Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi riforma komprensiva tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta biex iżżid il-kontroll tal-utenti fuq id-dejta tagħhom u biex jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji

Brussell, il-25 Jannar 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet riforma komprensiva tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE tal-1995 biex jjssaħħu d-drittijiet tal-privatezza onlajn u tingħata spinta lill-ekonomija diġitali tal-Ewropa. Il-progress teknoloġiku u l-globalizzazzjoni biddlu ħafna l-mod kif id-dejta tagħna tinġabar, tiġi aċċessata u użata. Barra minn hekk, is-27 Stati Membri tal-UE implimentaw ir-regoli tal-1995 b'mod differenti, li wassal għal diverġenzi fl-infurzar. Liġi waħda għandha telimina l-frammentazzjoni attwali u l-piżijiet amministrativi li jiswew ħafna u twassal għal tfaddil għan-negozji ta' madwar EUR2.3 biljun fis-sena. L-inizjattiva se tgħin biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi onlajn, u tipprovdi spinta tant meħtieġa għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa.

"17-il sena ilu, inqas minn 1% mill-Ewropej kienu jużaw l-internet. Illum, ammonti vasti ta' dejta personali jiġu trasferiti u skambjati, tul il-kontinenti u madwar id-dinja fi frazzjoni ta' sekonda" qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja u l-Viċi-President tal-Kummissjoni. "Il-protezzjoni tad-dejta personali hija dritt fundamentali għall-Ewropej kollha, iżda mhux dejjem iħossu li għandhom kontroll sħiħ fuq id-dejta personali tagħhom. Il-proposti tiegħi se jgħinu biex tinbena l-fiduċja f'servizzi onlajn minħabba li n-nies se jkunu infurmati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom u jkollhom aktar kontroll fuq l-informazzjoni tagħhom. Ir-riforma se twettaq dan filwaqt li tagħmel ħajjet in-negozji aktar faċli u tnaqqsilhom l-ispejjeż. Qafas leġiżlattiv sod, ċar u uniformi fil-livell tal-UE ser jgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-Suq Uniku Diġitali u jitrawmu t-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi."

Il-proposti tal-Kummissjoni jaġġornaw u jimmodernizzaw il-prinċipji li jinsabu fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995 biex id-drittijiet tal-privatezza jkunu ggarantiti fil-futur. Dawn jinkludu Komunikazzjoni dwar il-politika tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-għanijiet tagħha u żewġ proposti leġiżlattivi: Regolament li jistipula qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta u Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali u attivitajiet ġudizzjarji relatati.

Il-bidliet ewlenin fir-riforma jinkludu:

  • Sett uniku ta' regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, validu madwar l-UE. Rekwiżiti amministrattivi mhux neċessarji, bħal rekwiżiti ta' notifika għal kumpaniji, se jiġu eliminati. Dan ser jiffranka lin-negozji madwar EUR2.3 biljun fis-sena.

  • Minflok l-obbligu attwali għall-kumpaniji kollha li jinnotifikaw lill-kontrolluri għall-protezzjoni tad-dejta b'kull attività ta' protezzjoni tad-dejta - rekwiżit li wassal għal burokrazija mhux neċessarja u spejjeż għan-negozji ta' EUR130 miljun fis-sena, ir-Regolament jipprovdi għal responsabbiltà imsaħħa għal dawk li jipproċessaw id-dejta personali.

  • Pereżempju, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet għandhom jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja nazzjonali bi ksur fis-sigurtà tad-dejta malajr kemm jista' jkun (jekk ikun fattibbli, fi żmien 24 siegħa).

  • L-organizzazzjonijiet ikollhom jittrattaw biss ma' awtorità nazzjonali unika tal-protezzjoni tad-dejta fil-pajjiż tal-UE fejn ikollhom l-istabbiliment ewlieni tagħhom. Bl-istess mod, in-nies jistgħu jirreferu għall-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta fil-pajjiż tagħhom, anki meta d-dejta tagħhom tkun pproċessata minn kumpanija bbażata barra mill-UE. Kulfejn ikun meħtieġ il-kunsens biex id-dejta tiġi pproċessata, qed jiġi ċċarat li dan għandu jingħata espliċitament, pjuttost milli jkun preżunt.

  • Barra minn hekk, in-nies se jkollhom aċċess aktar faċli għad-dejta tagħhom u jkunu jistgħu jittrasferixxu dejta personali minn fornitur ta' servizz wieħed għal ieħor iktar faċilment (id-dritt għall-portabbiltà tad-dejta). Dan se jżid il-kompetizzjoni fost is-servizzi.

  • Id-dritt "li wieħed jintnesa" se jgħin lin-nies jiġġestixxu aħjar ir-riskji tal-protezzjoni tad-dejta onlajn: se jkunu jistgħu jħassru d-dejta tagħhom jekk ma hemm l-ebda raġunijiet leġittimi biex tinżamm.

  • Ir-regoli tal-UE għandhom japplikaw jekk dejta personali tkun immaniġġata f'pajjiż ieħor minn kumpaniji li huma attivi fis-suq tal-UE u joffru s-servizzi tagħhom liċ-ċittadini tal-UE.

  • L-awtoritajiet nazzjonali indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta se jissaħħu sabiex dawn ikunu jistgħu jinfurzaw aħjar ir-regoli tal-UE f'pajjiżhom. Dawn se jingħataw is-setgħa li jagħtu multi lil kumpaniji li jiksru r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Dan jista' jwassal għal penalitajiet sa EUR1 miljun jew sa 2% tal-fatturat annwali globali ta' kumpanija.

  • Se jkun hemm direttiva ġdida li tapplika prinċipji u regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta u għall- kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali. Ir-regoli se japplikaw kemm għal trasferimenti tad-dejta domestiċi kif ukoll transkonfinali.

Il-proposti tal-Kummissjoni issa se jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE (laqgħa fil-Kunsill tal-Ministri) għad-diskussjoni. Se jidħlu fis-seħħ sentejn wara l-adozzjoni tagħhom.

Sfond

Id-dejta personali hija kwalunkwe informazzjoni relatata mal-individwu, kemm jekk tkun relatata mal-ħajja privata, kif ukoll mal-ħajja professjonali jew pubblika tiegħu. Din tista’ tkun kwalunkwe ħaġa minn isem, ritratt, indirizz tal-email, id-dettalji bankarji, il-kummenti tiegħek fuq websajts tan-netwerking soċjali, l-informazzjoni medika tiegħek, jew l-indirizz IP tal-kompjuter tiegħek. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tgħid li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-aspetti kollha tal-ħajja: id-dar, fuq ix-xogħol, waqt ix-xiri, meta jirċievi kura medika, fl-għassa tal-pulizija jew fuq l-Internet.

Fl-era diġitali, il-ġbir u l-ħżin ta' tagħrif personali huma essenzjali. Id-dejta hija użata min-negozji kollha – minn kumpaniji tal-assigurazzjoni u banek għal siti tal-midja soċjali u għodod ta' tiftix (search engines). F'dinja globalizzata, it-trasferiment tad-dejta lejn pajjiżi terzi sar fattur importanti fil-ħajja ta' kuljum. M'hemm l-ebda fruntieri onlajn u l-cloud computing ifisser li tista' tintbagħat dejta minn Berlin biex tkun pproċessata f’Boston u maħżuna f’Bangalore.

Fl-4 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni stabbilixxiet strateġija biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (IP/10/1462 u MEMO/10/542). L-għanijiet kienu l-ħarsien tad-dejta tal-individwi fl-oqsma kollha tal-linji politiċi, inkluż l-infurzar tal-liġi, filwaqt li titnaqqas il-burokrazija għan-negozju u tiġi ggarantita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta fl-UE. Il-Kummissjoni stiednet reazzjonijiet għall-ideat tagħha u għamlet ukoll konsultazzjoni pubblika separata biex tirrevedi l-d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (95/46/KE) tal-UE.

Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll il-fluss liberu tad-dejta. Din id-Direttiva ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta ġiet ikkumplimentata bi strumenti legali oħrajn, bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għas-settur tal-komunikazzjonijiet. Hemm wkoll regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI).

Id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali huwa rikonoxxut b'mod espliċitu mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mit-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat jipprovdi l-bażi legali għal regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-attivitajiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Għal iktar tagħrif

MEMO/12/41

Press pack: riforma tal-protezzjoni tad-dejta:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/news/120125_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Il-Kummissjoni Ewropea – protezzjoni tad-dejta:

http://ec.europa.eu/justice/data-protection

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Kuntatt:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site