Navigation path

Left navigation

Additional tools

In-negozjar tal-emissjonijiet: ir-rendikont annwali tal-konformità juri li l-emissjonijiet naqsu fl-2011

European Commission - IP/12/477   15/05/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

In-negozjar tal-emissjonijiet: ir-rendikont annwali tal-konformità juri li l-emissjonijiet naqsu fl-2011

Brussell, il-15 ta' Mejju 2012 - Is-sena l-oħra, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-istallazzjonijiet li kienu qed jieħdu sehem fl-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (EU ETS) naqsu b'aktar minn 2 %, skont it-tagħrif meħud mir-reġistri tal-Istati Membri.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, qalet: "L-Emissjonijiet ETS naqsu b'aktar minn 2 % fl-2011 minkejja l-espansjoni tal-irkupru ekonomiku. Dan ir-riżultat tajjeb juri li l-ETS qed tirriżulta fi tnaqqis kosteffikaċi tal-emissjonijiet. Jisħaq ukoll għala l-ETS tibqa’ l-magna li tagħti spinta lit-tkabbir b'livell baxx ta' karbonju fl-Ewropa. Madanakollu, għad hemm ammont dejjem jikber ta' kwoti li mhumiex użati. Din hija r-raġuni għala l-Kummissjoni, kif ħabbret ix-xahar li għadda, bħalissa qiegħdha tirrevedi l-profil ta' ħin tal-fażi 3 tal-irkantijiet bl-għan li tnaqqas l-għadd ta' kwoti għall-irkant fis-snin bikrija tal-fażi 3".

Id-dejta dwar l-emissjonijiet tal-2011

L-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet tkopri aktar minn 12,000 impjant tal-enerġija u stallazzjonijiet tal-manifattura fis-27 Stat Membru, fin-Norveġja u fil-Liechtenstein u, minn din is-sena, tkopri wkoll l-emissjonijiet minn linji tal-ajru li jtiru minn ajruporti f'dawn il-pajjiżi jew lejhom. Minkejja l-espansjoni tal-ekonomija Ewropea, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra vverifikati minn dawn l-istallazzjonijiet1 naqsu għal 1,898 miljun tunnellata ta' ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju, jiġifieri aktar minn 2 % anqas mil-livell tal-2010.

Livell għoli ta' konformità mill-istallazzjonijiet

Il-kumpaniji għal darb’oħra kellhom livell għoli ta' konformità mar-regoli tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet. Sad-data tal-iskadenza, jiġifieri sat-30 ta’ April 2012, anqas minn 1 % tal-istallazzjonijiet li kienu qed jieħdu sehem fl-iskema ma ċedewx il-kwoti li jkopru l-emissjonijiet kollha tagħhom tal-2011. Tipikament, dawn huma stallazzjonijiet żgħar u l-emissjonijiet tagħhom flimkien jammontaw għal anqas minn 1 % tal-emissjonijiet kollha koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet. Sal-istess skadenza, tnejn fil-mija tal-istallazzjonijiet kienu għadhom ma bagħtux l-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għall-2011.

It-tieni sena ta' emissjonijiet irrappurtati minn operaturi tal-inġenji tal-ajru b'livell ta' konformità għoli ħafna

Bħal fl-2010, il-linji tal-ajru kummerċjali b'operazzjonijiet sinifikanti minn jew lejn ajruporti tal-UE kważi kollha rrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom għall-2011 fil-ħin, minkejja l-fatt li dawn l-emissjonijiet ma jirriżultawx f'obbligi li jċedu l-kwoti din is-sena u mhumiex meħtieġa għal finijiet regolatorji speċifiċi. Aktar minn 1200 rapport ta' emissjonijiet għall-2011 ġew sottomessi lill-Istati Membri mil-linji tal-ajru. Kien hemm nuqqas ta' rappurtar sistematiku tal-emissjonijiet tal-2011 minn titjiriet minn jew lejn ajruporti tal-UE minn linji tal-ajru bbażati fiċ-Ċina u fl-Indja. Dan jikkonċerna 10 linji tal-ajru kummerċjali li attwalment qed joperaw minn jew lejn l-UE, u jirrappreżentaw anqas minn 1 % tar-rapporti ta' emissjonijiet u anqas minn 3 % tal-emissjonijiet2.

Użu akbar ta' krediti internazzjonali, b'mod partikulari miċ-Ċina u mill-Indja

Ir-rekord tas-sena l-oħra għall-użu ta' krediti internazzjonali, żied il-kwoti li mhumiex użati b'xi 450 miljun. Dan ifisser li aktar minn 900 miljun kwota supplimentari tpoġġew fis-suq milli ġew ċeduti għall-użu tal-konformità matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2011.

Mill-2008 'l hawn, l-istallazzjonijiet jistgħu jċedu l-krediti internazzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet iġġenerati permezz tal-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta' Kjoto sabiex jikkumpensaw parti mill-emissjonijiet tagħhom. Is-CERs 3 kienu jammontaw għal 5.8 % taċ-ċedimenti kollha mill-2008 sal-2011. B'mod kumulattiv, l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet kienet responsabbli għall-użu ta’ 456 miljun ta’ CERs, li minnhom 267 miljun huma miċ-Ċina u 79 miljun huma mill-Indja (59 % u 17 % rispettivament tal-użu totali). Is-CERs l-oħra oriġinaw fil-Korea t'Isfel (13 %) u fil-Brażil (6 %), filwaqt li s-6 % l-oħra ġew minn 20 pajjiż ieħor.

Mill-2008 'l hawn, total ta' 100 miljun unità ta' ERUs intużaw fl-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet. L-ERUs 4 kienu jammontaw għal 1.2 % taċ-ċedimenti kollha mill-2008 'l hawn. Iċ-ċedimenti tas-CER u l-ERU mill-2008 'l hawn meħudin f’daqqa, użaw madwar 39 % minn bejn wieħed u ieħor 1.4 biljun kreditu li huma permessi għall-perjodu tan-negozjar ta' bejn l-2008 u l-2012.

Iċ-ċedimenti kollha għall-emissjonijiet tat-tieni fażi, mill-2008 sal-2011

7,830 miljun

100,0%

CERs u ERUs

555 miljun

7 %

Il-kwoti allokati b’xejn jew dawk mixtrija fl-irkant5

7 275 miljun

93 %

Sfond

Fl-ambitu tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet, l-istallazzjonijiet huma meħtieġa jibagħtu d-dejta dwar l-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għal kull sena lir-reġistri tal-Istati Membri. Għall-2011, din id-dejta tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet (CITL) fit-2 ta' April 2012. Mill-15 ta’ Mejju 'l quddiem, ir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet se jibda juri wkoll id-dejta dwar il-konformità u se jagħti tagħrif dwar jekk l-istallazzjonijiet ikunux ikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jċedu ammont ta' kwoti li jkun daqs l-ammont ta' emissjonijiet li jkunu ġew ivverifikati s-sena ta' qabel.

It-tieni perjodu ta' negozjar tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet beda fl-1 ta' Jannar 2008 u se jdum għaddej ħames snin, sal-31 ta' Diċembru 2012. Dan il-perjodu jikkonċidi mal-perjodu li fih il-pajjiżi industrijalizzati jridu jilħqu l-miri tagħhom tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta' Kjoto. L-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet għaddiet minn riforma sostanzjali qabel it-tielet perjodu ta' negozjar, li se jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u se jibqa' għaddej sal-2020. Il-leġiżlazzjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar in-Negozjar tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ġiet adottata fit-23 ta' April 2009 bħala parti mill-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija (IP/09/628), li jistabbilixxi regoli rreveduti għall-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet għal wara l-2012 sal-2020 u għas-snin ta' wara.

Għal iktar tagħrif ara:

Il-paġna ewlenija tar-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet

http://ec.europa.eu/environment/ets/

Il-paġna ewlenija tar-reġistri tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika fis-sit tal-internet EUROPA

http://ec.europa.eu/environment/climat/emission/citl_en.htm

L-iskema rreveduta tal-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet u l-mistoqsijiet l-aktar komuni

http://ec.europa.eu/environment/climat/emission/ets_post2012_en.htm

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

1 :

L-istallazzjonijiet f'Ċipru u fil-Liechtenstein għadhom ma rrappurtawx l-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għall-2011.

2 :

Skont l-emissjonijiet tal-2010 rrappurtati minn dawk il-linji tal-ajru.

3 :

Il-proġetti għall-iffrankar tal-emissjonijiet imwettqin fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) tal-Protokoll ta' Kjoto jiġġeneraw krediti magħrufin bħala “tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet (CERs)”.

4 :

L-unitajiet ta' tnaqqis tal-emissjonijiet (ERUs) jirreferu għall-krediti ġġenerati mill-proġetti għall-iffrankar tal-emissjonijiet imwettqin fil-kuntest tal-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni Konġunta tal-Protokoll ta' Kjoto.

5 :

N.B. l-ewwel kwoti tal-avjazzjoni se jiġu offruti biss fl-irkant matul l-2012.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website