: Il-Kummissjoni tadotta lista għelliema ta' asserzjonijiet permessi dwar is-saħħa

Brussell, is-16 ta' Mejju 2012 - L-istqarrijiet dwar is-saħħa fuq it-tikketti u fil-pubbliċità tal-ikel, pereżempju dwar ir-rwol tal-kalċju fis-saħħa tal-għadam, jew ir-rwol tal-vitamina Ċ fl-immunità tal-ġisem għall-mard, saru għodda importanti għall-kummerċjalizzazzjoni biex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, il-konsumaturi tal-UE jippretendu tagħrif preċiż dwar il-prodotti li jixtru, b'mod partikolari fil-każ tal-asserzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq il-prodotti.

Illum il-Kummissjoni approvat lista ta' 222 asserzjoni dwar is-saħħa. Din il-lista hija msejsa fuq pariri xjentifiċi sodi, se tintuża madwar l-UE u se tgħin ukoll biex jitneħħew mis-suq l-asserzjonijiet qarrieqa qabel tmiem is-sena.

John Dalli, il-Kummissarju responsabbli mis-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Id-deċiżjoni tal-lum hija l-ogħla punt, riżultat ta' bosta snin ta' ħidma u timmarka għelliem ewlieni fir-regolazzjoni tal-asserzjonijiet fuq l-ikel dwar is-saħħa. Il-lista ta' asserzjonijeit dwar is-saħħa li huma permessi madwar l-UE se tkun tista' tinstab onlajn u se tippermetti lill-konsumaturi, ikunu fejn ikunu fl-UE, jagħmlu għażliet imsejsa fuq l-għarfien. Asserzjonijiet li m'għandhomx sostenn xjentifiku se jkollhom jitneħħew mis-suq wara perjodu qasir ta' transizzjoni." Il-lista tipprovdi wkoll iċ-ċarezza legali lill-manifatturi tal-ikel dwar l-asserzjonijiet li jistgħu jagħmlu u dawk li mhumiex permessi. Se jitnaqqas ukoll il-piż amministrattiv, billi l-awtoritajiet kollha tal-infurzar minn issa 'l quddiem se jkollhom lista waħda ta' asserzjonijiet awtorizzati dwar is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom biex jivverifikaw jekk asserzjoni tkunx qarrieqa.

Il-Kummissarju Dalli żied jgħid: "Għad fadal xi xogħol xi jsir u l-Kummissjoni – bl-għarfien espert xjentifiku meħtieġ – issa se tikkonċentra l-isforzi tagħha biex tikkonkludi xogħolha billi taħdem fuq dawk l-asserzjonijiet li għadhom qed jitqiesu."

L-asserzjonijiet li ntemm il-proċess tal-awtorizzazzjoni tagħhom, se jiġu elenkati fir-Reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa, kif jeżiġi r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel. Dan ir-Reġistru tal-Unjoni huwa bażi tad-dejta interattiva u jinsab fil-websajt tal-Kummissjoni.

Il-manifatturi tal-ikel se jkollhom żmien ta' sitt xhur biex jaddattaw il-prattiċi tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda. Mill-bidu ta' Diċembru 2012 'il quddiem, l-asserzjonijiet kollha mhux awtorizzati u dawk li mhumiex qed jinżammu/jitqiesu, se jkunu pprojbiti.

Kuntest

Dan ir-Regolament tal-Kummissjoni jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, b'mod partikolari l-Artikolu 13(3). L-Istati Membri ppreżentaw listi ta' xi 44 000 asserzjoni dwar is-saħħa fl-2008, u dawn ġew ikkonsolidati mill-Kummissjoni f'lista ta' madwar 4 600. Sal-2010 dawn l-asserzjonijiet intbagħtu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel (EFSA) li wettqet valutazzjoni xjentifika dwar jekk setgħux jiġu sostnuti dawn l-asserzjonijiet. F'Ġunju 2011, l-EFSA ffinalizzat il-ħidma ewlenija tagħha fuq l-asserzjonijiet kollha dwar is-saħħa, minbarra dawk li jikkonċernaw is-sustanzi botaniċi. L-Istati Membri qablu li jawtorizzaw l-asserzjonijiet elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament tal-Kummissjoni waqt seduta tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-5 ta' Diċembru 2011. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill studjaw din il-lista matul il-perjodu ta' skrutinju, li ntemm mingħajr ma saru oġġezzjonijiet, fis-27 ta' April 2012.

Il-lista li adottat illum il-Kummissjoni Ewropea fiha 222 asserzjoni li jirrappreżentaw kważi 500 entrata mil-lista kkonsolidata. 'Il fuq minn 1 600 minn dawn l-entrati mhumiex se jiġu awtorizzati. Għall-bqija, il-proċess tal-awtorizzazzjoni qed jiġi ffinalizzat. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jinfurzaw ir-regoli dwar l-asserzjonijiet dwar is-saħħa.

Għal aktar tagħrif dwar l-asserzjonijiet dwar is-saħħa żur:

http://ec.europa.eu/food/food/labellingnutrition/claims/index_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar ir-Reġistru żur:

http://ec.europa.eu/nuhclaims/

Ara wkoll:

MEMO/12/346

IP/11/1460

MEMO/11/868

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site