
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa
It-Transport: Il-pjanijiet għat-tariffi stradali għandhom ikunu ġusti għas-sewwieqa kollha
Brussell, 14 ta' Mejju 2012 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet linji gwida li fihom wissiet li skont il-liġi tal-UE, l-iskemi ta’ tariffi stradali ma għandhomx jiddiskriminaw kontra s-sewwieqa barranin. L-għan huwa li jiġu megħjuna l-Istati Membri li qed jikkunsidraw li jintroduċu skemi ġodda ta' tariffi għall-karozzi privati.
Il-Viċi-President Siim Kallas qal: "In-nondiskriminazzjoni hija dritt fundamentali skont il-liġi tal-UE. Għandha tkun faċli għal ċittadin Franċiż jew Britanniku li jsuq fis-Slovenja jew fil-Belġju daqs kemm hija għal sewwieq residenti. Is-sistemi ta’ tariffi stradali għandhom ikunu trasparenti u ġusti għal kulħadd."
Is-sitwazzjoni attwali
Seba' Stati Membri, l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja, għandhom skemi ta' tariffi abbażi tal-ħin bl-użu ta’ "vinjetta" għall-karozzi privati. Il-Belġju bħalissa qed jaħdem biex jintroduċi waħda. Il-Pajjiżi l-Baxxi u d-Danimarka ddiskutew l-introduzzjoni ta' sistemi ta’ tariffi stradali, inkluż għall-karozzi privati.
Id-Direttiva "Eurovignette" tal-UE tistabbilixxi lista trasparenti tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ċċarġjati lill-vetturi ta' merkanzija tqal, bħall-ispiża tal-infrastruttura u tar-riperkussjonijiet bħat-tniġġis tal-arja u l-istorbju. Għall-karozzi privati, ma jeżistux regoli bħal dawn. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet bażiċi tat-Trattat jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-applikant.
Matul is-snin, l-iskemi ta’ tariffi stradali għall-karozzi privati wasslu għal għadd kbir ta' lmenti lill-Kummissjoni, u xi wħud minnhom kienu jmorru kontra r-regoli tal-UE. Fl-1996, l-Awstrija kellha timmodifika l-pjanijiet tagħha biex iddaħħal sistema ta’ vinjetti wara li l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-proposta ta' permess annwali ma tkunx ġusta għas-sewwieqa barranin. Fl-2008, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra s-Slovenja minħabba li kienet qed toffri biss vinjetti għal perjodu ta’ sitt xhur. L-awtoritajiet introduċew permessi ta’ ġimgħa.
Linji gwida tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tixtieq toffri linji gwida lill-Istati Membri dwar x'jikkostitwixxi skema ta’ tariffi nondiskriminatorja.
1. Il-Kummissjoni tesprimi preferenza ċara għas-sistema ta’ nolijiet abbażi tad-distanza għaliex hija b'mod inerenti aktar ġusta u aktar effettiva biex tibgħat indikazzjonijiet tal-prezzijiet mis-sistema ta' "stiker tal-vinjetta" b’tariffi abbażi tal-ħin. Jekk is-sistemi ta’ vinjetti ma jiġux imfassla bir-reqqa, huma aktar probabbli li jikkawżaw problemi bla bżonn għas-sewwieqa barranin li li jkunu sempliċiment għaddejin minn pajjiż.
2. Meta tintuża "sistema ta' vinjetti" b’tariffi abbażi tal-ħin, ċerti kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfati.
Għandu jkun hemm:
(a) Ammont minimu ta' vinjetti għal perjodu qasir Irid ikun hemm, bħala minimu, "vinjetti" disponibbli għal perjodi ta’ ġimgħa, ta’ xahar u ta’ sena għar-residenti u għal persuni mhux residenti. Bla dubju, il-vinjetti għall-iqsar perjodu huma probabbli li jintużaw l-aktar mill-persuni mhux residenti.
(b) "Proporzjon tal-prezz medju ta' kuljum" aċċettabbli Il-proporzjon tal-prezz medju ta' kuljum jindika l-prezz medju, espress fil-prezz ta' kuljum ekwivalenti, li tħallas persuna mhux residenti (bl-użu tal-vinjetti għall-iqsar perjodu, pereżempju, vinjetta ta' ġimgħa) imqabbel mal-prezz li jħallas resident li juża vinjetta għall-itwal perjodu (pereżempju, vinjetta ta' sena) ara t-Tabella 1 hawn taħt.
Skont l-iskemi li hemm bħalissa, il-prezz medju ta' kuljum li tħallas persuna mhux residenti jista' jvarja minn 2.5 sa 8.2 darbiet aktar mill-prezz li jħallas resident. Dan se jitqies bħala l-ogħla limitu aċċettabbli. Bħala paragun, il-proporzjon massimu permess mid-Direttiva "Eurovignette" tal-UE għal vetturi ta' merkanzija tqal huwa ta' 7.3.
Tabella 1. Prezz Medju ta' Kuljum
Prezz Medju ta' Kuljum għall-2012 (EUR)
| L-Ungerija | L-Awstrija | Ir-Rumanija | Is-Slovakkja | Il-Bulgarija | Ir-Repubblika Ċeka | Is-Slovenja |
Vinjetta għall-iqsar perjodu
| €1.03 | €0.80 | €0.43 | €1.00 | €0.71 | €1.24 | €2.14 |
Vinjetta għall-itwal perjodu
| €0.41 | €0.21 | €0.08 | €0.14 | €0.09 | €0.16 | €0.26 |
Proporzjon bejn il-vinjetti għall-iqsar u l-itwal perjodi
| 2.5 | 3.8 | 5.6 | 7.3 | 7.7 | 7.6 | 8.2 |
Jista' jkun hemm raġunijiet oġġettivi għal tariffi ogħla ta' vinjetti għal perjodu qasir – bħal spejjeż amministrattivi ogħla. Iżda dawn l-ispejjeż għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonali.
(c) Informazzjoni ċara dwar tariffi għall-utenti għandha tkun faċilment disponibbli għall-persuni mhux residenti. Persuni mhux residenti għandhom jiġu pprovduti b'firxa ta' alternattivi għal kif iħallsu, inklużi stazzjonijiet ta' ħlas fil-fruntiera li huma faċilment aċċessibbli kif ukoll permezz tat-telefown u ta’ siti elettroniċi. L-infurzar ma għandux ikun iffokat biss fiż-żoni ta’ fruntiera.
Sfond – Tariffi Stradali
Huwa għal kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk dan jixtieqx jintroduċi tariffi stradali, għal liema vetturi (jekk mhux kollha), u kif huwa jiġbor it-tariffi. Sal-lum, xi Stati Membri għażlu li jużaw sistema ta' nolijiet abbażi tad-distanza, filwaqt li oħrajn jużaw sistema ta' stiker tal-"vinjetta" b’tariffi abbażi tal-ħin. Oħrajn ma jitolbu ebda ħlas.
Hija mehmuża tabella li turi r-rati attwali ċċarġjati lis-sewwieqa f' 7 Stati Membri tal-UE li jużaw il-vinjetti.
http://ec.europa.eu/transport/road/road_charging/charging_private_vehicles_en.htm
Għal aktar informazzjoni ara l-MEMO/12/322
Contacts: Helen Kearns, tel. +32 2 298 76 38 Dale Kidd, tel. +32 2 295 74 61 |
Anness
Tariffi attwali għall-utenti tat-triq (vinjetti) għal vetturi tal-passiġġieri ≤ 3.5 t fl-UE1
2012
L-Awstrija | |||||
ġimgħa (10 ijiem) | xahrejn | sena | |||
8 € | 23.40 € | 77.80 € | |||
Il-Bulgarija | |||||
ġimgħa (7 ijiem) | xahar | sena | |||
5 € | 13 € | 34 € | |||
Ir-Repubblika Ċeka | |||||
ġimgħa (10 ijiem) | xahar | sena | |||
12.40 € | 17.60 € | 59.90 € | |||
L-Ungerija (sistema ta' vinjetti elettronika) | |||||
ġimgħa (10 ijiem) | xahar | sena | |||
10.30 € | 16.60 € | 148.90 € | |||
Is-Slovakkja | |||||
ġimgħa (10 ijiem) | xahar | sena | |||
10 € | 14 € | 50 € | |||
Is-Slovenja | |||||
ġimgħa (7 ijiem) | xahar | sena | |||
15 € | 30 € | 95 € | |||
Ir-Rumanija (sistema ta' vinjetti elettronika) Vetturi privati ħfief u vetturi kummerċjali ħfief li jintużaw għat-trasport tal-passiġġieri | |||||
ġimgħa (7 ijiem) | xahar | 3 xhur | sena | ||
3 € | 7 € | 13 € | 28 € | ||
Vetturi kummerċjali ħfief li jintużaw għat-trasport tal-merkanzija | |||||
ġimgħa (7 ijiem) | xahar | 3 xhur | sena | ||
6 € | 16 € | 36 € | 96 € | ||
Ir-rati tal-kambju ta' flus tas-27 ta’ Frar 2012
It-Tabella ma fihiex ir-rati tal-vinjetti għall-muturi u t-trejlers ħfief.