Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għar-riformaturi fil-Viċinati tan-Nofsinhar u tal-Lvant tagħha

European Commission - IP/12/474   15/05/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għar-riformaturi fil-Viċinati tan-Nofsinhar u tal-Lvant tagħha

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2012 - F’Mejju 2011, f'nofs bidliet kbar li affettwaw il-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE lestiet reviżjoni ewlenija tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tagħha. Skont politika ta’ “aktar għal aktar”, ir-riformaturi impenjati fil-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE jingħataw appoġġ akbar u aktar wiesa’ mill-UE.

Il-pakkett tal-PEV ippreżentat illum, minn Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / il-Viċi President tal-Kummissjoni u Štefan Füle, il-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat, jivvaluta l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-approċċ ġdid. Dan il-pakkett jipproponi wkoll pjan direzzjonali biex jagħti spinta akbar lill-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant.

F’dawn l-aħħar 12-il xhar, l-UE rreaġixxiet b’determinazzjoni għal sitwazzjoni li kienet qed tinbidel malajr fil-viċinat tagħha. Il-Komunikazzjoni konġunta tivvaluta r-riżultati tal-politika l-ġdida.

  • L-UE tat orjentazzjoni ġdida lill-programmi ta’ għajnuna u bejn l-2011 u l-2013 għamlet disponibbli EUR 1 biljun aktar biex jitqassmu permezz ta’ programmi innovattivi ġodda - SPRING għall-Viċinat tan-Nofsinhar u EaPIC għall-Viċinat tal-Lvant. Hija żiedet il-limiti ta’ self tal-Bank Ewropew tal-Investiment b’EUR 1.15 biljun, u pproponiet b’suċċess l-estensjoni tal-mandat tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għall-viċinati tan-Nofsinhar tal-UE.

  • L-UE appoġġat lil dawk l-imsieħba li bdew riformi politiċi permezz tal-applikazzjoni tal-loġika “aktar għal aktar” li tippremja r-riforma. Fit-Tuneżija l-UE irdoppjat l-għajnuna finanzjarja tagħha minn EUR 80 miljun għal EUR 160 miljun fl-2011. L-UE rreaġixxiet malajr ukoll biex tillimita r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li qegħdin jiksru b’mod ovvju d-drittijiet tal-bniedem, u timponi sanzjonijiet b’medda wiesgħa kontra dawn ir-reġimi, u minflok tagħti l-appoġġ tagħha lis-soċjetà ċivili u l-popolazzjonijiet affettwati.

  • It-tkomplija tat-taħdidiet 5+2 dwar is-soluzzjoni tal-kunflitt Transnistrijan fir-Repubblika tal-Moldova kienet akkumpanjata minn kooperazzjoni intensifikata mal-Gvern tal-Moldova, it-tnedija ta’ miżuri fuq skala kbira għall-bini tal-fiduċja tal-UE u reviżjoni pass pass tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-reġjun Transnistrijan.

  • F’Settembru tnediet Faċilità tas-Soċjetà Ċivili li tkopri l-pajjiżi kollha tal-PEV b’baġit inizjali ta’ EUR 26 miljun għall-2011 u ammonti addizzjonali simili ppjanati għall-2012 u l-2013.

Meta ġiet iffinalizzata l-valutazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton qalet: Is-sena l-oħra, erġajna nedejna tal-Politika tal-Viċinat tagħna biex nirriflettu l-bidliet storiċi li għaddejjin madwarna. Issa qed naraw l-ewwel riżultati ta’ din ir-reviżjoni, li kellha l-għan tintensifika l-għajnuna għal dawk li għamlu aktar progress fir-riformi demokratiċi u ekonomiċi. Rajna progress kbir f’xi pajjiżi. F’oħrajn, għandha bżonn inħeġġu t-tmexxija politika biex tieħu passi deċiżivi fit-triq tar-riforma. Jien dejjem għidt li se nkunu ġġudikati fuq ix-xogħol tagħna mal-ġirien l-aktar qrib tagħna, u ninsab konvinta li qegħdin nimxu fid-direzzjoni t-tajba. Aħna se nkomplu ngħinu lill-imsieħba tagħna fl-isforzi tagħhom biex jissudaw il-valuri fundamentali u biex jirrinfurzaw ir-riformi ekonomiċi li huma meħtieġa għall-ħolqien ta’ dak li nsejjaħ “demokrazija profonda”.

Štefan Füle żied jgħid “Filwaqt li m’għandniex nikkongratulaw ruħna wisq u għandna dejjem nivverifikaw l-effiċjenza tal-politika tagħna, aħna stabbilixxejna l-politika l-ġdida fuq bażijiet sodi u żviluppajna bosta inizjattivi li jien żgur li diġà qegħdin jagħtu r-riżultati tagħhom".

Sar progress sostanzjali fl-assoċjazzjoni politika mal-pajjiżi msieħba. In-negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (FA) tnedew mar-Repubblika tal-Moldova, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan. Sar progress fl-integrazzjoni ekonomika (l-hekk imsejħa Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi bħala parti integrali tal-FA); tnedew negozjati mal-Moldova u l-Ġeorġja, u dalwaqt se jitnedew mal-Armenja. Huwa ferm possibbli li jinbdew negozjati simili mal-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija qabel it-tmiem tas-sena.

Minkejja li ġew iffinalizzati n-negozjati tal-FA (inklużi ż-ŻKĦPK) mal-Ukraina u ġie inizjalizzat il-Ftehim f’Marzu, it-tħassib li fadal dwar is-sitwazzjoni politika domestika fl-Ukraina tefa’ dubju dwar l-iffirmar u r-ratifikazzjoni bikrija ta’ dan il-ftehim, sakemm dan it-tħassib ma jiġix indirizzat.

Sar progress sinifikanti wkoll fil-qasam tal-mobbiltà. Ittieħdu passi lejn il-liberalizzazzjoni tal-visa mal-imsieħba tal-Lvant, jiġifieri r-Repubblika tal-Moldova, l-Ukraina u l-Ġeorġja. Reċentement ġiet stabbilita sħubija ta' mobbiltà mal-Armenja u dalwaqt se jitnedew negozjati dwar s-sħubija ta' mobbiltà mal-Ażerbajġan. Saret offerta speċjali f’dan il-qasam lill-Belarus. Fin-Nofsinhar, id-djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u s-sigurtà tnedew mal-Marokk u t-Tuneżija u dawn fetħu t-triq għal sħubiji ta’ mobbiltà. Il-Komunikazzjoni tipproponi li jinbeda djalogu mal-Ġordan.

Wara t-talba li saret mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2012, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar is-“Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża” jipproponi Pjan Direzzjonali li jinkludi l-għanijiet, l-istrumenti u l-azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE mmirati lejn l-imsieħba tal-Mediterran tan-Nofsinhar.

Kif miftiehem fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fl-2011, Komunikazzjoni konġunta separata tipproponi Pjan Direzzjonali għas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-ħarifa tal-2013. Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi għall-ewwel darba l-medda sħiħa tal-attivitajiet bilaterali u multilaterali skont is-Sħubija tal-Lvant. Il-Pjan Direzzjonali jerġa’ jikkonferma l-impenn konġunt tal-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Ewropa tal-Lvant għar-riformi demokratiċi u t-trasformazzjoni ekonomika, u jistabbilixxi programm ta’ ħidma ambizzjuż għas-summit tas-sena d-dieħla f’Vilnius. Dan se jagħti spinta għall-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant: biex tiġi aċċellerata l-assoċjazzjoni politika u tiġi approfondita l-integrazzjoni ekonomika tal-pajjiżi msieħba mal-UE; biex tiżdied il-mobilità taċ-ċittadini f'ambjent sikur u amministrat tajjeb; u biex titrawwem il-kooperazzjoni f'medda kbira ta’ setturi.

“Is-Sħubija tal-Lvant tindirizza l-kwistjoni tat-trasformazzjoni mhux lesta” ikkumentat ir-Rappreżentant Għoli Ashton. “Għandi fiduċja li l-Pjan Direzzjonali se jgħin lill-pajjiżi msieħba biex jgħaġġlu t-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija orjentata lejn d-demokrazija u s-suq billi jipprovdi għodda ta’ monitoraġġ bħala appoġġ għall-proċess ta’ riforma tagħhom. Aktar ma jiksbu progress tanġibbli l-pajjiżi msieħba fl-isforzi ta’ riforma tagħhom, aktar l-UE tkun lesta tappoġġahom. Huwa wkoll importanti ħafna li l-imsieħba jagħmlu aktar sforzi biex isolvu l-kunflitti li kissru r-reġjun għal żmien twil wisq. L-UE hija lesta biex issaħħaħ l-appoġġ tagħna għal dawk li huma lesti li jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u jibdew folja ġdida.”

Il-Kummissarju Füle żied jgħid: “Ninsab kuntent nara li din l-għodda tal-politika ġiet żviluppata b’konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, mal-imsieħba tagħna tal-Ewropa tal-Lvant, u mas-soċjetà ċivili. Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi b’mod trasparenti għall-imsieħba kollha l-medda ta’ għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant, l-azzjonijiet ta’ politika mistennija min-naħa tal-imsieħba tagħna, l-appoġġ tal-UE għall-kisba ta' dawn l-għanijiet, u indikazzjoni ta' x'jista' jinkiseb sas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss li għandu jsir fil-ħarifa tal-2013."

Id-dokumenti disponibbli jinkludu:

  • Il-Komunikazzjoni konġunta: “Delivering on a new European Neighbourhood Policy” (Il-Kisba ta’ Politika Ewropea ġdida tal-Viċinat).

  • Il-Komunikazzjoni konġunta: “A Roadmap to the autumn 2013 Eastern Partnership Summit” (Pjan Direzzjonali għas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-ħarifa tal-2013).

  • Żewġ dokumenti ta’ ħidma tal-Persunal konġunti li jipprovdu dettalji dwar id-dimensjonijiet bilaterali u multilaterali tal-Pjan Direzzjonali tas-Sħubija tal-Lvant.

  • Tnax-il dokument ta’ ħidma tal-Persunal konġunti li jivvalutaw il-progress li sar mill-pajjiżi msieħba tal-PEV individwali (rapporti tal-pajjiżi).

  • Rapport dwar is-“Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża ”, li jikkonċerna l-Mediterran tan-Nofsinhar inkluż il-pjan direzzjonali.

  • Rapport dwar is-“Sħubija tal-Lvant”

  • Anness bl-istatisika.

Sett ta’ 16-il Memo, li jiġbru fil-qosor is-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-viċinat.

Kuntatti:

Peter Stano (+32 2 295 74 84)

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Sebastien Brabant (+32 2 298 64 33)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website